EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0488

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-6 ta’ Settembru 2018.
Bundesverband Souvenir - Geschenke - Ehrenpreise eV vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali NEUSCHWANSTEIN – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 7(1)(b) u (c) – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Karattru deskrittiv – Indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika – Karattru distintiv – Artikolu 52(1)(b) – Mala fide.
Kawża C-488/16 P.

Court reports – general

Kawża C‑488/16 P

Bundesverband Souvenir – Geschenke – Ehrenpreise eV

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali NEUSCHWANSTEIN – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 7(1)(b) u (c) – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Karattru deskrittiv – Indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika – Karattru distintiv – Artikolu 52(1)(b) – Mala fide

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-6 ta’ Settembru 2018

  1. Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-provi – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

    (Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

  2. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew f’indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw sabiex jindikaw il-karatteristiċi ta’ prodott jew ta’ servizz – Evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal – Ismijiet ġeografiċi

    (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(c))

  3. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew f’indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw sabiex jindikaw il-karatteristiċi ta’ prodott jew ta’ servizz – Evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal – Ismijiet ġeografiċi – Post ta’ kummerċjalizzazzjoni

    (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(c))

  4. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Evalwazzjoni tal-karattru reġistrabbli ta’ sinjal – Teħid inkunsiderazzjoni tal-leġizlazzjoni tal-Unjoni biss – Deċiżjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet nazzjonali li ma jorbtux lill-korpi tal-Unjoni

    (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 29)

  2.  L-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea għandu għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet deskrittivi tal-kategoriji ta’ prodotti jew ta’ servizzi li fir-rigward tagħhom tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandhom ikunu jistgħu jintużaw b’mod liberu minn kulħadd, inklużi bħala trade marks kollettivi jew fi trade marks kumplessi jew grafiċi. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tipprekludi li tali sinjali jew indikazzjonijiet jiġu rriżervati għal impriża waħda minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark.

    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, ta’ sinjali jew ta’ indikazzjonijiet li jistgħu jservu sabiex tiġi indikata l-oriġini ġeografika tal-kategoriji ta’ prodotti li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark, b’mod partikolari l-ismijiet ġeografiċi, ikun hemm interess ġenerali li tiġi ppreżervata d-disponibbiltà tagħhom b’mod partikolari minħabba l-kapaċità tagħhom mhux biss li eventwalment juru l-kwalità u karatteristiċi oħra tal-kategoriji tal-prodotti kkonċernati, iżda wkoll li jinfluwenzaw b’modi differenti l-preferenzi tal-konsumaturi, pereżempju billi jorbtu l-prodotti ma’ post li jista’ jqajjem sentimenti pożittivi.

    Ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal tista’ tiġi rrifjutata fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1)(c) tal-imsemmi regolament fil-każ biss li l-isem ġeografiku li għalih tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark jindika post li, fil-mument tal-applikazzjoni, ikollu, f’għajnejn il-kategorija ta’ persuni kkonċernati, rabta mal-kategorija ta’ prodotti kkonċernati jew jekk ikun raġonevoli li jitqies li tali rabta tista’ tiġi stabbilita fil-futur.

    Madankollu, għandu jiġi osservat li, bħala prinċipju, l-Artikolu 7(1)(c) ta’ dan ir-regolament ma jipprekludix ir-reġistrazzjoni ta’ ismijiet ġeografiċi li ma jkunux magħrufa mill-kategorija ta’ persuni kkonċernati jew, minn tal-inqas, li ma jkunux magħrufa bħala isem ta’ post ġeografiku jew inkella ta’ ismijiet li fir-rigward tagħhom, minħabba l-karatteristiċi tal-post identifikat, ma huwiex verosimili li l-kategorija ta’ persuna kkonċernati tista’ tqis li l-kategorija ta’ prodotti kkonċernata toriġina minn dan il-post.

    (ara l-punti 36 sa 39)

  3.  Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm huwa minnu li l-indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika ta’ prodott hija, fil-każijiet normali, l-indikazzjoni tal-post fejn dan il-prodott ġie ffabbrikat jew jista’ jiġi ffabbrikat, ma jistax jiġi eskluż li r-rabta bejn prodott u post ġeografiku tiddependi minn elementi ta’ rabta oħra, pereżempju mill-fatt li dan il-prodott ġie ppjanat u ddisinjat f’dan il-post ġeografiku.

    Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma llimitatx l-elementi ta’ rabta għall-post ta’ fabbrikazzjoni tal-prodotti kkonċernati. Madankollu, dan ma jimplikax neċessarjament li l-post ta’ kummerċjalizzazzjoni jista’ jservi bħala element ta’ rabta bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata u l-post ikkonċernat, u dan anki għal oġġetti mibjugħa bħala suveniers.

    Fil-fatt, is-sempliċi fatt li l-imsemmija prodotti u servizzi huma offruti f’post partikolari ma jistax jikkostitwixxi indikazzjoni deskrittiva tal-oriġini ġeografika tagħhom, sa fejn il-post ta’ bejgħ tal-imsemmija prodotti u servizzi ma jistax, bħala tali, jidentifika karatteristiċi, kwalitajiet jew partikolaritajiet speċifiċi marbuta mal-oriġini ġeografika tagħhom, bħalma huma artiġġjanat, tradizzjoni jew klima li jikkaratterizzaw post partikolari.

    (ara l-punti 48 sa 50)

  4.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 72)

Top