Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0163

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-12 ta’ Ġunju 2018.
    Christian Louboutin u Christian Louboutin Sas vs van Haren Schoenen BV.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade marks – Raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni jew għal invalidità – Sinjal ikkostitwit esklużivament mill-forma tal-prodott – Kunċett ta’ ‘forma’ – Kulur – Pożizzjoni fuq parti tal-prodott – Direttiva 2008/95/KE – Artikolu 2 – Artikolu 3(1)(e)(iii).
    Kawża C-163/16.

    Kawża C‑163/16

    Christian Louboutin
    u
    Christian Louboutin SAS

    vs

    Van Haren Schoenen BV

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rechtbank Den Haag)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade marks – Raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni jew għal invalidità – Sinjal ikkostitwit esklużivament mill-forma tal-prodott – Kunċett ta’ ‘forma’ – Kulur – Pożizzjoni fuq parti tal-prodott – Direttiva 2008/95/KE – Artikolu 2 – Artikolu 3(1)(e)(iii)”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat‑12 ta’ Ġunju 2018

    Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Trade marks – Direttiva 2008/95 – Raġunijiet għal rifjut jew għal invalidità – Sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma li jagħti valur sostanzjali lill-prodott – Trade mark li tikkonsisti f’kulur applikat fuq il-pett ta’ żarbun b’takkuna għolja

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/95, Artikolu 3(1)(e)(ii))

    L-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, għandu jiġi interpretat fis-sens li sinjal li jikkonsisti f’kulur applikat fuq il-pett ta’ żarbun b’takkuna għolja, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex ikkostitwit esklużivament mill-“forma”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    Fil-kuntest tad-dritt tat-trade marks, il-kunċett ta’ “forma” normalment jinftiehem, kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea, fis-sens li jirreferi għal sensiela ta’ linji jew ta’ kontorni li tiddelimita l-prodott ikkonċernat f’termini ta’ spazju.

    Ma jirriżulta la mid-Direttiva 2008/95, la mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas mit-tifsira komuni ta’ din il-kelma li kulur fih innifsu, mingħajr delimitazzjoni f’termini ta’ spazju, jista’ jikkostitwixxi forma.

    Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-fatt li kulur partikolari jiġi applikat fuq parti speċifika tal-prodott ikkonċernat ifissirx li s-sinjal inkwistjoni huwa kkostitwit minn forma, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm, ċertament, il-forma tal-prodott jew ta’ parti mill-prodott għandha rwol fid-delimitazzjoni tal-kulur f’termini ta’ spazju, madankollu ma jistax jitqies li sinjal huwa kkostitwit minn din il-forma meta r-reġistrazzjoni tat-trade mark ma tkunx intiża li tipproteġi tali forma, iżda biss l-applikazzjoni ta’ kulur fuq parti speċifika tal-imsemmi prodott.

    Fi kwalunkwe każ, sinjal, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax jitqies li huwa kkostitwit “esklużivament” mill-forma, meta, bħal f’dan il-każ, l-għan prinċipali ta’ dan is-sinjal huwa kulur speċifikat permezz ta’ kodiċi ta’ identifikazzjoni rrikonoxxut internazzjonalment.

    (ara l-punti 21 sa 24, 26, 27, u d-dispożittiv)

    Top