Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TJ0122

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tas-16 ta’ Mejju 2017.
    Landeskreditbank Baden-Württemberg - Förderbank vs Il-Bank Ċentrali Ewropew.
    Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Artikolu 70(1) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 – Mekkaniżmu superviżorju uniku – Kompetenzi tal-BĊE – Eżerċizzju deċentralizzat mill-awtoritajiet nazzjonali – Evalwazzjoni tas-sinifikanza ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Ħtieġa ta’ superviżjoni diretta mill-BĊE.
    Kawża T-122/15.

    Court reports – general

    Kawża T‑122/15

    Landeskreditbank Baden-Württemberg – Förderbank

    vs

    Il‑Bank Ċentrali Ewropew

    “Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Artikolu 70(1) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 – Mekkaniżmu superviżorju uniku – Kompetenzi tal-BĊE – Eżerċizzju deċentralizzat mill-awtoritajiet nazzjonali – Evalwazzjoni tas-sinifikanza ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Ħtieġa ta’ superviżjoni diretta mill-BĊE”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tas‑16 ta’ Mejju 2017

    1. Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Mekkaniżmu superviżorju uniku – Issuġġettar tal-entitajiet sinifikanti għas-superviżjoni prudenzjali diretta tal-Bank Ċentrali Ewropew – Klassifikazzjoni ta’ entità bħala sinifikanti – Adegwatezza tas-sorveljanza mill-Bank meta mqabbla ma’ dik li tista’ tiġi eżerċitata mill-awtoritajiet nazzjonali

      (Regolament tal-Kunsill Nru 1024/2013, Artikoli 4 u 6; Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew Nru 468/2014, Artikoli 70 u 71)

    2. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Metodi – Interpretazzjoni tad-dritt sekondarju konformi mat-Trattat FUE – Interpretazzjoni skont il-kuntest u l-iskop

    3. Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Mekkaniżmu superviżorju uniku – Kompetenzi tal-Bank Ċentrali Ewropew – Implementazzjoni deċentralizzata mill-awtoritajiet nazzjonali – Evalwazzjoni tas-sinifikanza ta’ entità – Kompetenza esklużiva tal-Bank

      (Regolament tal-Kunsill Nru 1024/2013, Artikoli 4(1) u 6(4); Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew Nru 468/2014, Artikoli 70 u 71)

    4. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Prinċipju ta’ sussidjarjetà – Portata – Applikabbiltà fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni – Esklużjoni

      (Artikolu 5(3) TUE)

    5. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Proporzjonalità – Portata – Setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-Unjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

    6. Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Mekkaniżmu superviżorju uniku – Issuġġettar tal-entitajiet inqas sinifikanti għas-superviżjoni prudenzjali diretta tal-awtoritajiet nazzjonali – Implementazzjoni deċentralizzata minn dawn l-awtoritajiet ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni – Possibbiltà li entità sinifikanti tiġi kklassifikata mill-ġdid bħala entità inqas sinifikanti minħabba li l-awtoritajiet nazzjonali huma adatti li jeżerċitaw superviżjoni diretta tagħha – Esklużjoni

      (Artikolu 291(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1024/2013, Artikolu 6; Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew Nru 468/2014, Artikolu 70(1))

    7. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ugwaljanza fit-trattament – Neċessità li jiġi osservat il-prinċipju ta’ legalità – Impossibbiltà li tiġi invokata illegalità mwettqa favur ħaddieħor

    8. Rikors għal annullament – Motivi – Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Motiv distint minn dak li jirrigwarda l-legalità fil-mertu

      (Artikoli 263 TFUE u 296 TFUE)

    9. Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Evalwazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont iċ-ċirkustanzi tal-każ

      (Artikolu 296 TFUE)

    10. Atti tal-istituzzjonijiet – Atti adottati fl-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali – Osservanza tal-garanziji mogħtija lill-amministrat – Obbligu li jiġu eżaminati, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41)

    1.  Is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti taqa’ esklużivament taħt il-Bank Ċentrali Ewropew skont l-Artikoli 4 u 6 tar-Regolament Nru 1024/2013, li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu. Mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li istituzzjoni ta’ kreditu tista’ ma tiġix ikklassifikata bħala “sinifikanti” f’ċirkustanzi partikolari li l-Bank huwa marbut jispjega. Din l-ispjegazzjoni ngħatat fl-Artikoli 70 u 71 tar-Regolament Nru 468/2014, li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati.

      F’dan ir-rigward, il-formulazzjoni tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 468/2014 tenfasizza biss l-eżami tan-natura xierqa jew le tal-klassifikazzjoni ta’ entità bħala sinifikanti u, għaldaqstant, tas-superviżjoni tagħha mill-Bank biss, meta mqabbla mal-għanijiet tar-Regolament Nru 1024/2013. Ma jsir ebda riferiment għal eżami tal-ħtieġa ta’ superviżjoni diretta ta’ entità sinifikanti mill-Bank. Filwaqt li ġeneralment l-eżami tan-natura xierqa ta’ att tal-Unjoni jirrigwarda jekk huwiex adatt sabiex jilħaq l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, l-evalwazzjoni tan-natura neċessarja tiegħu tikkonsisti fil-verifikazzjoni ta’ jekk imurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

      Għaldaqstant, sa fejn l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 468/2014 jirreferi għal meta jkun hemm ċirkustanzi speċifiċi u fattwali li minħabba fihom ma jkunx xieraq li entità taħt superviżjoni tiġi kklassifikata bħala sinifikanti, meta jitqiesu l-objettivi u l-prinċipji tar-Regolament Nru 1024/2013, minn dan isegwi neċessarjament li l-eżerċizzju ta’ superviżjoni prudenzjali diretta mill-Bank, minħabba l-klassifikazzjoni ta’ entità bħala “sinifikanti”, huwa inqas kapaċi li jilħaq l-għanijiet tal-imsemmi regolament milli huwa l-eżerċizzju ta’ superviżjoni prudenzjali diretta ta’ dik l-entità mill-awtoritajiet nazzjonali. Min-naħa l-oħra, minn interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 468/2014 ma tirriżultax klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ “entità sinifikanti” bħala “inqas sinifikanti” għar-raġuni li superviżjoni diretta mill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-mekkaniżmu superviżorju uniku hija kapaċi tilħaq l-għanijiet tar-Regolament Nru 1024/2013 daqs superviżjoni eżerċitata mill-Bank Ċentrali Ewropew biss.

      (ara l-punti 22, 28, 29, u 44 sa 46)

    2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 40 u 41)

    3.  Mill-istruttura tar-Regolament Nru 1024/2013, li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, isegwi li ġiet iddelegata kompetenza esklużiva lill-Bank, mill-Kunsill, fir-rigward tal-kompiti ta’ superviżjoni previsti fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6 ta’ dan l-istess regolament għandu l-għan uniku li jippermetti l-implementazzjoni deċentralizzata fil-qafas tal-mekkaniżmu superviżorju uniku ta’ din il-kompetenza mill-awtoritajiet nazzjonali, taħt il-kontroll tal-Bank, fil-konfront tal-entitajiet inqas sinifikanti u fir-rigward tal-kompiti previsti fl-Artikolu 4(1)(b) u (d) sa (i) tar-Regolament Nru 1024/2013, filwaqt li jagħti lill-Bank il-kompetenza esklużiva sabiex jiddetermina l-kontenut tal-kunċett ta’ ċirkustanzi partikolari fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) ta’ dan l-istess regolament, li ġie implementat bl-adozzjoni tal-Artikoli 70 u 71 tar-Regolament Nru 468/2014, li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati.

      (ara l-punt 63)

    4.  Minkejja li, meta jkun applikabbli, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà jimplika, b’mod partikolari, li għandu jiġi vverifikat jekk l-għan tal-azzjoni maħsuba jistax jintlaħaq aħjar fuq il-livell tal-Unjoni jew jekk tali għan jistax jintlaħaq b’mod effettiv ukoll fuq il-livell nazzjonali, mill-Artikolu 5(3) TUE jirriżulta li dan il-prinċipju japplika biss fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

      (ara l-punt 65)

    5.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 67 u 68)

    6.  Fil-kuntest tal-attività tagħhom ta’ superviżjoni ta’ entitajiet inqas sinifikanti skont il-mekkaniżmu superviżorju uniku deskritt fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1024/2013, li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-awtoritajiet nazzjonali jaġixxu fil-kuntest tal-implementazzjoni deċentralizzata ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni u mhux fl-eżerċizzju ta’ kompetenza nazzjonali. Għaldaqstant, l-unika kompetenza li tista’ tiġi affettwata mill-eżerċizzju ta’ superviżjoni prudenzjali diretta mill-Bank Ċentrali Ewropew hija l-kompetenza ġenerali tal-Istati Membri fir-rigward tal-eżekuzzjoni tad-dritt tal-Unjoni fl-ordinament ġuridiku tagħhom, enfasizzata fl-Artikolu 291(1) TFUE. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tfakkar li, skont is-sistema istituzzjonali tal-Unjoni u r-regoli li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, huma dawn tal-aħħar, fl-assenza ta’ dispożizzjoni kuntrarja tad-dritt tal-Unjoni, li għandhom jiżguraw, fit-territorju tagħhom, l-eżekuzzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ż-żamma ta’ din il-kompetenza ma tistax timplika interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ċirkustanzi partikolari li tippermetti l-esklużjoni tal-klassifikazzjoni ta’ “sinifikanti” mogħtija lil istituzzjoni ta’ kreditu fis-sens tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 468/2014, li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati, fis-sens li teżiġi li jiġi vverifikat każ b’każ fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li taqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ sinifikanti fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013 jekk l-għanijiet tiegħu jistgħux jintlaħqu daqstant sew permezz ta’ superviżjoni diretta mill-awtoritajiet nazzjonali. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni twassal sabiex timmina l-ekwilibriju f’dan ir-regolament, sa fejn din timplika li għandu jiġi eżaminat, każ b’każ jekk, minkejja l-applikazzjoni tal-kriterji fl-Artikolu 6(4) tal-imsemmi regolament, istituzzjoni ta’ kreditu sinifikanti għandhiex taqa’ taħt is-superviżjoni diretta tal-awtoritajiet nazzjonali, għar-raġuni li dawn ikunu f’pożizzjoni aħjar sabiex jilħqu l-għanijiet tar-Regolament Nru 1024/2013. B’mod iktar partikolari, tali eżami jkun imur direttament kontra ż-żewġ elementi li għandhom irwol fundamentali fil-loġika ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri, minn naħa, il-prinċipju li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti jaqgħu taħt is-superviżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew biss u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ kriterji alternattivi preċiżi li jippermettu li jiġi kklassifikat is-sinifikat ta’ istituzzjoni finanzjarja.

      (ara l-punti 72 sa 76)

    7.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 84)

    8.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 122)

    9.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 123, 124 u 131)

    10.  Meta istituzzjoni tkun investita b’setgħa diskrezzjonali, hija għandha teżerċita t-totalità ta’ din is-setgħa. Għaldaqstant, l-awtur tal-att għandu jkun f’pożizzjoni li jistabbilixxi quddiem il-qrati tal-Unjoni li l-att ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li jippresupponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi u taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tas-sitwazzjoni li dan l-att kien intiż li jirregola. F’dan ir-rigward, fost il-garanziji mogħtija mid-dritt tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hemm, b’mod partikolari, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit bl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li magħha jintrabat l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni.

      (ara l-punti 139 u 147)

    Top