Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TJ0692

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-13 ta’ Diċembru 2017.
    HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping GmbH vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
    Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bil-għan li titwaqqaf il-proliferazzjoni nukleari – Iffriżar ta’ fondi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi.
    Kawża T-692/15.

    Kawża T-692/15

    HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping GmbH

    vs

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    “Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bil-għan li titwaqqaf il-proliferazzjoni nukleari – Iffriżar ta’ fondi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-13 ta’ Diċembru 2017

    1. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Oneru tal-prova

    2. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Evalwazzjoni tal-legalità tal-aġir tal-istituzzjonijiet – Miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi – Rikors għad-danni ta’ operatur ekonomiku li huwa s-suġġett ta’ miżura restrittiva individwali – Kriterji

      (Artikolu 21 TUE ; Artikolu 215(2) TFUE)

    3. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti protezzjoni lill-individwi – Modalitajiet ta’ prova – Annullament ta’ att jew ta’ diversi atti tal-Kunsill li taw lok għad-dannu invokat mir-rikorrent, inkluż l-annullament deċiż minn sentenza tal-Qorti Ġenerali li ngħatat qabel il-preżentata tar-rikors għad-danni – Assenza ta’ prova inkonfutabbli

    4. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Modalitajiet ta’ prova – Possibbiltà, għal istituzzjoni, li tinvoka l-elementi rilevanti kollha li jippreċedu l-preżentata ta’ rikors għad-danni kontriha – Assenza ta’ natura ineffettiva tal-elementi prodotti, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, mill-istituzzjoni li wettqet l-adozzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi

      (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE ; Artikolu 215(2) TFUE)

    5. Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi identifikati mill-Kunsill bħala parteċipanti fil-proliferazzjoni nukleari – Obbligu li din il-miżura tiġi estiża għal entitajiet miżmuma jew ikkontrollati minn tali entità – Kwalità ta’ entità miżmuma jew ikkontrollata – Evalwazzjoni ta’ każ b’każ mill-Kunsill – Kriterji

      (Regolamenti tal-Kunsill Nru 668/2010 u Nru 961/2010)

    6. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari – Obbligu li jiġu kkomunikati r-raġunijiet individwali u speċifiċi li jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet meħuda – Portata

    7. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ att regolatorju – Esklużjoni

      (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 340(2) TFUE)

    1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 29-31)

    2.  Miżura restrittiva individwali li tista’ tkun suġġett tagħha entità mhux statali, bħall-iffriżar ta’ fondi, ma hijiex, fiha nnifisha, att awtonomu tal-Kunsill li għandu n-natura ta’ sanzjoni kriminali jew amministrattiva adottata kontra din l-entità, iżda miżura neċessarja, fis-sens tal-Artikolu 215(2) TFUE, għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, intiża li tippermetti lill-Unjoni tasal, progressivament, għar-riżultat konkret li hija tfittex li tikseb fil-kuntest tar-relazzjonijiet internazzjonali, jiġifieri, f’dan il-każ, dak li tintemm l-attività ta’ proliferazzjoni nukleari tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran. Barra minn hekk, l-għan iktar wiesa’ taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, konformement mal-finalitajiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 21 TUE, huwa ta’ natura li jiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, li jirriżultaw, għal ċerti operaturi ekonomiċi, mid-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-atti adottati mill-Unjoni sabiex jitwettaq dan l-għan fundamentali.

      Għalhekk, fl-evalwazzjoni tal-aġir tal-istituzzjoni kkonċernata, il-Qorti Ġenerali, adita b’rikors għad-danni ppreżentat minn operatur ekonomiku, hija wkoll marbuta, fid-dawl b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 215(2) TFUE, tieħu inkunsiderazzjoni dan l-għan fundamentali tal-politika estera tal-Unjoni, ħlief meta dan l-operatur ikun jista’ juri li l-Kunsill naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu b’mod flagranti u mhux skużabbli jew li jkun kiser, bl-istess mod, dritt fundamentali rrikonoxxut mill-Unjoni.

      (ara l-punti 44-46)

    3.  L-annullament possibbli ta’ att jew ta’ diversi atti tal-Kunsill li jkunu taw lok għad-danni invokati mir-rikorrenti, anki meta tali annullament ikun deċiż minn sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija qabel ma jiġi ppreżentat rikors għad-danni, ma jikkostitwixxix il-prova inkonfutabbli ta’ ksur siffiċjentement serju min-naħa ta’ din l-istituzzjoni, li jippermetti li tiġi kkonstatata, ipso jure, ir-responsabbiltà tal-Unjoni.

      (voir point 48)

    4.  B’differenza minn rikors għal annullament, ir-rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali jista’ jiġi ppreżentat f’terminu ta’ ħames snin dekorribbli mill-okkorrenza tal-fatt li jikkawża l-preġudizzju inkwistjoni. Konsegwentement, l-istituzzjoni li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha tkun qiegħda tiġi kkontestata għandha, bħala prinċipju, id-dritt li tinvoka, għad-difiża tagħha, il-provi kollha rilevanti li jippreċedu l-preżentata, fit-terminu indikat hawn fuq, tar-rikors għad-danni ppreżentat kontriha, bl-istess mod kif ir-rikorrent ikun jista’ juri l-portata u s-sinjifikat tad-dannu tiegħu billi jirrikorri għal elementi probatorji posterjuri għall-okkorrenza tiegħu.

      Fir-rigward tal-possibbiltà, għall-istituzzjoni, li tinvoka, għad-difiża tagħha, l-elementi kollha rilevanti li jippreċedu l-preżentata tar-rikors għad-danni kontriha, għandu jiġi ppreċiżat li din tissodisfa neċessità, għall-qorti kompetenti, li tiġi ddeterminata, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju, ir-rilevanza u l-importanza tal-fatti allegati mill-partijiet inkwistjoni sabiex tingħata deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali possibbli tal-Unjoni. Possibbiltà bħal din hija partikolarment iġġustifikata f’qasam ta’ attività tal-Unjoni bħal dik tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) li, minħabba n-natura tal-għanijiet tagħha u tal-kontenut tagħha, hija suġġetta għal regoli u proċeduri stabbiliti speċifikament mit-Trattati (ara t-tieni subparagrafu tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 TUE) u intiżi, fost affarijiet oħra, li jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-każ, l-evoluzzjoni fiż-żmien tas-sitwazzjoni, tal-fatt u tad-dritt, li hija s-suġġett tal-azzjoni internazzjonali tal-Unjoni. F’dan is-sens, li l-provi prodotti mill-istituzzjoni kkonċernata fil-kuntest ta’ rikors għad-danni jitqiesu li huma irrilevanti, meta din l-istituzzjoni, fuq il-bażi ta’ deċiżjoni adottata konformement mal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE, tkun adottat, bis-saħħa tal-Artikolu 215(2) TFUE, l-adozzjoni tal-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi inkwistjoni, ikun jillimita serjament l-eżerċizzju effikaċi tal-kompetenzi li t-Trattati jattribwixxu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK, meta jipprevedu, insostenn tal-implimentazzjoni ta’ din il-politika, l-adozzjoni, minnhom, tal-miżuri restrittivi neċessarji.

      (ara l-punti 49-51)

    5.  Fl-evalwazzjoni tal-legalità ta’ miżura restrittiva, il-kunċett ta’ kumpannija “miżmuma jew ikkontrollata minn entità oħra”, ikopri s-sitwazzjoni li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika implikata fl-attività ta’ proliferazzjoni nukleari tal-Istat inkwistjoni tkun tista’ tinfluwenza l-għażliet kummerċjali ta’ impriża oħra li magħha jkollha relazzjonijiet kummerċjali, u dan anki fl-assenza ta’ kull rabta ġuridika, titolari jew parteċipatorja fil-kapital, bejn kull waħda minn dawn iż-żewġ enititajiet ekonomiċi. F’dan ir-rigward, il-klassifikazzjoni ta’ entità “miżmuma jew ikkontrollata” għandha tkun suġġetta, mill-Kunsill, għal evalwazzjoni ta’ każ b’każ skont, b’mod partikolari, il-grad taż-żamma jew tal-intensità tal-kontroll inkwistjoni, peress li din l-istituzzjoni tiddisponi f’dan ir-rigward minn ċerta setgħa diskrezzjonali.

      (ara l-punti 56, 57)

    6.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 75-78)

    7.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 88)

    Top