Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0048

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-17 ta’ Mejju 2017.
    ERGO Poist’ovňa a.s. vs Alžbeta Barlíková.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom — Direttiva 86/653/KEE — Kummissjoni tal-aġent kummerċjali — Artikolu 11 — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali tal-kuntratt konkluż bejn it-terzi u l-prinċipal — Konsegwenzi fuq id-dritt għall-kummissjoni — Kunċett ta’ “raġuni li għaliha l-prinċipal [huwa ħati].
    Kawża C-48/16.

    Court reports – general

    Kawża C-48/16

    ERGO Poist’ovňa a.s.

    vs

    Alžbeta Barlíková

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Okresný súd Dunajská Streda)

    Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom — Direttiva 86/653/KEE — Kummissjoni tal-aġent kummerċjali — Artikolu 11 — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali tal-kuntratt konkluż bejn it-terzi u l-prinċipal — Konsegwenzi fuq id-dritt għall-kummissjoni — Kunċett ta’ “raġuni li għaliha l-prinċipal [huwa ħati]

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-17 ta’ Mejju 2017

    1. Moviment liberu tal-persuni-Libertà ta’ stabbiliment-Aġenti kummerċjali indipendenti-Direttiva 86/653-Remunerazzjoni-Dritt tal-aġent għall-Kummissjoni-Tmiem-Nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt bejn il-prinċipal u t-terza persuna-Kunċett-Nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali tal-kuntratt-Inklużjoni

      (Direttiva tal-Kunsill 86/653, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 11(1))

    2. Moviment liberu tal-persuni-Libertà ta’ stabbiliment-Aġenti kummerċjali indipendenti-Direttiva 86/653-Remunerazzjoni-Dritt tal-aġent għall-kummissjoni-Tmiem-Deroga għad-detriment tal-aġent-Kunċett-Obbligu kuntrattwali ta’ aġent li jirrimborsa, bi prorata, parti mill-kummissjoni tiegħu f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali tal-kuntratt konkluż bejn il-prinċipal u t-terza persuna-Esklużjoni-Kundizzjonijiet

      (Direttiva tal-Kunsill 86/653, Artikolu 11(2) u (3)

    3. Moviment liberu tal-persuni-Libertà ta’ stabbiliment-Aġenti kummerċjali indipendenti-Direttiva 86/653-Remunerazzjoni-Dritt tal-aġent għall-kummissjoni-Tmiem-Raġuni li għaliha l-prinċipal huwa ħati-Kunċett-Il-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li l-prinċipal huwa ħati għalihom, li jwasslu għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt

      (Direttiva tal-Kunsill 86/653, Artikolu 11(2) u (3)

    1.  L-ewwel inċiż tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi mhux biss għall-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni totali tal-kuntratt konkluż bejn il-prinċipal u t-terza persuna, iżda wkoll għall-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali ta’ dan il-kuntratt, bħan-nuqqas ta’ osservanza tal-volum tat-tranżazzjonijiet jew tat-tul previsti mill-imsemmi kuntratt.

      (ara l-punt 44, d-dispożittiv 1)

    2.  L-Artikolu 11(2) u (3) tad-Direttiva 86/653 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżola ta’ kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, li abbażi tagħha l-aġent għandu jħallas lura, bi prorata, parti mill-kummissjoni tiegħu fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali tal-kuntratt konkluż bejn il-prinċipal u t-terza persuna, ma tikkostitwixxix “deroga […] għad-detriment ta’ l-aġent kummerċjali”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 11(3), jekk il-parti mill-kummissjoni suġġetta għall-obbligu ta’ ħlas lura hija proporzjonata għall-parti mhux eżegwita tal-imsemmi kuntratt u bil-kundizzjoni li dan in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ma jkunx dovut għal ċirkustanzi li huwa ħati għalihom il-prinċipal.

      Obbligu ta’ ħlas lura ta’ parti mill-kummissjoni proporzjonalment ikbar minn din il-parti mhux eżegwita jikkostitwixxi, fil-fatt, deroga għad-detriment tal-aġent, ipprojbita mill-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 86/653. Min-naħa l-oħra, deroga favur l-aġent, li tikkonsisti fir-rekwiżit li titħallas lura parti mill-kummissjoni proporzjonalment iżgħar mill-parti mhux eżegwita tal-kuntratt tibqa’ possibbli.

      (ara l-punti 49, 51, d-dispożittiv 2)

    3.  It-tieni inċiż tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 86/653 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “raġuni li għaliha l-prinċipal [huwa ħati]” ma jirreferix biss għar-raġunijiet legali li jkunu direttament wasslu għat-tmiem tal-kuntratt konkluż bejn il-prinċipal u t-terza persuna, iżda jirreferi għall-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li l-prinċipal huwa ħati għalihom li jwasslu għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

      (ara l-punt 61, d-dispożittiv 3)

    Top