Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0303

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-19 ta’ Ottubru 2017.
    Solar Electric Martinique vs Ministre des Finances et des Comptes publics.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sitt Direttiva tal-VAT – Direttiva 2006/112/KE – Xogħlijiet ta’ kostruzzjoni – Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej – Dispożizzjonijiet magħmula applikabbli bid-dritt nazzjonali – Tranżazzjonijiet ta’ bejgħ u ta’ installazzjoni fuq immobbli – Klassifikazzjoni bħala tranżazzjoni unika – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni.
    Kawża C-303/16.

    Kawża C‑303/16

    Solar Electric Martinique

    vs

    Ministre des Finances et des Comptes publics

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d’État (Franza))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sitt Direttiva tal-VAT – Direttiva 2006/112/KE – Xogħlijiet ta’ kostruzzjoni – Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej – Dispożizzjonijiet magħmula applikabbli bid-dritt nazzjonali – Tranżazzjonijiet ta’ bejgħ u ta’ installazzjoni fuq immobbli – Klassifikazzjoni bħala tranżazzjoni unika – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-19 ta’ Ottubru 2017

    Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Sitwazzjonijiet purament interni – Dispożizzjoni nazzjonali intiża li tittrasponi d-dritt tal-Unjoni applikabbli anki barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi dritt – Interpretazzjoni mitluba bl-għan li tinkiseb applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni – Traspożizzjoni mhux konformi mas-soluzzjonijiet magħżula mid-dritt tal-Unjoni – Assenza ta’ riferiment dirett u inkundizzjonat għall-imsemmija dispożizzjonijiet – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    (Artikolu 267 TFUE; Direttivi tal-Kunsill 77/388 u 2006/112)

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għad-domanda magħmula mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2016.

    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat diversi drabi li hija għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari li tirrigwarda dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet fejn il-fatti fil-kawża prinċipali ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda fejn l-imsemmija dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt ikunu saru applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali minħabba rinviju minn dan tal-aħħar lejn il-kontenut tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Cicala, C‑482/10, EU:C:2011:868, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan, C‑583/10, EU:C:2012:638, punt 45).

    Fil-fatt, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tikkonforma ruħha, għas-soluzzjonijiet li hija tipprovdi għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-att tal-Unjoni kkonċernat, ma’ dawk stabbiliti mill-imsemmi att, ikun jeżisti interess ċert tal-Unjoni li d-dispożizzjonijiet meħuda minn dak l-att jingħataw interpretazzjoni uniformi, u dan sabiex jiġu evitati diskrepanzi futuri fl-interpretazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et, C‑310/10, EU:C:2011:467, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan, C‑583/10, EU:C:2012:638, punt 46).

    Għalhekk, interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar hija ġġustifikata meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu saru applikabbli għal tali sitwazzjonijiet permezz tad-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat, bil-għan li jiġi żgurat trattament identiku għal dawn is-sitwazzjonijiet u għal dawk li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Cicala, C‑482/10, EU:C:2012:868, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    Konsegwentement, fir-rigward tas-soluzzjonijiet mogħtija għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti tal-Unjoni kkonċernati, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex konformi ma dawk magħżula kemm mis-Sitt Direttiva kif ukoll mid-Direttiva tal-VAT, sa fejn din tagħti eżenzjoni li ma hijiex prevista minn dawn id-direttivi. Għaldaqstant wieħed ma jistax jikkunsidra li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttivi saru applikabbli mid-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-istess direttivi.

    (ara l-punti 25 sa 27, 36, 37, u d-dispożittiv)

    Top