Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0433

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Lulju 2017.
    Bayerische Motoren Werke AG vs Acacia Srl.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Proprjetà intellettwali – Disinni Komunitarji – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Artikoli 81 u 82 – Azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni – Ġurisdizzjoni tat-tribunali tad-disinni Komunitarji tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut ikun iddomiċiljat.
    Kawża C-433/16.

    Court reports – general

    Kawża C-433/16

    Bayerische Motoren Werke AG

    vs

    Acacia Srl

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte suprema di cassazione)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Proprjetà intellettwali – Disinni Komunitarji – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Artikoli 81 u 82 – Azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni – Ġurisdizzjoni tat-tribunali tad-disinni Komunitarji tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut ikun iddomiċiljat”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Lulju 2017

    1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili–Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali–Regolament Nru 44/2001–Estensjoni tal-ġurisdizzjoni–Dehra tal-konvenut quddiem il-qorti li quddiemha tressqet il-kawża–Kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni b’mod sussidjarju meta mqabbel ma’ eċċezzjonijiet proċedurali oħra mqajma fl-istess ewwel att ta’ difiża–Dehra li ma tattribwixxix ġurisdizzjoni

      (Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikolu 24)

    2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili–Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali–Regolament Nru 44/2001–Kamp ta’ applikazzjoni–Azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni prevista fl-Artikolu 81(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, dwar id-disinji Komunitarji–Esklużjoni–Applikabbiltà tar-Regolament Nru 6/2002–Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut–Eċċezzjonijiet

      (Regolamenti tal-Kunsill Nru 44/2001 u Nru 6/2002, Artikolu 82)

    3. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili–Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali–Regolament Nru 44/2001–Kompetenzi speċjali–Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt–Kamp ta’ applikazzjoni–Azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni prevista fl-Artikolu 81(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, dwar id-disinji Komunitarji–Esklużjoni

      (Regolamenti tal-Kunsill Nru 44/2001, punt 3 tal-Artikolu 5 u Nru 6/2002, Artikolu 79(3)(a))

    4. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili–Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali–Regolament Nru 44/2001–Kompetenzi speċjali–Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt–Kamp ta’ applikazzjoni–Talbiet għal konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti u ta’ kompetizzjoni żleali relatati ma’ azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni ta’ disinn Komunitarju–Esklużjoni–Kundizzjonijiet

      (Regolamenti tal-Kunsill Nru 44/2001, punt 3 tal-Artikolu 5 u Nru 6/2002, Artikolu 79(3)(a))

    1.  L-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li eċċezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti adita, imqajma fl-ewwel att ta’ difiża b’mod sussidjarju fir-rigward ta’ eċċezzjonijiet proċedurali oħra mqajma fl-istess att, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala aċċettazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita u għaldaqstant ma twassalx għal estensjoni ta’ ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ dan l-artikolu.

      Billi rreferiet għall-ġurisprudenza tagħha relatata mal-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, dispożizzjoni essenzjalment identika għall-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita tipprekludi l-estensjoni meta r-rikorrent u l-qorti adita jitqiegħdu f’pożizzjoni li jifhmu, sa mill-ewwel difiża mressqa, li din il-kontestazzjoni għandha l-intenzjoni li tostakola din il-ġurisdizzjoni. L-istess jgħodd ukoll fil-każ fejn l-ewwel att ta’ difiża jinkludi, minbarra l-kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita, talbiet fuq il-mertu tal-kawża (sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Cartier parfums-lunettes u Axa Corporate Solutions assurances, C-1/13, EU:C:2014:109, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta li l-fatt, għall-konvenut, li jikkonesta mingħajr ambigwità, fl-ewwel att ta’ difiża tiegħu, il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita jipprekludi l-estensjoni ta’ ġurisdizzjoni msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, mingħajr ma jkun rilevanti jekk din il-kontestazzjoni tkunx l-uniku għan ta’ dan l-ewwel att ta’ difiża jew le.

      (ara l-punti 33, 34, 36, u d-dispożittiv 1)

    2.  L-Artikolu 82 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-azzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni msemmija fl-Artikolu 81(b) ta’ dan ir-regolament għandhom, meta l-konvenut ikun iddomiċiljat fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, jiġu ppreżentati quddiem il-qrati tad-disinni Komunitarji ta’ dan l-Istat Membru, sakemm ma jkunx hemm estensjoni tal-ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikolu 23 jew 24 tar-Regolament Nru 44/2001, u dan suġġett għall-każijiet ta’ lis pendens u ta’ konnessjoni koperti mill-imsemmija regolamenti.

      F’dan ir-rigward, qabel kollox jeħtieġ li jiġi rrilevat li, minkejja l-prinċipju tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 għall-azzjonijiet fir-rigward ta’ disinn Komunitarju, l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament għall-proċeduri li jirriżultaw mill-azzjonijiet u mit-talbiet imsemmija fl-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 6/2002 huma esklużi skont l-Artikolu 79(3) ta’ dan l-aħħar regolament. Fid-dawl ta’ din l-esklużjoni, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-disinni Komunitarji previsti fl-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 6/2002 biex jieħdu konjizzjoni ta’ azzjonijiet u talbiet imsemmija fl-Artikolu 81 tiegħu tirriżulta mir-regoli previsti direttament minn dan l-istess regolament, li għandhom natura ta’ lex specialis meta mqabbla mar-regoli ddikjarati mir-Regolament Nru 44/2001 (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2014, Coty Germany, C‑360/12, EU:C:2014:1318, punt 27, u tat-18 ta’ Mejju 2017, Hummel Holding, C‑617/15, EU:C:2017:390, punt 26). Sussegwentement, mill-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 82 tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li l-azzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni msemmija fl-Artikolu 81(b) ta’ dan ir-regolament għandhom, meta l-konvenut ikun iddomiċiljat fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, jitressqu quddiem il-qrati tad-disinni Komunitarji ta’ dan l-Istat Membru, sakemm ma kienx hemm estensjoni tal-ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikolu 23 jew tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, fejn dawn l-aħħar dispożizzjonijiet issostitwixxew l-Artikoli 17 u 18 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

      (ara l-punti 38-40, 42, u d-dispożittiv 2)

    3.  Ir-regola ta’ ġurisdizzjoni ddikjarata fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 ma tapplikax għall-azzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni msemmija fl-Artikolu 81(b) tar-Regolament Nru 6/2002.

      F’dan ir-rigward, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li l-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 issostitwixxa l-punt 3 tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-proċeduri li jirriżultaw mill-azzjonijiet u mit-talbiet imsemmija fl-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 6/2002 hija eskluża mill-Artikolu 79(3)(a) ta’ dan ir-regolament.

      (ara l-punti 44, 46, u d-dispożittiv 3)

    4.  Ir-regola ta’ ġurisdizzjoni ddikjarata fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 ma tapplikax għal talbiet ta’ konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti u ta’ kompetizzjoni żleali li jkunu konnessi ma’ azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni ta’ disinn Komunitarju sa fejn billi jintlaqgħu dawn it-talbiet ikun hemm presuppożizzjoni li tkun intlaqgħet din l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni.

      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, meta talbiet għal konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti u ta’ kompetizzjoni żleali jitressqu sussidjarjament għal azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni ta’ disinn Komunitarju u essenzjalment jilmentaw li l-proprjetarju ta’ dan id-disinn qiegħed jopponi l-manifattura, mir-rikorrent f’kawża għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni, ta’ repliki tal-imsemmi disinn, id-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni għandha tibbaża lilha nnifisha, fir-rigward tal-kawża fl-intier tagħha, fuq ir-reġim ta’ ġurisdizzjoni stabbilit permezz tar-Regolament Nru 6/2002, kif interpretata fir-risposti għall-ewwel sar-raba’ domandi preliminari.

      Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal din, dawn it-talbiet jibbażaw lilhom infushom essenzjalment fuq l-argument, magħmul fil-kuntest tal-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni, li l-manifattura tar-repliki ma tikkostitwixxix kontravenzjoni, fejn għalhekk il-proprjetarju tad-disinn Komunitarju għandu jaċċetta l-kompetizzjoni li tirriżulta minn dawn ir-repliki. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq il-bażi tar-regola ddikjarata fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, tkun tippreġudika l-effettività tal-Artikolu 79(3)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, li għandu preċiżament l-għan li jeskludi din ir-regola fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ tilwim bejn il-manifatturi ta’ repliki u l-proprjetarji ta’ disinni Komunitarji u li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-proprjetarju tad-disinn Komunitarju inkwistjoni jistax jipprojbixxi l-manifattura tar-repliki inkwistjoni.

      (ara l-punti 49, 50, 52, u d-dispożittiv 4)

    Top