Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0545

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-22 ta’ Frar 2018.
    Kubota (UK) Lted u EP Barrus Limited vs Commissioners for Her Majesty's Revenue & Customs.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Intestaturi tariffarji – Vetturi bil-mutur għat-trasport ta’ merkanzija – Subintestaturi 8704 10 10 u 8704 21 91 – Regolament (UE) 2015/221 – Validità.
    Kawża C-545/16.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    Kawża C‑545/16

    Kubota (UK) Ltd u EP Barrus Ltd

    vs

    Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Intestaturi tariffarji – Vetturi bil-mutur għat-trasport ta’ merkanzija – Subintestaturi 87041010 u 87042191 – Regolament (UE) 2015/221 – Validità”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is‑Sitt Awla) tat-22 ta’ Frar 2018

    Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Intestaturi tariffarji – Vettura kummerċjali ġdida, b’diversi użi li tingrana fuq erba’ roti, b’piż nett ta’ madwar 630 kg, b’kapaċità ta’ rmunkar mingħajr il-brejkijiet ta’ 750 kg u ta’ daqs ta’ madwar 300 × 160 cm – Vettura li għandha kabina miftuħa, mgħammra b’qafas sħiħ ta’ protezzjoni kontra l-qlib, reċipjent għar-rimi msaħħaħ permezz ta’ pjattaforma għat-tgħabija kkostitwita minn qafas tal-azzar b’saħħtu, kif ukoll b’mekkaniżmu għar-rimi li jitħaddem bl-idejn kif ukoll mgħammra b’tajers li jċaqalqu t-terrapien jew il-ħamrija li jistgħu jintużaw fuq art imħarbta, mekkaniżmu tat-tqabbid u konnessjoni tal-irmonk fuq quddiem – Vettura li għandha veloċità li hija limitata għal 25 kilometru fis-siegħa u għandha kapaċità kbira ta’ bbrejkjar – Klassifikazzjoni permezz tar-Regolament 2015/221 fis-subintestatura 87042191 tan-Nomenklatura Magħquda – Bidla tal-kontenut tal-intestaturi tariffarji – Assenza – Validità

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, Anness I, subintestaturi 87042191 u 87401010; Regolament tal-Kummissjoni 2015/221)

    L-eżami tad-domandi magħmula ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/221 tal-10 ta’ Frar 2015 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda.

    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni, billi wettqet il-klassifikazzjoni tariffarja tal-vettura deskritta fil-kolonna 1 tat-tabella li tinsab fl-anness tar-Regolament 2015/221 fis-subintestatura 87042191 u mhux fis-subintestatura 870410, emendatx il-kontenut ta’ dawn iż-żewġ subintestaturi tariffarji.

    F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-kolonna 1 tat-tabella li tinsab fl-anness tar-Regolament 2015/221 dwar is-subintestatura 87042191, il-vettura msemmija fih hija vettura kummerċjali ġdida, b’diversi użi li tingrana fuq erba’ roti, b’piż nett ta’ madwar 630 kg, b’kapaċità ta’ rmunkar mingħajr il-brejkijiet ta’ 750 kg u ta’ daqs ta’ madwar 300 × 160 cm. Din il-vettura għandha kabina miftuħa b’żewġ siġġijiet, mgħammra b’qafas sħiħ ta’ protezzjoni kontra l-qlib, reċipjent għar-rimi msaħħaħ permezz ta’ pjattaforma għat-tgħabija kkostitwita minn qafas tal-azzar b’saħħtu, kif ukoll b’mekkaniżmu għar-rimi li jitħaddem bl-idejn. Mgħammra b’tajers li jċaqalqu t-terrapien jew il-ħamrija li jistgħu jintużaw fuq art imħarbta, mekkaniżmu tat-tqabbid u konnessjoni tal-irmonk fuq quddiem, il-vettura għandha veloċità li hija limitata għal 25 kilometru fis-siegħa u għandha kapaċità kbira ta’ bbrejkjar. Hija maħsuba sabiex tintuża fuq art imħarbta, u b’mod partikolari fuq art imħarbta ħafna. Il-vettura qed tiġi ppreżentata bħala vettura li tista’ tintuża għal diversi funzjonijiet, pereżempju biex timbotta jew tiġbed il-karrijiet, jew inkella biex jinġarru minn naħa għall-oħra annimali, pjanti, kaxxi, ilma u t-tagħmir, jew biex jinġarr il-munizzjon jew l-għalf għall-annimali.

    Għandu jitfakkar li l-merkanzija li taqa’ taħt is-subintestatura 870410 hija, skont il-kliem stess ta’ din tal-aħħar, “[v]etturi li jferrgħu l-materjal ta’ ġo fihom (dumpers) biex jintużaw ‘il hinn mit-triq prinċipali (ġo l-imħarbat)”.

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li s-subintestatura 870410 tan-NM hija intestatura speċifika għall-vetturi li huma speċjalment maħsuba għat-trasport u għall-ħatt ta’ diversi materjali barra min-netwerk tat-toroq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, B.A.S. Trucks, C‑400/05, EU:C:2007:22, punt 36) u li karatteristika essenzjali tal-vetturi li jferrgħu l-materjal ta’ ġo fihom (dumpers) hija li għandhom reċipjent għar-rimi jew li jinfetaħ minn taħt li jippermetti t-trasport ta’ dan il-materjal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, DFDS, C‑396/02, EU:C:2004:536, punt 32).

    Barra minn hekk, skont in-Noti ta’ Spjega tan-NM, jaqgħu taħt subintestaturi 87041010 u 87041090, b’mod partikolari, il-vetturi maħsuba speċjalment għat-trasport ta’ ramel, żrar, ħamrija u ġebel, jiġifieri materjal mhux marbut u li huma intiżi għal barrieri ta’ taħt l-art, mini, jew f’siti fejn qed jittella’ bini, fejn qed isiru xogħlijiet tat-toroq, ajruporti u portijiet.

    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-vettura msemmija mir-Regolament 2015/221 hijiex imfassla speċifikament għal dan l-użu partikolari

    F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-kliem stess ta’ dan ir-regolament li tali vettura hija mgħammra b’kabina miftuħa u reċipjent għar-rimi b’kapaċità ta’ 0.4 m3 jew ta’ madwar 400 kg. B’hekk, il-vettura msemmija mir-Regolament 2015/221, minħabba s-saħħa baxxa tagħha, il-kapaċità tat-tagħbija limitata tagħha u minħabba l-kabina tagħha miftuħa mingħajr protezzjoni tas-sewwieq kontra l-materjal mhux marbut, hija ppreżentata sbiex tintuża għal diversi funzjonijiet ta’ trasport ta’ diversi elementi, bħal pjanti jew annimali, materjal, kaxxi jew munizzjon.

    Minbarra dan, din il-vettura, minħabba l-karatteristiċi tekniċi tagħha u minħabba l-proprjetajiet oġġettvi tagħha, ma tistax tiġi assimilata mal-vetturi li jaqgħu taħt is-subintestatura 870410, peress li ma għandhiex is-saħħa neċessarja għal użu f’siti fejn qed jittella’ bini, karatteristika inerenti għall-vetturi li jferrgħu l-materjal ta’ ġo fihom (dumpers) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, B.A.S. Trucks, C‑400/05, EU:C:2007:22, punt 35).

    Konsegwentement, il-fatt li tali vettura għandha reċipjent għar-rimi, li jippermettilha, b’mod anċillari, li tittrasporta kwantitajiet żgħar ta’ materjal mhux marbut, ma jpoġġix fid-dubju l-fondatezza tal-klassifikazzjoni tagħha taħt is-subintestatura 87042191.

    (ara l-punti 24, 27, 28, 31 sa 37, 40, u d-dispożittiv)

    Top