EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0049

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-22 ta’ Ġunju 2017.
Unibet International Ltd. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Központi Hivatala.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu provduti servizzi – Restrizzjonijiet – Kundizzjonijiet għall-għoti ta’ liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard online – Impossibbiltà prattika tal-kisba ta’ tali awtorizzazzjoni għall-operaturi privati stabbiliti fi Stati Membri oħra.
Kawża C-49/16.

Court reports – general

Kawża C-49/16

Unibet International Ltd.

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Központi Hivatala

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu provduti servizzi – Restrizzjonijiet – Kundizzjonijiet għall-għoti ta’ liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard online – Impossibbiltà prattika tal-kisba ta’ tali awtorizzazzjoni għall-operaturi privati stabbiliti fi Stati Membri oħra”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat‑22 ta’ Ġunju 2017

  1. Libertà li jiġu pprovduti servizzi–Restrizzjonijiet–Logħob tal-ażżard–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ liċenzji u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard online–Impossibbiltà prattika tal-kisba ta’ tali liċenzja jew awtorizzazzjoni għall-operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra–Ġustifikazzjoni–Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali–Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ trasparenza

    (Artikolu 56 TFUE)

  2. Libertà li jiġu pprovduti servizzi–Restrizzjonijiet–Logħob tal-ażżard–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ liċenzji u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard online–Nuqqas ta’ kompatibbiltà mal-Artikolu 56 TFUE–Sanzjonijiet kontra min jikser il-liġi–Inammissibbiltà

    (Artikolu 56 TFUE)

  1.  L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi sistema ta’ liċenzji u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard online, meta din ikun fiha regoli diskriminatorji fir-rigward tal-operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra jew meta din tipprevedi dispożizzjonijiet nondiskriminatorji, iżda li jiġu applikati b’mod mhux trasparenti jew implementati b’mod li jipprekludi jew li jagħmel iktar diffiċli l-kandidatura ta’ ċerti offerenti stabbiliti fi Stati Membri oħra.

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fis-seħħ fil-25 ta’ Ġunju 2014, għandu jiġi kkonstatat li dispożizzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħid li l-operaturi ta’ logħob tal-ażżard affidabbli għandhom ikunu eżerċitaw, matul perijodu ta’ mill-inqas għaxar snin, attività ta’ organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, toħloq differenza fit-trattament sa fejn din tpoġġi fi żvantaġġ lill-operaturi ta’ logħob tal-ażżard stabbiliti fi Stati Membri oħra meta mqabbla mal-operaturi nazzjonali kkonċernati li jistgħu jissodisfaw il-kundizzjoni msemmija iktar faċilment. Is-sempliċi invokazzjoni ta’ għan ta’ interess ġenerali ma tistax tkun biżżejjed biex tiġġustifika tali differenza fit-trattament.

    Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fis-seħħ fid-29 ta’ Awwissu 2014, l-obbligu li tkun ġiet eżerċitata matul tliet snin fi Stat Membru attività ta’ organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard ma joħloqx vantaġġi favur l-operaturi stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti u jista’ jiġi ġġustifikat minn għan ta’ interess ġenerali. Huwa madankollu importanti li r-regoli inkwistjoni jiġu applikati b’mod trasparenti fir-rigward tal-offerenti kollha. Ma tissodisfax dan ir-rekwiżit leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-kundizzjonijiet tagħha għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-ministru tal-Ekonomija ffissati minnha waqt tali proċedura, kif ukoll il-kundizzjonijiet tekniċi tagħha li għandhom jiġu ssodisfatti mill-operaturi ta’ logħob tal-ażżard waqt it-tressiq tal-offerta tagħhom, ma kinux iddefiniti bi preċiżjoni suffiċjenti.

    (ara l-punti 44-48, u d-dispożittiv 1)

  2.  L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sanzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imposti minħabba l-ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ konċessjonijiet u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard, fl-ipoteżi fejn tali leġiżlazzjoni nazzjonali tirriżulta li tkun kuntrarja għal dan l-artikolu.

    (ara l-punt 51 u d-dispożittiv 2)

Top