Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TO0600

Digriet tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-28 ta’ Settembru 2016.
Pesticide Action Network Europe (PAN Europe) et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Sustanza attiva sulfoksaflor – Inklużjoni fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 – Nuqqas ta’ interess dirett – Inammissibbiltà.
Kawża T-600/15.

Court reports – general

Kawża T-600/15

Pesticide Action Network Europe (PAN Europe) et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Sustanza attiva sulfoksaflor — Inklużjoni fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 — Nuqqas ta’ interess dirett — Inammissibbiltà”

Sommarju – Digriet tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-28 ta’ Settembru 2016

  1. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza diretta – Kriterji – Regolament tal-Kummissjoni dwar l-approvazzjoni ta’ prodott ta’ protezzjoni tal-pjanti li jinkludi s-sustanza attiva sulfoksaflor – Rikors ippreżentat minn assoċjazzjoni ta’ apikulturi u organizzazzjonijiet ta’ difiża tal-ambjent – Assenza ta’ interess dirett – Inammissibbiltà

    (Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1107/2009; Regolamenti tal-Kummissjoni Nri 540/2011 u 2015/1295)

  2. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Kriterji – Parteċipazzjoni fil-proċess deċiżjonali – Insiffiċjenza biex jiġi kkontstatat effett dirett

    (Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1107/2009; Regolamenti tal-Kummissjoni Nri 540/2011 u 2015/1295)

  3. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza diretta – Kriterji – Possibbiltà li jitqiegħdu f’dubju l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà permezz tal-invokazzjoni tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-ambjent u tad-dritt għal protezzjoni ġuridika effettiva – Assenza

    (Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 37 u 47)

  4. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza diretta – Kriterji – Possibbiltà li jitqiegħdu f’dubju l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà permezz tal-invokazzjoni tal-konvenzjoni fuq l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (Konvenzjoni ta’ Aarhus) – Assenza

    (Artikolu 216(2) TFUE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Konvenzjoni ta’ Aarhus, Artikolu 9(3))

  1.  Assoċjazzjoni ta’ apikulturi u organizzazzjonijiet ta’ difiża tal-ambjent ma humiex direttament affettwati, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u, għaldaqstant, ma għandhomx locus standi sabiex jippreżentaw rikors għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2015/1295 li japprova s-sustanza attiva sulfoksaflor, b’konformità mar-Regolament Nru 1107/2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Nru 540/2011.

    Fil-fatt, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2015/1295, li għandu bħala suġġett l-approvazzjoni, taħt riżrva ta’ ċerti kundizzjonijiet, tal-imsemmija sustanza attiva bħala ingredjent ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti skont ir-Regolament Nru 1107/2009 u l-inklużjoni ta’ din is-sustanza fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 540/2011, f’dak li jikkonċerna l-lista tas-sustanzi attivi approvati, jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-Istati Membri li għandhom il-possibbiltà li jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu s-sulfoksaflor, jekk issir talba f’dan is-sens, kif ukoll fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-applikanti għall-awtorizzazzjonijiet potenzjali għal tqegħid fuq is-suq ta’ tali prodotti iżda mhux fuq dik ta’ din l-assoċjazzjoni u ta’ dawn l-organizzazzjonijiet.

    Fir-rigward tal-effetti legali ta’ dan ir-regolament fuq id-dritt għall-proprjetà u d-dritt li jiġi eżerċitat negozju li għandhom il-membri tal-imsemmija assoċjazzjoni ta’ apikulturi, minn naħa, fl-ipoteżi li l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu s-sulfoksaflor jkun realment suxxettibbli li jpoġġi f’perikolu l-attivitajiet kummerċjali tal-membri ta’ din l-assoċjazzjoni, dawn il-konsegwenzi ekonomiċi ma jikkonċernawx is-sitwazzjoni ġuridika tagħhom, iżda unikament is-sitwazzjoni fattwali tagħhom. Min-naħa l-oħra, din l-allegata theddida tippreżupponi wkoll l-awtorizzazzjoni minn Stat Membru ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludi s-sulfoksaflor. Issa, l-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni ma huwiex il-konsegwenza awtomatika tal-approvazzjoni tas-sulfoksaflor iżda huwa suġġett għall-eżerċizzju, mill-Istati Membri, ta’ setgħa diskrezzjonali u ta’ marġni ta’ manuvra konsiderevoli.

    Bl-istess mod, fir-rigward tal-għanijiet tal-kampanji mmexxijja minn organizzazzjoni ta’ difiża tal-ambjent, minkejja li l-att ikkontestat ikollu effett, dan huwa effett fattwali u mhux ġuridiku

    (ara l-punti 24-26, 31-33, 40-42, dispożittiv 1)

  2.  Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-locus standi ta’ rikorrent sabiex jippreżenta rikors għal annullament kontra att tal-Unjoni, għalkemm f’ċerti każijiet, il-fatt li tali parti tkun ipparteċipat għall-proċedura amministrattiva li tkun ippreċediet l-adozzjoni tal-att ikkontestat jippermetti, flimkien ma’ fatti oħra, li jiġi kkwalifikat bħala individwalment ikkonċernat minn dan l-att, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, min-naħa l-oħra, tali parteċipazzjoni ma tippermettix li jiġi konkluż li l-att inkwistjoni jikkonċerna direttament rikorrent.

    (ara l-punt 44)

  3.  L-Artikoli 37 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma jpoġġux f’dubju l-interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u, b’mod partikolari, tal-kriterju tal-effett dirett, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-qrati tal-Unjoni.

    Fil-fatt, fir-rigward tal-Artikolu 37 tal-Karta, dan jinkludi biss prinċipju li jipprovdi obbligu ġenerali għall-Unjoni fir-rigward tal-għanijiet li għandha ssegwi fil-kuntest tal-politika tagħha, u mhux dritt sabiex jiġu ppreżentati rikorsi quddiem il-qrati tal-Unjoni, fil-qasam tal-ambjent.

    Fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta, din id-dispożizzjoni ma għandhiex l-għan li timmodifika s-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju previst mit-trattati, u b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni

    (ara l-punti 47, 49, 52)

  4.  Il-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni, fosthom il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, fuq l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, ma jipprevalux fuq id-dritt primarju tal-Unjoni, b’mod li ma jistax jiġi aċċettat li ssir deroga mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE abbażi tal-imsemmija konvenzjoni.

    Barra minn hekk, l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma jinkludi ebda obbligu inkondizzjonali u suffiċjentement preċiż ta’ natura li jirregola direttament is-sitwazzjoni legali tal-individwi. Konsegwentement, il-partijiet ma jistgħux jibbenefikaw direttamnt mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus quddiem il-qrati tal-Unjoni.

    Fl-aħħar nett, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif interpretat mill-qrati tal-Unjoni, ma huwiex inkompatibbli mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Fil-fatt, hija effettivament il-Konvenzjoni ta’ Aarhus stess, permezz tal-formulazzjoni “il-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji eventwali stabbiliti [bid]-dritt nazzjonali”, li tissuġġetta d-drittijiet li l-Artikolu 9(3) tagħha jagħti lill-membri tal-pubbliku bil-kundizzjoni li dawn tal-aħħar jirrispondu għall-kriterji ta’ ammissibbiltà li jirriżulaw mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    (ara l-punti 56, 58-60)

Top