Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0256

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ Marzu 2018.
    Deichmann SE vs Hauptzollamt Duisburg.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà – Antidumping – Validità ta’ regolament intiż għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ddikjarat regolamenti preċedenti invalidi – Obbligu ta’ eżekuzzjoni – Bażi legali – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Artikolu 14 – Iffissar tal-elementi ta’ ġbir ta’ dazji anti-dumping mill-Istati Membri – Ordni ta’ sospensjoni tar-rimbors ta’ dazji anti-dumping mill-awtoritajiet doganali nazzjonali – Tkomplija tal-proċedura li ppreċediet ir-regolamenti ddikjarati invalidi – Artikolu 10 – Nuqqas ta’ retroattività – Kodiċi Doganali Komunitarju – Artikolu 221 – Preskrizzjoni – Artikolu 236 – Rimbors ta’ dazji mhux dovuti.
    Kawża C-256/16.

    Kawża C-256/16

    Deichmann SE

    vs

    Hauptzollamt Duisburg

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà – Antidumping – Validità ta’ regolament intiż għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ddikjarat regolamenti preċedenti invalidi – Obbligu ta’ eżekuzzjoni – Bażi legali – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Artikolu 14 – Iffissar tal-elementi ta’ ġbir ta’ dazji anti-dumping mill-Istati Membri – Ordni ta’ sospensjoni tar-rimbors ta’ dazji anti-dumping mill-awtoritajiet doganali nazzjonali – Tkomplija tal-proċedura li ppreċediet ir-regolamenti ddikjarati invalidi – Artikolu 10 – Nuqqas ta’ retroattività – Kodiċi Doganali Komunitarju – Artikolu 221 – Preskrizzjoni – Artikolu 236 – Rimbors ta’ dazji mhux dovuti”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ Marzu 2018

    1. Domandi preliminari–Evalwazzjoni tal-validità–Domanda dwar il-validità ta’ regolament li ma ġiet ikkontestat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE–Rikors fil-kawża prinċipali ppreżentat qabel l-adozzjoni tal-imsemmi regolament–Regolament kontra r-rikorrenti fil-kawża prinċipali–Ammissibbiltà

      (Artikoli 263(4) u (6) TFUE u 267(b) TFUE)

    2. Politika kummerċjali komuni–Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping–Proċedura antidumping–Dazji antidumping stabbiliti abbażi tar-regolament bażiku dwar l-antidumping Nru 384/96–Sentenza li tiddikkjara r-regolamenti li jistabbilixxu d-dazji antidumping invalidi–Regolament intiż għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ invalidazzjoni–Adozzjoni tal-imsemmi regolament abbażi tar-Regolament bażiku dwar l-antidumping Nru1225/2009–Ammissibbiltà

      (Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 23)

    3. Politika kummerċjali komuni–Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping–Proċedura antidumping–Sentenza li tiddikkjara r-regolamenti li jistabbilixxu d-dazji antidumping invalidi–Adozzjoni ta’ regolament intiż għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ invalidazzjoni–Regolament li jordna lill-awtoritajiet nazzjonali jissospendu r-rimbors tad-dazji antidumping ikkonċernati–Ammissibbiltà

      (Regolamenti tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 236(1) u Nru 1225/2009, Artikolu 14(1))

    4. Politika kummerċjali komuni–Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping–Proċedura antidumping–Sentenza li tiddikkjara r-regolamenti li jistabbilixxu d-dazji antidumping invalidi–Adozzjoni ta’ regolament intiż għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ invalidazzjoni–Tkomplija tal-proċedura li ppreċediet ir-regolamenti ddikkjarati invalidi bil-għan li jerġgħu jiġu stabbiliti d-dazji antidumping–Ammissibbiltà–Kundizzjonijiet

      (Regolamenti tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 221(3) u Nru 384/96, Artikolu 10(1))

    5. Politika kummerċjali komuni–Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping–Proċedura antidumping–Sentenza li tiddikkjara r-regolamenti li jistabbilixxu d-dazji antidumping invalidi–Adozzjoni ta’ regolament intiż għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ invalidazzjoni–Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet–Portata–Stħarriġ ġudizzjarju–Limiti

      (Artikolu 266 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009)

    1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 38-42)

    2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 45-55)

    3.  Ċertament, hija ġurisprudenza stabbilita li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara invalidu regolament li jimponi dazji antidumping, bħar-regolament definittiv u dak ta’ estensjoni, dawn id-dazji għandhom jiġu kkunsidrati li ma humiex legalment dovuti fis-sens tal-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali u li għandhom, fil-prinċipju, jiġu rrimborsati mill-awtoritajiet doganali nazzjonali, fil-kundizzjonijiet previsti f’dan is-sens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C-351/04, EU:C:2007:547, punti 66 sa 69, u tat-18 ta’ Jannar 2017, Wortmann, C-365/15, EU:C:2017:19, punt 34).

      Madankollu, il-portata preċiża ta’ sentenza ta’ invalidazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u, għaldaqstant, tal-obbligi li jirriżultaw minnha, għandha tiġi ddeterminata f’kull każ konkret, fid-dawl mhux biss tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, iżda wkoll tal-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik u GLS, C-283/14 u C-284/14, EU:C:2016:57, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

      Fid-dawl ta’ dawn ir-raġunijiet, għandu jiġi kkunsidrat li, sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligu ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C-659/13 u C-34/14, EU:C:2016:74), il-Kummissjoni setgħet effettivament tikkunsidra li kellha l-obbligu li teżamina talbiet imressqa mill-produtturi-esportaturi kkonċernati, sabiex tiddetermina jekk id-dazji antidumping applikabbli għalihom, abbażi tar-regolament definittiv u dak ta’ estensjoni, kellhomx jiġu ffissati għal rati inferjuri għal dawk previsti minn dawn iż-żewġ regolamenti.

      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tordna li jiġi deċiż dwar it-talbiet ta’ rimbors tal-imsemmija dazji antidumping fi tmiem proċedura li għandha preċiżament l-għan li tippermettilha li tikkalkula tali differenza.

      (ara l-punti 62, 63, 68, 69)

    4.  F’dan ir-rigward, fir-rigward, qabelxejn, tal-possibbiltà li titkompla l-proċedura li wasslet għar-regolament definittiv u ta’ estensjoni bil-għan li jerġgħu jiġu stabbiliti d-dazji antidumping imposti minn dawn tal-aħħar, matul il-perijodu ta’ applikazzjoni inizjali tagħhom, għandu jiġi rrilevat li, meta sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tannulla regolament li jistabbilixxi dazji antidumping jew jiddikjara tali regolament invalidu, l-istituzzjoni li hija mitluba tieħu l-miżuri li tirrikjedi l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza għandha l-possibbiltà li tkompli l-proċeduri li wasslu għall-imsemmi regolament, anki jekk din il-possibbiltà ma hijiex espressament prevista mil-leġiżlazzjoni applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik u GLS, C-283/14 u C-284/14, EU:C:2016:57, punti 51 u 52).Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, ħlief sa fejn l-irregolarità kkonstatata tkun ivvizzjat b’nullità l-proċedura kollha, l-istituzzjoni kkonċernata tista’, sabiex jiġi adottat att intiż li jissostitwixxi att annullat jew iddikjarat invalidu, tkompli l-proċedura fl-istadju meta din l-irregolarità tkun twettqet (sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik u GLS, C-283/14 u C-284/14, EU:C:2016:57, punt 51).

      F’dak li jikkonċerna, sussegwentement, il-kwistjoni dwar jekk tali tkomplija tal-proċedura hijiex awtorizzata fil-każ fejn id-dazji antidumping inkwistjoni jkunu skadew, fid-dawl tar-regoli applikabbli fil-qasam ta’ nuqqas ta’ retroattività, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta istituzzjoni tal-Unjoni tuża l-possibbiltà ta’ tkomplija tal-proċedura msemmija fil-punti 73 u 74 ta’ din is-sentenza, hija għandha, skont il-prinċipji li jirregolaw l-applikazzjoni tal-liġi ratione temporis, tosserva r-regoli sostantivi fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-mira tar-regolament li ġie annullat jew iddikjarat invalidu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs McBride et, C-361/14 P, EU:C:2016:434, punt 40).

      B’hekk, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 384/96, it-tkomplija tal-proċedura li saret, f’dan il-każ, permezz tar-regolament ikkontestat ma tistax twassal sabiex ir-regolament li jiġi adottat fit-tmiem tagħha, bħala sostituzzjoni tar-regolament definittiv u dak ta’ estensjoni, jerġa’ jistabbilixxi dazji antidumping li jiġu applikati għal prodotti mqiegħda f’ċirkolazzjoni libera qabel id-data li fiha dawn ir-regolamenti kienu daħlu fis-seħħ. Min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 384/96 ma teskludix li sseħħ tali tkomplija tal-proċedura fil-każ fejn id-dazji antidumping ikkonċernati jkunu skadew minn dik id-data, sakemm dawn id-dazji jkunu stabbiliti mill-ġdid matul il-perijodu ta’ applikazzjoni inizjali tagħhom, u għalhekk, f’dan il-każ, fir-rigward ta’ prodotti mqiegħda f’ċirkulazzjoni libera wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament definittiv u dak ta’ estensjoni.

      F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, ir-regola stabbilita fl-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali, għandu jitfakkar li din ċertament għandha bħala effett mhux biss li tostakola l-fatt li l-ammont tad-dazji doganali jkun jista’ jiġi kkomunikat lid-debitur wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet snin mid-data ta’ meta joriġina d-dejn doganali tiegħu, iżda wkoll li tippreskrivi dan id-dejn doganali hija stess fl-iskadenza tal-imsemmi terminu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie, C-201/04, EU:C:2006:136, punti 39 u 41).

      Madankollu, u kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, din ir-regola tapplika biss, skont it-termini stess tal-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali, wara l-komunikazzjoni tal-ammont tad-dazji dognali lid-debitur, u l-implementazzjoni tagħha hija l-obbligu, f’dan ir-rigward, tal-awtoritajiet doganali nazzjonali li huma kompetenti sabiex jagħmlu tali komunikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2003, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni,C-156/00, EU:C:2003:149, punti 63 u 64).

      (ara l-punti 73, 74, 76-78, 80, 81)

    5.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 86-91)

    Top