This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CJ0365
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ Mejju 2017.
Association française des entreprises privées (AFEP) et vs Ministre des Finances et des Comptes publics.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji omm u għall-kumpanniji sussidjarji ta’ Stati Membri differenti – Direttiva 2011/96/UE – Ħelsien mit-taxxa doppja – Kontribuzzjoni addizzjonali ta’ 3 % għat-taxxa fuq il-kumpanniji.
Kawża C-365/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ Mejju 2017.
Association française des entreprises privées (AFEP) et vs Ministre des Finances et des Comptes publics.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji omm u għall-kumpanniji sussidjarji ta’ Stati Membri differenti – Direttiva 2011/96/UE – Ħelsien mit-taxxa doppja – Kontribuzzjoni addizzjonali ta’ 3 % għat-taxxa fuq il-kumpanniji.
Kawża C-365/16.
Court reports – general
Kawża C‑365/16
Association française des entreprises privées (AFEP) et
vs
Ministre des Finances et des Comptes publics
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d’État (Franza))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji omm u għall-kumpanniji sussidjarji ta’ Stati Membri differenti – Direttiva 2011/96/UE – Ħelsien mit-taxxa doppja – Kontribuzzjoni addizzjonali ta’ 3 % għat-taxxa fuq il-kumpanniji”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ Mejju 2017
Proċedura ġudizzjarja–Talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali–Talba intiża li jiġu ddepożitati osservazzjonijiet fuq punti ta’ liġi mqajma mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali–Kundizzjonijiet għall-ftuħ mill-ġdid
[Artikolu 252(2) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 83]
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet–Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji omm u kumpanniji sussidjarji ta’ Stati Membri differenti–Direttiva 2011/96–Prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika–Miżura fiskali adottata mill-Istat Membru tal-kumpannija omm li tipprevedi l-ġbir ta’ taxxa fl-okkażjoni tat-tqassim tad-dividendi mill-kumpannija omm, fejn il-bażi hija kkostitwita mill-ammonti tad-dividendi mqassma, inklużi dawk li joriġinaw minn sussidjarji mhux residenti ta’ din il-kumpannija–Inammissibbiltà
[Direttiva tal-Kunsill 2011/96, kif emendata bid-Direttiva 2014/86, premessi 7 u 9, u l-Artikolu 4(1)(a)]
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 17 u 18)
L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE, tat-30 ta’ Novembru 2011, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [omm] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2014/86/UE, tat-8 ta’ Lulju 2014, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura fiskali prevista mill-Istat Membru ta’ kumpannija omm, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-ġbir ta’ taxxa fl-okkażjoni tat-tqassim tad-dividendi mill-kumpannija omm u li l-bażi tagħha hija kkostitwita mill-ammonti tad-dividendi mqassma, inklużi dawk li joriġinaw mis-sussidjarji mhux residenti ta’ din il-kumpannija.
Għal dan il-għan, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva omm-sussidjarji jħalli lill-Istati Membri l-għażla bejn żewġ sistemi, jiġifieri bejn is-sistema ta’ eżenzjoni u dik ta’ imputazzjoni. Fil-fatt, skont il-premessi 7 u 9 ta’ din id-direttiva, din id-dispożizzjoni tippreċiża li, meta kumpannija omm jew l-istabbiliment permanenti tagħha tirċievi, bis-saħħa tal-assoċjazzjoni bejn il-kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha, profitti mqassma għajr meta din tal-aħħar tiġi llikwidata, l-Istat Membru tal-kumpannija omm u l-Istat Membru tal-istabbiliment permanenti tagħha għandhom jew jastjenu milli jintaxxaw dawn il-profitti sa fejn dawn tal-aħħar ma jistgħux jitnaqqsu mis-sussidjarja, u jintaxxawhom sa fejn dawn jistgħu jitnaqqsu mis-sussidjarja, jew jintaxxawhom filwaqt li jippermettu lill-kumpannija omm u lill-istabbiliment permanenti jnaqqsu mill-ammont tat-taxxa tagħhom il-frazzjoni tat-taxxa relatata ma’ dawn il-profitti u mħallsa mis-sussidjarja u minn kull sussidjarja fi skala iktar baxxa (sentenza tal-lum, X, C‑68/15, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).
Għaldaqstant, l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva huwa intiż sabiex jiġi evitat li l-profitti mqassma lil kumpannija omm residenti minn sussidjarja mhux residenti jiġu intaxxati, l-ewwel, fir-rigward tas-sussidjarja fl-Istat ta’ residenza tagħha u, it-tieni, fir-rigward tal-kumpannija omm fl-Istat ta’ residenza tagħha.
Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 79 u 80 ta’ din is-sentenza X ippreċiżat, minn naħa, li, billi tipprevedi li l-Istat Membru tal-kumpannija omm u l-Istat Membru tal-istabbiliment permanenti għandhom “ma jintaxxawx tali profitti” din id-dispożizzjoni tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jintaxxaw lill-kumpannija omm jew lill-istabbiliment permanenti tagħha fir-rigward tal-profitti mqassma mis-sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha, mingħajr ma tagħmel distinzjoni skont jekk il-fattur taxxabbli tal-intaxxar tal-kumpannija omm huwiex ir-riċeviment ta’ dawn il-profitti jew it-tqassim mill-ġdid tagħhom. Min-naħa l-oħra, peress li, skont il-premessa 3 tagħha, id-Direttiva omm-sussidjarji trid tilħaq l-għan ta’ ħelsien mit-tassazzjoni doppja tal-profitti mqassma minn sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha fuq il-livell tal-kumpannija omm, tassazzjoni ta’ dawn il-profitti mill-Istat Membru tal-kumpannija omm fir-rigward ta’ din il-kumpannija waqt id-distribuzzjoni mill-ġdid ta’ dawn tal-aħħar, li jkollha bħala effett li dawn il-profitti jkunu suġġetti għal tassazzjoni li teċċedi l-limitu ta’ 5 % previst fl-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva, twassal għal tassazzjoni doppja fuq il-livell ta’ din il-kumpannija kuntrarja għal din id-direttiva.
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-kuntest, ftit huwa rilevanti li l-miżura fiskali nazzjonali tkun ikklassifikata jew le bħala taxxa fuq il-kumpanniji. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva omm-sussidjarji ma hijiex suġġetta għal taxxa partikolari. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-Istat Membru tal-kumpannija omm għandu jastjeni milli jintaxxa l-profitti mqassma mis-sussidjarja tagħha mhux residenti. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex jiġi evitat li l-Istat Membri jadottaw miżuri fiskali li jwasslu għal tassazzjoni doppja ta’ dawn il-profitti fir-rigward tal-kumpanniji omm.
(ara l-punti 22, 24, 31 sa 33 u 35, u d-dispożittiv)