This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CJ0052
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Marzu 2018.
"SEGRO” Kft. vs Vas Megyei Kormányhivatal Sárvári Járási Földhivatala u Günther Horváth vs Vas Megyei Kormányhivatal.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Drittijiet ta’ użufrutt fuq art agrikola – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-possibbiltà ta’ akkwist ta’ tali drittijiet fil-futur biss minn membri tal-familja qrib tal-proprjetarju tal-art u li tneħħi, mingħajr ma tipprevedi kumpens, id-drittijiet preċedentement akkwistati minn persuni ġuridiċi jew minn persuni fiżiċi li ma jistgħux jiġġustifikaw rabta parentali mill-qrib mal-imsemmi proprjetarju.
Kawżi magħquda C-52/16 u C-113/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Marzu 2018.
"SEGRO” Kft. vs Vas Megyei Kormányhivatal Sárvári Járási Földhivatala u Günther Horváth vs Vas Megyei Kormányhivatal.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Drittijiet ta’ użufrutt fuq art agrikola – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-possibbiltà ta’ akkwist ta’ tali drittijiet fil-futur biss minn membri tal-familja qrib tal-proprjetarju tal-art u li tneħħi, mingħajr ma tipprevedi kumpens, id-drittijiet preċedentement akkwistati minn persuni ġuridiċi jew minn persuni fiżiċi li ma jistgħux jiġġustifikaw rabta parentali mill-qrib mal-imsemmi proprjetarju.
Kawżi magħquda C-52/16 u C-113/16.
Court reports – general
Kawżi Magħquda C‑52/16 u C‑113/16
“SEGRO” Kft.
vs
Vas Megyei Kormányhivatal Sárvári Járási Földhivatala
u
Günther Horváth
vs
Vas Megyei Kormányhivatal
(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Szombathelyi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Drittijiet ta’ użufrutt fuq art agrikola – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-possibbiltà ta’ akkwist ta’ tali drittijiet fil-futur biss minn membri tal-familja qrib tal-proprjetarju tal-art u li tneħħi, mingħajr ma tipprevedi kumpens, id-drittijiet preċedentement akkwistati minn persuni ġuridiċi jew minn persuni fiżiċi li ma jistgħux jiġġustifikaw rabta parentali mill-qrib mal-imsemmi proprjetarju”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Marzu 2018
Moviment liberu tal-kapital–Dispożizzjonijiet tat-Trattat–Kamp ta’ applikazzjoni–Akkwist ta’ drittijiet ta’ użufrutt fuq artijiet agrikoli–Inklużjoni
(Artikolu 63 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 88/361, Anness I)
Moviment liberu tal-kapital–Restrizzjonijiet għat-tranżazzjonijiet immobbiljari–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-estinzjoni tad-drittijiet ta’ użufrutt miksuba fuq artijiet agrikoli fil-każ ta’ nuqqas ta’ ġustifikazzjoni tal-kwalità ta’ parentela mill-qrib mal-proprjetarju ta’ dawn l-artijiet–Inammissibbiltà–Assenza ta’ diskriminazzjoni diretta
(Artikolu 63 TFUE)
Moviment liberu tal-kapital–Restrizzjonijiet għat-tranżazzjonijiet immobbiljari–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-estinzjoni tad-drittijiet ta’ użufrutt miksuba fuq artijiet agrikoli fil-każ ta’ nuqqas ta’ ġustifikazzjoni tal-kwalità ta’ parentela mill-qrib mal-proprjetarju ta’ dawn l-artijiet–Inammissibbiltà–Ġustifikazzjoni–Assenza
(Artikolu 63 TFUE)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 56 sa 60)
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 63(1) TFUE jipprojbixxi b’mod ġenerali r-restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital bejn Stati Membri (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Essent et, C‑105/12 sa C‑107/12, EU:C:2013:677, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, mill-għan tagħha stess, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-estinzjoni tad-drittijiet ta’ użufrutt akkwistati kuntrattwalment fuq art agrikola, inklużi dawk li huma miżmuma bħala riżultat tal-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu tal-kapital, tostakola, minħabba dak il-fatt biss, l-imsemmija libertà. L-adozzjoni eventwali, prevista mill-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑52/16, ta’ miżura ta’ kumpens għall-persuni li, wara li akkwistaw tali drittijiet, ġew imċaħħda minnhom minn din il-leġiżlazzjoni ma hijiex ta’ natura li taffettwa din il-konstatazzjoni.
Fil-fatt, l-imsemmija leġiżlazzjoni ċċaħħad lill-persuna kkonċernata kemm mill-possibbiltà li tkompli tgawdi mid-dritt li akkwistat, billi tipprojbixxiha, b’mod partikolari, milli tisfrutta l-art agrikola kkonċernata għall-finijiet li għalihom akkwistat dan id-dritt, kif ukoll mill-possibbiltà li tittrasferixxi din tal-aħħar. Issa, billi ċċaħħad, b’dan il-mod, iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn minbarra l-Ungerija, benefiċjarji tal-moviment liberu tal-kapital, mit-tgawdija tal-beni li fihom investew kapital, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu. Barra minn hekk, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE, bħala restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital, jinkludu b’mod partikolari dawk li huma ta’ natura li jiddisswadu dawk li ma humiex residenti milli jinvestu fi Stat Membru (sentenzi tal-25 ta’ Jannar 2007, Festersen, C‑370/05, EU:C:2007:59, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius, C‑567/07, EU:C:2009:593, punt 21). Konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà fundamentali ggarantita fl-Artikolu 63 TFUE.
Fir-rigward tal-punt jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni għandhiex, barra minn hekk, tiġi meqjusa bħala diskriminatorja, punt li fuqu hija bbażata t-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑113/16, għandu jiġi rrilevat, bħalma qal l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, li rekwiżit ibbażat, bħal f’dan il-każ, fuq l-eżistenza ta’ rabta ta’ parentela mill-qrib bejn id-detentur tal-użufrutt u l-proprjetarju tal-art produttiva juża kriterju li jidher indipendenti min-nazzjonalità tal-użufruttwarju u mill-oriġini tal-kapital, li, għalhekk, ma għandux natura direttament diskriminatorja.
(ara l-punti 61 sa 67)
L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li biha d-drittijiet ta’ użufrutt preċedentement ikkostitwiti fuq art agrikola u li d-detenturi tagħhom ma għandhomx il-kwalità ta’ parentela mill-qrib mal-proprjetarju ta’ dawn l-artijiet jiġu estinti ipso jure u, konsegwentement, imħassra mir-Reġistri tal-Artijiet.
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, kif b’mod partikolari ssostni l-Kummissjoni u kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 111 sa 113 tal-konklużjonijiet tiegħu, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti ż-żamma tad-drittijiet ta’ użufrutt eżistenti fuq l-artijiet produttivi biss bil-kundizzjoni li l-użufruttwarju jkollu parentela mill-qrib mal-proprjetarju ta’ dawn, ma tidhirx li hija xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet sostnuti mill-Gvern Ungeriż u li magħhom ma għandha l-ebda rabta diretta. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ eżiġenza ta’ rabta ta’ parentela ma hijiex ta’ natura li tiggarantixxi li l-użufruttwarju jisfrutta huwa stess il-fondi kkonċernati u li ma akkwistax id-dritt ta’ użufrutt inkwistjoni għal finijiet purament spekulattivi. Bl-istess mod, ma hemm l-ebda raġuni li jiġi kkunsidrat, a priori, li terz f’relazzjoni mal-familja tal-proprjetarju li jkun akkwista użufrutt fuq fond bħal dan ma jkunx f’pożizzjoni li jisfrutta huwa stess dan tal-aħħar u li l-akkwist kien neċessarjament twettaq għal finijiet purament spekulattivi, fl-assenza ta’ kwalunkwe xewqa li jiġi kkultivat l-imsemmi fond.
It-tieni nett, u jekk wieħed jassumi li l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet, anki jekk parzjalment, iggwidata mix-xewqa li jiġu ssanzjonati l-ksur tar-regoli applikabbli fil-qasam tal-kontroll tal-kambju, li għandha tkun, skont il-każ, il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan, xorta jkun neċessarju li jiġi żgurat li l-miżura għat-tneħħija tad-drittijiet tal-użufrutt li tipprevedi l-imsemmija leġiżlazzjoni ma hijiex sproporzjonata meta mqabbla ma’ dan il-għan. F’dan ir-rigward, kif ġie osservat ukoll mill-Avukat Ġenerali fil-punti 95 u 98 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa manifest li miżuri oħra, inqas estiżi fl-effetti tagħhom mit-tneħħija tad-drittijiet reali kkonċernati, setgħu jiġu adottati sabiex jissanzjonaw ab initio l-eventwali ksur tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tal-kontroll tal-kambju, bħal ma huma, pereżempju, multi amministrattivi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2005, Burtscher, C‑213/04, EU:C:2005:731, punt 60).
Fir-rigward tal-ġlieda kontra prattiki li għandhom bħala għan li jevitaw il-liġi nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li miżura li tirrestrinġi libertà fundamentali tista’, skont il-każ, tiġi ġġustifikata meta tkun intiża sabiex tiġġieled skemi purament artifiċjali, li għandhom l-għan li jevitaw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata (sentenza tal-1 ta’ April 2014, Felixstowe Dock and Railway Company et, C‑80/12, EU:C:2014:200, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Sabiex tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, miżura li ssegwi tali għan speċifiku tal-ġlieda kontra l-iskemi purament artifiċjali għandha, għall-kuntrarju, tippermetti lill-qorti nazzjonali twettaq eżami każ b’każ filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet ta’ kull każ, billi tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-aġir illegali jew frawdolenti tal-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome, C‑182/08, EU:C:2009:559, punt 99). Issa, jidher li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tissodisfa l-ebda waħda mir-rekwiżiti mfakkra fil-punti 115 sa 117 ta’ din is-sentenza.
L-ewwel nett, għalkemm jidher li mis-siltiet tas-sentenza tal-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) Nru 25 tal-21 ta’ Lulju 2015, riprodotti fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet intiża, tal-inqas parzjalment, sabiex telimina l-effetti legali ta’ prattika ta’ akkwist ta’ artijiet agrikoli li taħtha d-dritt ta’ użufrutt ġie applikat b’mod li ma jiffunzjonax tajjeb, dawn l-istess siltiet jirrilevaw ukoll li din l-eliminazzjoni kienet tkun ikkunsidrata fuq kollox neċessarja għall-finijiet tat-twettiq bis-sħiħ tal-għan strateġiku nazzjonali mfittex mill-qafas legali l-ġdid stabbilit, jiġifieri li l-artijiet produttivi għandhom ikunu proprjetà biss tal-persuni fiżiċi li jaħdmuhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li leġiżlazzjoni bħal din għandha l-għan speċifiku li tiġġieled l-aġir li jinvolvi l-ħolqien ta’ skemi artifiċjali li l-iskop tagħhom kien li jevita l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali relatata mal-akkwist ta’ fondi agrikoli. It-tieni nett, u jekk wieħed jassumi li jista’ jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet adottata bl-għan speċifiku tal-ġlieda kontra l-iskemi artifiċjali, ma jistax jiġi dedott b’mod raġonevoli mis-sempliċi ċirkustanza li d-detentur tad-dritt ta’ użufrutt fuq art agrikola hija persuna ġuridika jew persuna fiżika li ma għandhiex il-kwalità ta’ parentela mill-qrib mal-proprjetarju ta’ din l-art ħlief jekk din il-persuna tkun aġixxiet abbużivament fil-mument li hija akkwistat tali dritt ta’ użufrutt. Kif ġie rrilevat fil-punt 116 ta’ din is-sentenza, il-promulgazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ prattiki abbużivi ma tistax tiġi aċċettata.
(ara l-punti 86, 87, 105, 106, 114, 117 sa 121, 129 u d-dispożittiv)