Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TO0520(01)

    Digriet tal-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) tal-25 ta’ April 2016.
    Filip Mikulik vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
    Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Reklutaġġ – Tkeċċija fi tmiem il-perijodu ta’ prova – Appell parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat.
    Kawża T-520/15 P.

    DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

    tal-25 ta’ April 2016

    Filip Mikulik

    vs

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    “Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Reklutaġġ — Tkeċċija fi tmiem il-perijodu ta’ prova — Appell parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

    Suġġett:

    Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (Imħallef uniku) tal-25 ta’ Ġunju 2015, Mikulik vs Il‑Kunsill (F‑67/14, EU:F:2015:65), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

    Deċiżjoni:

    L-appell huwa miċħud. Filip Mikulik huwa kkundannat għall-ispejjeż.

    Sommarju

    1. Uffiċjali — Reklutaġġ — Perijodu ta’ prova — Evalwazzjoni tar-riżultati — Evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-uffiċjal bi prova — Teħid inkunsiderazzjoni tal-osservazzjonijiet ta’ konsulent estern li ħadem mill-qrib mal-persuna kkonċernata — Ammissibbiltà — Applikazzjoni b’analoġija ta’ projbizzjoni ta’ parteċipazzjoni ta’ terzi prevista fil-gwida dwar il-proċedura ta’ evalwazzjoni — Esklużjoni

      (Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 34, 43 u 110)

    2. Uffiċjali — Reklutaġġ — Perijodu ta’ prova — Suġġett — Kundizzjonijiet ta’ żvolġiment

      (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34(3))

    1.  Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompetenzi ta’ uffiċjal bi prova, projbizzjoni ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-osservazzjonijiet ta’ konsulent estern ma tistax tkun ibbażata fuq applikazzjoni b’analoġija tal-gwida għall-evalwazzjoni tal-istituzzjoni li tirrigwarda biss l-evalwazzjoni tal-uffiċjali permanenti.

      Fil-fatt, l-applikazzjoni b’analoġija ta’ dispożizzjoni fir-rigward ta’ operatur ekonomiku hija possibbli meta s-sistema legali li jaqa’ taħtha, minn naħa, tkun paragunabbli ħafna ma’ dik li l-applikazzjoni tagħha b’analoġija hija prevista u, min-naħa l-oħra, ikun fiha ommissjoni li tkun inkompatibbli ma’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li din l-applikazzjoni tippermetti li tirrimedja għaliha.

      F’dan ir-rigward, ma hijiex kwistjoni ta’ ommissjoni peress li, minn naħa, l-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar il-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-uffiċjali bi prova, huwa suffiċjentement iddettaljat u, min-naħa l-oħra, filwaqt li l-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-uffiċjali permanenti, jipprevedi l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni relatati ma din il-proċedura, skont l-Artikolu 110 tar-regolamenti tal-Persunal, dan ma huwiex il-każ fil-kuntest tal-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk, applikazzjoni b’analoġija tal-imsemmija gwida għall-evalwazzjoni tal-uffiċjali bi prova tkun tmur kontra r-rieda tal-awtur ta’ dan id-dokument.

      (ara l-punti 25 u 26)

      Referenza:

      Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1985, Krohn, 165/84, EU:C:1985:507, punt 14

    2.  Għalkemm il-perijodu ta’ prova li jwassal għall-ħatra bħala uffiċjal permanenti, intiż sabiex jippermetti l-evalwazzjoni tal-kapaċità u tal-aġir tal-uffiċjal bi prova, ma jistax jitqies daqslikieku huwa perijodu ta’ taħriġ, xorta waħda jibqa’ meħtieġ li l-persuna kkonċernata titqiegħed f’pożizzjoni, matul dan il-perijodu, li turi l-kwalitajiet tagħha. Din il-kundizzjoni, indiviżibbli mill-kunċett ta’ perijodu ta’ prova, tinsab impliċitament indikata fl-Artikolu 34(3) tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, din il-kundizzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipji ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll dawk tad-dmir ta’ premura, li jirrifletti l-bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal ħoloq fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku tal-Unjoni. Fil-prattika, din il-kundizzjoni tfisser li l-uffiċjal bi prova mhux biss għandu jibbenefika minn kundizzjonijiet materjali adegwati, iżda għandu jingħata wkoll istruzzjonijiet u pariri adegwati, fid-dawl tan-natura tal-funzjonijiet eżerċitati, sabiex ikun f’pożizzjoni li jaġġusta ruħu għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-pożizzjoni okkupata minnu.

      (ara l-punt 31)

      Referenza:

      Il-Qorti Ġenerali: sentenza tal-5 ta’ Marzu 1997, Rozand‑Lambiotte vs Il‑Kummissjoni, T‑96/95, EU:T:1997:25, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata

    Top