Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0503

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-14 ta’ Settembru 2017.
    Luís Isidro Delgado Mendes vs Crédito Agrícola Seguros - Companhia de Seguros de Ramos Reais, SA.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta miċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi bil-mutur – Direttivi 72/166/KEE, 84/5/KEE, 90/232/KEE u 2009/103/KE – Serq ta’ vettura – Inċident tat-traffiku – Dannu fiżiku u materjali subit mill-assigurat li huwa proprjetarju tal-vettura, bħala persuna mixja fit-triq – Responsabbiltà ċivili – Kumpens – Kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja – Klawżoli ta’ esklużjoni – Leġizlazzjoni nazzjonali li teskludi lill-assigurat li huwa proprjetarju tal-vettura minn kumpens mill-assigurazzjoni – Kompatibbiltà ma’ dawk id-direttivi – Kunċett ta’ ‘terz li huwa vittma’.
    Kawża C-503/16.

    Kawża C‑503/16

    Luís Isidro Delgado Mendes

    vs

    Crédito Agrícola Seguros – Companhia de Seguros de Ramos Reais SA,

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal da Relação de Évora)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta miċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi bil-mutur – Direttivi 72/166/KEE, 84/5/KEE, 90/232/KEE u 2009/103/KE – Serq ta’ vettura – Inċident tat-traffiku – Dannu fiżiku u materjali subit mill-assigurat li huwa proprjetarju tal-vettura, bħala persuna mixja fit-triq – Responsabbiltà ċivili – Kumpens – Kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja – Klawżoli ta’ esklużjoni – Leġizlazzjoni nazzjonali li teskludi lill-assigurat li huwa proprjetarju tal-vettura minn kumpens mill-assigurazzjoni – Kompatibbiltà ma’ dawk id-direttivi – Kunċett ta’ ‘terz li huwa vittma’”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal‑14 ta’ Settembru 2017

    1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ karozzi-Estensjoni tal-garanzija favur terzi mogħtija mill-assigurazzjoni obbligatorja-Kunċett ta’ “terz li huwa vittma”-Persuna mixja fit-triq li għandha l-kwalità ta’ assigurat li huwa proprjetarju tal-vettura involuta f’dan l-inċident-Inklużjoni

      (Direttivi tal-Kunsill 72/166, 84/5, kif emendata bid-Direttiva 2005/14, Artikolu 2(1), u 90/232, kif emendata bid-Direttiva 2005/14, Artikoli 1a)

    2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ karozzi-Estensjoni tal-garanzija favur terzi mogħtija mill-assigurazzjoni obbligatorja-Esklużjoni tad-danni kkawżati lill-assigurat li huwa proprjetarju tal-vettura fil-kwalita tiegħu ta’ persuna mixja fit-triq-Inammissibbiltà

      (Direttivi tal-Kunsill 72/166, Artikolu 3(1), 84/5, kif emendata bid-Direttiva 2005/14, Artikolu 1(1) u 2(1), u 90/232, kif emendata bid-Direttiva 2005/14, Artikolu 1a)

    1.  B’mod iktar speċifiku għal dak li jirrigwarda l-kwalità ta’ vittma ta’ inċident tat-traffiku ta’ detentur ta’ polza tal-assigurazzjoni u ta’ proprjetarju tal-vettura involuta fl-inċident, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi mfittex mill-Ewwel sat-Tielet Direttiva jeħtieġ li s-sitwazzjoni legali tal-proprjetarju tal-vettura, li kien abbord ta’ din tal-aħħar fil-mument ta’ dan l-inċident bħala passiġġier, tiġi assimilata ma’ dik ta’ kwalunkwe vittma oħra li tkun passiġġier f’dak l-istess inċident (sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Churchill Insurance Company Limited u Evans, C‑442/10, EU:C:2011:799, punt 30). B’analoġija għal dan, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li persuna mixja fit-triq ittajret matul inċident tat-traffiku kienet id-detentriċi ta’ polza tal-assigurazzjoni u l-proprjetarja tal-vettura li kkawżat dan l-inċident ma jippermettix li din il-persuna tiġi eskluża mill-kunċett ta’ “terz li huwa vittma”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva u tal-Artikolu 1a tat-Tielet Direttiva. Fil-fatt, hekk kif irrilevat il-qorti tar-rinviju u kif sostniet korrettament il-Kummissjoni, il-fatt li l-proprjetarju tal-vettura kkonċernata u d-detentur ta’ polza tal-assigurazzjoni ma kienx abbord tal-vettura matul l-inċident, iżda ttajjar minn din il-vettura, bħala persuna mixja fit-triq, ma tistax tiġġustifika trattament differenti, fid-dawl tal-istess għan ta’ protezzjoni mfittex mill-Ewwel sat-Tielet Direttiva, kif imsemmi fil-punt 41 ta’ din is-sentenza.

      (ara l-punti 41, 44, 45)

    2.  L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal‑24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat‑30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, kif emendat bid-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑11 ta’ Mejju 2005, kif ukoll l-Artikolu 1a tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal‑14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, kif emendata bid-Direttiva 2005/14, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi l-kopertura u għalhekk il-kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta miċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi bil-mutur għad-danni fiżiċi u materjali subiti minn persuna mixja fit-triq vittma ta’ inċident tat-traffiku, minħabba biss il-fatt li din il-persuna kienet id-detentriċi ta’ polza tal-assigurazzjoni u l-proprjetarja tal-vettura li kkawżat id-danni.

      (ara l-punt 61 u d-dispożittiv)

    Top