This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CJ0096
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Awwissu 2018.
Banco Santander, SA u Rafael Ramón Escobedo Cortés vs Mahamadou Demba et.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti – Kamp ta’ applikazzjoni – Trasferiment ta’ kreditu – Kuntratt ta’ self konkluż mal-konsumatur – Kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru inġust ta’ klawżola ta’ dan il-kuntratt li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji – Konsegwenzi ta’ dan il-karattru.
Kawżi magħquda C-96/16 u C-94/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Awwissu 2018.
Banco Santander, SA u Rafael Ramón Escobedo Cortés vs Mahamadou Demba et.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti – Kamp ta’ applikazzjoni – Trasferiment ta’ kreditu – Kuntratt ta’ self konkluż mal-konsumatur – Kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru inġust ta’ klawżola ta’ dan il-kuntratt li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji – Konsegwenzi ta’ dan il-karattru.
Kawżi magħquda C-96/16 u C-94/17.
Court reports – general
Kawżi magħquda C‑96/16 u C‑94/17
Banco Santander SA
vs
Mahamadou Demba
u
Mercedes Godoy Bonet
u
Rafael Ramón Escobedo Cortés
vs
Banco de Sabadell SA
(talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 38 de Barcelona u mit-Tribunal Supremo)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti – Kamp ta’ applikazzjoni – Trasferiment ta’ kreditu – Kuntratt ta’ self konkluż mal-konsumatur – Kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru inġust ta’ klawżola ta’ dan il-kuntratt li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji – Konsegwenzi ta’ dan il-karattru”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Awwissu 2018
Protezzjoni tal-konsumaturi—Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi—Direttiva 93/13—Kamp ta’ applikazzjoni—Prattika ta’ kummerċjant fil-qasam ta’ trasferiment jew ta’ xiri ta’ kreditu miżmum fir-rigward ta’ konsumatur—Assenza ta’ limitazzjoni tal-prattika msemmija permezz ta’ klawżola kuntrattwali—Inapplikabbiltà tad-direttiva—Esklużjoni prevista għall-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji imperattivi—Assenza ta’ klawżoli kuntrattwali li jbiddlu l-portata jew il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali—Inapplikabbiltà tad-direttiva
(Direttiva tal-Kunsill 93/13)
Domandi preliminari—Ammissibbiltà—Limiti—Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli
(Artikolu 267 TFUE)
Domandi preliminari—Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja—Limiti—Interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali—Esklużjoni
(Artikolu 267 TFUE)
Protezzjoni tal-konsumaturi—Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi—Direttiva 93/13—Konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola—Portata—Klawżola mhux innegozjata ta’ kuntratt ta’ self li jiffissa r-rata tal-interessi moratorji—Ġurisprudenza nazzjonali li tistabbilixxi preżunzjoni inkonfutabbli tan-natura inġusta tal-imsemmija klawżola għar-raġuni ta’ ammont sproporzjonat ta’ kumpens—Ammissibbiltà
(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 3(1) u (8))
Protezzjoni tal-konsumaturi—Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi—Direttiva 93/13—Konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola—Portata—Reviżjoni mill-qorti nazzjonali tal-kontenut ta’ klawżola inġusta—Inammissibbiltà
(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 6(1))
Protezzjoni tal-konsumaturi—Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi—Direttiva 93/13—Konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola—Portata—Klawżola mhux innegozjata ta’ kuntratt ta’ self li jiffissa r-rata tal-interessi moratorji—Ġurisprudenza nazzjonali li tipprevedi t-tneħħija totali tal-interessi moratorji, filwaqt li l-interessi ordinarji jkomplu jiddekorru—Ammissibbiltà
(Direttiva tal-Kunsill 93/13)
Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandha tiġi interpretata fis-sens, minn naħa, li din ma tapplikax għal prassi ta’ professjonist li tikkonsisti fit-trasferiment jew fix-xiri ta’ dejn miżmum fil-konfront ta’ konsumatur, mingħajr ma l-possibbiltà ta’ tali trasferiment tkun prevista mill-kuntratt ta’ self konkluż ma’ dan il-konsumatur, mingħajr ma dan tal-aħħar jiġi informat minn qabel dwar dan it-trasferiment jew mingħajr ma jagħti l-kunsens tiegħu u mingħajr ma tiġi offruta lilu l-possibbiltà li jifdi d-dejn tiegħu, u b’hekk jaqtgħu, billi jirrimborsa liċ-ċessjonarju l-prezz li dan ħallas skont l-imsemmi trasferiment, flimkien mal-ispejjeż, l-interessi u l-infiq applikabbli. Min-naħa l-oħra, din id-Direttiva lanqas ma tapplika għal dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 1535 tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) kif ukoll fl-Artikoli 17 u 540 tal-Ley 1/2000 de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi 1/2000 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, tas-7 ta’ Jannar 2000, li jipprevedu tali possibbiltà ta’ fidi u li jirregolaw is-sostituzzjoni taċ-ċedent biċ-ċessjonarju fil-proċeduri pendenti.
(ara l-punt 47 u d-dispożittiv 1)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 50-53)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punt 57)
Id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tgħid li klawżola mhux innegozjata ta’ kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji applikabbli tkun inġusta, minħabba li din timponi li l-konsumatur li jinsab lura fil-ħlasijiet iħallas kumpens f’ammont sproporzjonalment għoli, meta din ir-rata taqbeż b’iktar minn żewġ punti perċentwali dik tal-interessi ordinarji previsti minn dan il-kuntratt.
F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jiġi eskluż li, fir-rwol tagħhom ta’ armonizzazzjoni fl-interpretazzjoni tad-dritt u fl-interess taċ-ċertezza legali, il-qrati supremi ta’ Stat Membru, bħat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), jistgħu, fl-osservanza tad-Direttiva 93/13, jistabbilixxu xi kriterji li fid-dawl tagħhom il-qrati inferjuri għandhom jeżaminaw il-karattru inġust tal-klawżoli kuntrattwali. Issa, għalkemm il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ċertament ma tidhirx li hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet iktar stretti li jistgħu jiġu adottati mill-Istati Membri sabiex jiżguraw livell ta’ protezzjoni ogħla lill-konsumatur, skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari peress li, kif espona l-Gvern Spanjol waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-ġurisprudenza ma tidhirx li għandha s-saħħa ta’ liġi u lanqas ma tikkostitwixxi sors ta’ liġi fis-sistema legali Spanjola, xorta jibqa’ l-fatt li l-istabbiliment ta’ kriterju ġurisprudenzjali, bħal dak stabbilit f’dan il-każ mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), jifforma parti mill-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi mfittex minn din id-direttiva. Fil-fatt, mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, kif ukoll mill-istruttura ġenerali tagħha jirriżulta li din id-direttiva hija intiża mhux biex tiżgura bilanċ kuntrattwali globali bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt, iżda biex tevita li jinħoloq żbilanċ bejn dawn id-drittijiet u dawn l-obbligi għad-detriment tal-konsumaturi.
(ara l-punti 68, 69, 71 u d-dispożittiv 2)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 73, 74)
Id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tgħid li l-konsegwenza tal-karattru inġust ta’ klawżola mhux innegozjata ta’ kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji tikkonsisti fl-eliminazzjoni totali ta’ dawn l-interessi, fejn jibqgħu jiddekorru l-interessi ordinarji previsti minn dan il-kuntratt.
B’mod partikolari, minn din id-direttiva ma jirriżultax li l-eliminazzjoni jew it-tħassir tal-klawżola ta’ kuntratt ta’ self li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji, minħabba l-karattru inġust tagħha, għandha twassal ukoll għall-eliminazzjoni jew għat-tħassir tal-klawżola tal-kuntratt li tiffissa r-rata tal-interessi ordinarji u dan peress li dawn il-klawżoli għandhom jiġu sseparati b’mod ċar. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, għandu fil-fatt jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑94/17, l-interessi moratorji huma intiżi sabiex jippenalizzaw in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni mid-debitur tal-obbligi li jwettaq il-ħlasijiet tas-self fl-iskadenzi miftiehma kuntrattwalment, biex jiskoraġġixxu lil dan id-debitur milli jdum fl-eżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu u, jekk ikun il-każ, biex il-kreditur jiġi kkumpensat għad-dannu subit minħabba l-ħlas tard. Min-naħa l-oħra, l-interessi ordinarji għandhom funzjoni ta’ ħlas għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ somma flus mill-kreditur sad-data tar-rimbors tagħha. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 90 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw irrispettivament minn kif inhuma fformulati l-klawżola kuntrattwali li tistabbilixxi r-rata tal-interessi moratorji u dik li tiffissa r-rata tal-interessi ordinarji. B’mod partikolari, dawn japplikaw mhux biss meta r-rata tal-interessi moratorji tkun iddefinita indipendentement mir-rata tal-interessi ordinarji, fi klawżola distinta, iżda wkoll meta r-rata tal-interessi moratorji tkun iddeterminat taħt forma ta’ żieda fir-rata tal-interessi ordinarji minn ċertu numru ta’ punti perċentwali. F’dan l-aħħar każ, peress li l-klawżola inġusta tikkonsisti f’din iż-żieda, id-Direttiva 93/13 teżiġi biss li l-imsemmija żieda tiġi annullata.
(ara l-punti 76, 77, 79 u d-dispożittiv 3)