EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0277

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2017.
Polkomtel sp. z o.o. vs Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi – Direttiva 2002/21/KE – Artikoli 8 u 16 – Direttiva 2002/19/KE – Artikoli 8 u 13 – Operatur identifikat li jiddisponi minn saħħa sinjifikattiva fis-suq – Kontroll tal-prezzijiet – Obbligi imposti mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali – Obbligu ta’ orjentazzjoni tal-prezzijiet abbażi tal-ispejjeż – Iffissar ta’ tariffi inqas mill-ispejjeż sostnuti mill-operatur ikkonċernat għall-provvista ta’ servizzi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-vuċi fin-networks ċellulari – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 16 – Libertà ta’ impriża – Proporzjonalità.
Kawża C-277/16.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

Kawża C-277/16

Polkomtel sp. z o.o.

vs

Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Najwyższy)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi – Direttiva 2002/21/KE – Artikoli 8 u 16 – Direttiva 2002/19/KE – Artikoli 8 u 13 – Operatur identifikat li jiddisponi minn saħħa sinjifikattiva fis-suq – Kontroll tal-prezzijiet – Obbligi imposti mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali – Obbligu ta’ orjentazzjoni tal-prezzijiet abbażi tal-ispejjeż – Iffissar ta’ tariffi inqas mill-ispejjeż sostnuti mill-operatur ikkonċernat għall-provvista ta’ servizzi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-vuċi fin-networks ċellulari – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 16 – Libertà ta’ impriża – Proporzjonalità”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2017

  1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Settur tat-telekomunikazzjonijiet-Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi-Qafas regolamentari-Directive 2002/19-Kontroll tal-prezzijiet mill-awtoritajiet regolaratorji nazzjonali-Setgħa ta’ impożizzjoni tal-iffissar tal-prezzijiet skont l-ispejjeż fuq operatur li għandu saħħa sinjifikattiva f’suq-Impożizzjoni ta’ obbligu tal-iffisar tat-tariffi f’livell inferjuri għal dak tal-ispejjeż subiti-Ammissibbiltà-Kundizzjonijiet

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/19, Artikoli 8(4) u 13)

  2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Settur tat-telekomunikazzjonijiet-Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi-Qafas regolamentari-Directives 2002/19 u 2002/21-Kontroll tal-prezzijiet mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali-Setgħa ta’ impożizzjoni tal-iffissar tal-prezzijiet skont l-ispejjeż fuq operatur li għandu saħħa sinjifikattiva f’suq-Impożizzjoni ta’ obbligu li jaġġorna t-tariffi tiegħu kull sena u jibgħathom għal kontroll perijodiku-Ammissibbiltà-Kundizzjonijiet

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 16 u 52(1); Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/19, Artikoli 8(4) u 13(3) u 2002/21, Artikolu 8)

  3. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Settur tat-telekomunikazzjonijiet-Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi-Qafas regolamentari-Directive 2002/19-Kontroll tal-prezzijiet mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali-Setgħa ta’ impożizzjoni tal-iffissar tal-prezzijiet skont l-ispejjeż fuq operatur li għandu saħħa sinjifikattiva f’suq-Possibbiltà li tiġi imposta l-adattament tal-prezzijiet qabel jew wara l-applikazzjoni tagħhom mill-operatur

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/19, Artikolu 13(1) u (3))

  1.  L-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess), għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta operatur, identifikat bħala li għandu saħħa sinjifikattiva f’suq partikolari, jiġi impost fuqu minn Awtorità Regolatorja Nazzjonali, obbligu li jiġu ffissati prezzijiet abbażi tal-ispejjeż, din l-Awtorità Regolatorja Nazzjonali tista’, sabiex tippromwovi l-effiċjenza ekonomika u tiffavorixxi kompetizzjoni sostenibbli, tiffissa l-prezzijiet tas-servizzi li huma suġġetti għal tali obbligu f’ammont inqas tal-ispejjeż sostnuti minn dan l-operatur għall-provvista, jekk dawn l-ispejjeż huma ogħla minn dawk ta’ operatur effikaċi, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

    Minn dan isegwi li l-ANR jistgħu, wara li jivverifikaw l-osservanza mill-operatur ikkonċernat tal-obbligu li jorjentaw il-prezzijiet tagħhom abbażi tal-ispejjeż u jiddeċiedu li huwa neċessarju li jeżiġu l-aġġustament ta’ dawn il-prezzijiet, li jimponu fuq dan l-operatur li jiffissa r-rati f’livell iktar baxx minn dak tal-ispejjeż sostnuti jekk dawn l-ispejjeż huma ogħla mill-ispejjeż ta’ operatur effikaċi, dawn tal-aħħar għandhom jinkludu rata raġonevoli ta’ qliegħ fuq il-kapital adegwat investit minnu.

    (Ara l-punti 39, 40, dispożittiv 1)

  2.  L-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2002/19 moqrija flimkien mal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li meta Awtorità Regolatorja Nazzjonali timponi fuq operatur identifikat bħala li jkollu saħħa sinjifikattiva f’suq partikolari obbligu li jiffissa prezzijiet orjentati għall-prezzijiet abbażi tal-ispejjeż, li kull sena jiffissa l-prezz fuq il-bażi tal-informazzjoni l-iktar attwali u jikkomunika, għal verifika, dawn il-prezzijiet kif ukoll l-elementi li jiġġustifikawhom qabel ma jkunu applikati, sakemm dawn l-obbligi huma bbażati fuq in-natura tal-problema kkonstatata, proporzjonati u ġġustifikati fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Qafas), fatt li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.

    Il-possibbiltà għall-ARN li tobbliga lill-operatur jaġġorna t-tariffi tiegħu kull sena u jissottomettihom għal reviżjoni perijodika jikkostitwixxi ndħil fl-eżerċizzju tad-dritt iggarantit mill-Artikolu 16 tal-Karta. Għaldaqstant, din il-possibbiltà, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandha tiġi prevista mil-liġi, tirrispetta l-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet iggarantiti mill-Artikolu 16, u, tkun fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun meħtieġa u tissodisfa b’mod effettiv l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C-283/11, EU:C:2013:28, punti 46 sa 48 kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis, C-201/15, EU:C:2016:972, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk l-obbligu li jiġu aġġustati l-prezzijiet kull sena huwiex konformi mar-rekwiżit ta’ proporzjonalità msemmi fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva tal-Aċċess, sa fejn dan l-obbligu huwa meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet ta’ interess ġenerali msemmija fil-punt preċedenti.

    (Ara l-punti 51, 53, 55, dispożittiv 2)

  3.  L-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2002/19 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta obbligu ta’ orjentament tal-prezzijiet abbażi tal-ispejjeż ikun ġie impost fuq operatur fuq il-bażi tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, dan l-operatur jista’ jiġi impost fuqu li jaġġusta l-prezzijiet qabel jew wara li jkun beda japplika l-prezzijiet.

    (ara l-punt 63, dispożittiv 3)

Top