EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0490

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-26 ta’ Lulju 2017.
A.S. vs Ir-Repubblika tas-Slovenja.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jiksbu protezzjoni internazzjonali – Organizzazzjoni tal-qsim tal-fruntiera mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru bil-ħsieb ta’ tranżitu lejn Stat Membru ieħor – Dħul awtorizzat b’eċċezzjoni għal raġunijiet umanitarji – Artikolu 13 – Qsim irregolari ta’ fruntiera esterna – Terminu ta’ tnax-il xahar mill-qsim tal-fruntiera – Artikolu 27 – Rimedju ġudizzjarju – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju – Artikolu 29 – Terminu ta’ sitt xhur għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment – Kalkolu tat-termini – Użu ta’ appell – Effett sospensiv.
Kawża C-490/16.

Court reports – general

Kawża C‑490/16

A.S.

vs

Républika Slovenija

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Vrhovno sodišče)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jiksbu protezzjoni internazzjonali – Organizzazzjoni tal-qsim tal-fruntiera mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru bil-ħsieb ta’ tranżitu lejn Stat Membru ieħor – Dħul awtorizzat b’eċċezzjoni għal raġunijiet umanitarji – Artikolu 13 – Qsim irregolari ta’ fruntiera esterna – Terminu ta’ tnax-il xahar mill-qsim tal-fruntiera – Artikolu 27 – Rimedju ġudizzjarju – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju – Artikolu 29 – Terminu ta’ sitt xhur għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment – Kalkolu tat-termini – Użu ta’ appell – Effett sospensiv”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas‑26 ta’ Lulju 2017

  1. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni-Politika tal-ażil-Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali-Regolament Nru 604/2013-Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali-Possibbiltà li tiġi invokata l-applikazzjoni żbaljata tal-kriterju ta’ responsabbiltà dwar il-qsim irregolari ta’ fruntiera esterna

    [Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, premessa 19 u Artikoli 13(1) u 27(1)]

  2. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni-Politika tal-ażil-Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali-Regolament Nru 604/2013-Dħul u/jew soġġorn-Ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ Stat Membru sabiex jittranżitaw lejn Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk iressqu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali-Sitwazzjoni meqjusa bħala qsim irregolari ta’ fruntiera esterna-Wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jiksbu protezzjoni internazzjonali-Assenza ta’ effett

    [Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, Artikolu 13(1)]

  3. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni-Politika tal-ażil-Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali-Regolament Nru 604/2013-Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali-Assenza ta’ effett fuq it-terminu li jikkundizzjona l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ responsabbiltà dwar il-qsim irregolari ta’ fruntiera esterna-Effett fuq meta jibda jiddekorri t-terminu għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment

    [Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, Artikoli 7(2), 13(1), 27(3) u 29(1) u (2)]

  1.  L-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, moqri fid-dawl tal-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li applikant għall-protezzjoni internazzjonali jista’ jinvoka, fil-kuntest ta’ appell minn deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tiegħu, l-applikazzjoni żbaljata tal-kriterju ta’ responsabbiltà dwar il-qsim irregolari tal-fruntiera ta’ Stat Membru, stipulat fl-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 61 tas-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409), li, fil-kuntest ta’ dan l-appell, l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali seta’ jinvoka l-applikazzjoni żbaljata ta’ kriterju ta’ responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali stipulat fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III. Ċertament, huwa biss il-kriterju stipulat fl-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament li kien direttament inkwistjoni fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza. Madankollu, ir-raġunijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess sentenza japplikaw ukoll, mutatis mutandis, għall-kriterju stipulat fl-Artikolu 13(1) tal-istess regolament.

    Fir-rigward tal-fatt, enfasizzat mill-qorti tar-rinviju, li, fil-kawża prinċipali, Stat Membru ieħor diġà rrikonoxxa li huwa responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kkunsidrata, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III, deċiżjoni ta’ trasferiment tista’ tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata biss wara li l-Istat Membru li quddiemu tkun tressqet it-talba jkun aċċetta li jinkariga lilu nnifsu mir-responsabbiltà għaliha jew li jeħodha lura. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-fatt ma jistax jimplika li l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ trasferiment fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament huwa eskluż, inkella l-Artikolu 27(1) tal-imsemmi regolament jiġi mċaħħad mill-effettività tiegħu.

    (ara l-punti 27, 29, 30, 33‑35, u d-dispożittiv 1)

  2.  L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz, li d-dħul tiegħu ġie ttollerat, mill-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru kkonfrontati bil-wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jittranżitaw minn dan l-Istat Membru sabiex iressqu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul bħala prinċipju meħtieġa f’dan l-ewwel Stat Membru, għandu jitqies li “qasam b’mod irregolari” il-fruntiera tal-imsemmi l-ewwel Stat Membru fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    Għaldaqstant, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III u l-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma għandux isir it-trasferiment ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru responsabbli meta dan it-trasferiment iwassal għal riskju reali li l-persuna kkonċernata ssofri trattamenti inumani jew degradanti fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 65). Għaldaqstant ma jistax isir trasferiment jekk, wara l-wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jiksbu protezzjoni internazzjonali, kien hemm tali riskju fl-Istat Membru responsabbli.

    (ara l-punti 41, 42, u d-dispożittiv 2)

  3.  It-tieni sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 604/2013, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(2) tiegħu, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-preżentata ta’ appell mid-deċiżjoni ta’ trasferiment ma għandhiex effett fuq il-kalkolu tat-terminu previst fl-imsemmi Artikolu 13(1).

    L-Artikolu 29(1) u (2) tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-preżentata ta’ tali appell timplika li t-terminu stipulat f’dawn id-dispożizzjonijiet jibda jiddekorri biss mid-deċiżjoni definittiva fuq dan l-appell, inkluż meta l-qorti adita tkun iddeċidiet li tibgħat talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm l-imsemmi appell ikun ingħata effett sospensiv konformement mal-Artikolu 27(3) tal-istess regolament.

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-terminu stipulat fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 7(2) tiegħu jispeċifika li l-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji stipulati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament għandu jkun iddeterminat abbażi tas-sitwazzjoni li kienet fis-seħħ meta l-applikant ressaq għall-ewwel darba l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu ma’ Stat Membru. Għaldaqstant, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament għandha tiġi interpretata fis-sens li timplika li l-Istat Membru li l-fruntiera esterna tiegħu nqasmet irregolarment minn ċittadin ta’ pajjiż terz ma jistax jibqa’ jinżamm responsabbli, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, jekk it-terminu ta’ tnax-il xahar wara l-qsim irregolari ta’ din il-fruntiera jkun diġà skada meta l-applikant iressaq għall-ewwel darba l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu ma’ Stat Membru.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-preżentata ta’ appell minn deċiżjoni ta’ trasferiment, li neċessarjament issir wara n-notifika tagħha u għaldaqstant wara t-tressiq ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, min-natura tagħha ma jista’ jkollha ebda effett fuq il-kalkolu tat-terminu stipulat fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III.

    Fit-tieni lok, fir-rigward tat-terminu stipulat fl-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, minn naħa, mir-rabta bejn il-paragrafi differenti ta’ dan l-artikolu u, min-naħa l-oħra, mill-assenza ta’ kwalunkwe preċiżazzjoni, f’din id-dispożizzjoni, fir-rigward ta’ meta jibda jiddekorri dan it-terminu, jirriżulta li dan jispeċifika biss il-konsegwenzi tal-iskadenza tat-terminu ta’ eżekuzzjoni tat-trasferiment stipulat fl-Artikolu 29(1) ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2009, Petrosian, C‑19/08, EU:C:2009:41, punt 50). Issa, l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III jieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi tal-preżentata eventwali ta’ appell billi jipprevedi li t-terminu ta’ sitt xhur għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment jibda jiddekorri mid-deċiżjoni definittiva fuq l-appell jew ir-reviżjoni meta jingħata l-effett sospensiv konformement mal-Artikolu 27(3) ta’ dan ir-regolament. Konsegwentement, il-preżentata ta’ appell li, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ingħata effett sospensiv, timplika li t-terminu ta’ eżekuzzjoni tat-trasferiment jiskadi biss, bħala prinċipju, sitt xhur wara li jkun hemm deċiżjoni definittiva fuq dan l-appell.

    Għaldaqstant, it-terminu msemmi fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III jikkostitwixxi kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-kriterju stipulat b’din id-dispożizzjoni u għandha tiġi żgurata l-osservanza tiegħu waqt il-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li, fi tmiemha, jekk ikun il-każ, tista’ tiġi adottata deċiżjoni ta’ trasferiment. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 29(2) ta’ dan ir-regolament jirrigwarda l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment u jista’ jiġi applikat biss ladarba jiġi stabbilit il-prinċipju ta’ trasferiment, jiġifieri l-iktar kmieni meta l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jkun aċċetta t-talba sabiex jieħu, jew jieħu lura, l-inkarigu.

    (ara l-punti 49, 50, 52‑54, 56‑60, u d-dispożittiv 3)

Top