EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015FJ0111

Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tielet Awla) tal-25 ta’ Mejju 2016.
GW vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Servizz Pubbliku – Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Teħid ta’ responsabbiltà għal spejjeż mediċi – Eżami konkret u ddettaljat.
Kawża F-111/15.

Court reports – Reports of Staff Cases

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla)

tal-25 ta’ Mejju 2016

GW

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz Pubbliku — Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Teħid ta’ responsabbiltà għal spejjeż mediċi — Eżami konkret u ddettaljat”

Suġġett:

Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, permezz ta’ liema GW jitlob lit-Tribunal jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li li tirrifjuta li tqis bħala rimborsabbli l-ispejjeż tal-kura medika tal-konjuġi tiegħu (iktar ’il quddiem, is-“Sinjura T”) riprodotti fil-kontijiet Nri 67 u 68 tas-7 ta’ Frar 2014 u Nru 72 tat-12 ta’ Marzu 2014.

Deċiżjoni:

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tirrifjuta li tqis bħala rimborsabbli l-ispejjeż, li jinsabu fil-kontijiet Nri 67 u 68, tas-7 ta’ Frar 2014, u Nru 72, tat-12 ta’ Marzu 2014, rigward kura medika tas-Sinjura T hija annullata. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti minn GW.

Sommarju

  1. Rikorsi tal-uffiċjali – Rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment – Effett – Att ikkontestat imressaq quddiem il-qorti – Kundizzjoni – Motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda għandha tikkoinċidi mal-att ikkontestat

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

  2. Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-mard – Spejjeż tal-mard – Rimbors – Rifjut – Trattamenti meqjusa li ma humiex funzjonali jew neċessarji – Rifjut ibbażat fuq opinjoni tal-eżaminatur mediku – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 72(1))

  3. Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-mard – Spejjeż tal-mard – Rimbors – Obbligi tal-istituzzjonijiet – Osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura fil-każ ta’ spejjeż ta’ viżta fl-isptar – Rifjut ta’ teħid ta’ responsabbiltà fejn ikun hemm il-possibbiltà ta’ trattament outpatient għas-servizzi mediċi li qabel kienu jeħtieġu viżta fl-isptar – Oneru tal-prova tan-neċessità ta’ viżta fl-isptar fuq il-persuna affiljata

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 72; Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ mard, Artikoli 43, 49 u 52; Regolament Nru 966/2012 tal-Parlament u tal-Kunsill Nru 966/2012, Artikolu 30)

  1.  Fid-dawl tal-għan tagħha stess, li huwa li tippermetti lill-amministrazzjoni li tirrivedi d-deċiżjoni tagħha, il-proċedura prekontenzjuża għandha natura ta’ żvilupp, hekk li, fis-sistema ta’ rimedji previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni tista’, filwaqt li tirrifjuta l-ilment, tasal li tbiddel il-motivi li abbażi tagħhom hija kienet adottat l-att ikkontestat. Madankollu, hija tassew il-legalità tal-att inizjali li jikkawża preġudizzju li hija eżaminata, u dan, fid-dawl tal-motivi li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment. Għaldaqstant, meta uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet jirrifjuta t-teħid ta’ responsabbiltà għal ċerti spejjeż mediċi abbażi ta’ opinjoni negattiva u konċiża tal-eżaminatur mediku tiegħu u fejn il-persuna kkonċernata tressaq ilment, l-amministrazzjoni tista’, sabiex tirrispondi għal dan l-ilment, tagħti motivi iktar espliċiti matul il-proċedura prekontenzjuża. Tali motivi speċifiċi rigward il-każ individwali, ikkomunikati qabel ma jiġi ppreżentat ir-rikors, huma meqjusa l-istess bħad-deċiżjoni ta’ rifjut u għandhom jitqiesu, għalhekk, bħala elementi ta’ informazzjoni rilevanti għall‑eżami tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

    (ara l-punt 36)

    Referenza:

    Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, EU:T:2009:485, punt 56

    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tas-26 ta’ Marzu 2014, CP vs Il‑Parlament, F‑8/13, EU:F:2014:44, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata

  2.  Fil-kuntest tal-assigurazzjoni għall-mard, minkejja li l-persuna affiljata mal-Iskema komuni ta’ assigurazzjoni għall-mard (SKAM) tista’ leġittimament tikkunsidra li l-ispejjeż mediċi tagħha ser jiġu, fil-prinċipju, irrimborsati sal-limiti massimi previsti fl-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rimbors ta’ ċerti spejjeż jista’ madankollu jiġi rrifjutat mill-uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet ikkonċernat jekk, wara opinjoni tal-eżaminatur mediku u, eventwalment, wara opinjoni tal-bord mediku, l-imsemmi uffiċċju jqis li dawn l-ispejjeż huma marbuta ma’ trattament jew servizzi li l-validità xjentifika tagħhom ma hijiex ipprovata. Fil-fatt, huwa kompletament ġustifikat li l-ispejjeż tat-trattament jew tas-servizzi, li l-utilità terapewtika jew il-kredibbiltà tagħhom bħala mezzi ta’ dijanjosi huma kkontestati xjentifikament, ma jkunux koperti mill-iSKAM, li l-finanzjament tagħha jaqa’ fuq il-membri u fuq l-istituzzjonijiet. Huwa bil-għan li jiġu evitati dibattiti bla tmiem u mingħajr soluzzjoni bejn l-esperti li l-evalwazzjonijiet imwettqa f’dan il-kuntest ġew fdati lill-awtoritajiet mediċi ta’ l-iSKAM, jiġifieri l-eżaminaturi mediċi u l-bord mediku, li hija r-responsabbiltà tagħhom li jiddeċiedu fuq il-bażi tal-letteratura xjentifika, jekk ikun il-każ wara parir ta’ speċjalisti jew ta’ esperti mediċi fis-settur ikkonċernat.

    Madankollu, anki jekk l-istħarriġ tal-qorti ma huwiex estiż għall-evalwazzjonijiet speċifikament mediċi, hija għandha tiżgura li l-eżaminatur mediku jew il-bord mediku jkunu wettqu eżami konkret u ddettaljat tas-sitwazzjoni sottomessa quddiemhom, u dan iktar u iktar meta l-proċedura ma toffrix l-istess livell ta’ garanzija f’termini ta’ ekwilibriju bejn il-partijiet bħall-proċeduri previsti mill-Artikoli 73 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, hija l-amministrazzjoni li għandha tistabbilixxi li sar tali eżami. Fil-kuntest tal-eżami konkret u ddettaljat tagħhom, l-eżaminaturi mediċi, il-bord mediku u l-amministrazzjoni għandhom jiddikjaraw ruħhom abbażi tal-letteratura xjentifika u, fejn meħtieġ, wara opinjoni ta’ speċjalisti, u peress li l-eżami dwar in-natura funzjonali jew le ta’ trattament jew ta’ viżta fl-isptar huwa kwistjoni medika, huma ma jistgħux jinjoraw l-istat ta’ saħħa effettiv u komplet tal-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, dan l-obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali tal-persuna affiljata mal-iSKAM huma impost mid-dmir ta’ premura, li jkopri b’mod wiesa’ l-obbligu li jsir eżami komplet u ddettaljat. F’dan ir-rigward, il-bord mediku għandu biss kompetenza konsultattiva, kif jirriżulta mill-Artikolu 41 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ mard tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Rakkomandazzjoni tal-bord mediku ma tikkostitwixxix inkwantu tali norma applikabbli mill-amministrazzjoni u lanqas, għaldaqstant, norma li tista’ tiġi invokata kontra l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-opinjoni tal-bord mediku ma tistax torbot eżaminatur mediku b’mod li tipprekludi lil dan tal-aħħar milli jeżamina jekk trattament speċifiku huwiex jew le “funzjonali” fil-każ ikkonċernat.

    (ara l-punti 38 sa 40, 49 u 50)

    Referenza:

    Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, EU:T:2009:485, punti 32, 61 u 88

    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tat-18 ta’ Settembru 2007, Botos vs Il-Kummissjoni, F‑10/07, EU:F:2007:161, punti 63 u 64; tat-8 ta’ Lulju 2008, Birkhoff vs Il-Kummissjoni, F‑76/07, EU:F:2008:95, punt 62, u tat-28 ta’ Settembru 2011, Allen vs Il-Kummissjoni, F‑23/10, EU:F:2011:162, punt 76

  3.  L-Artikolu 49 tar-Regoli komuni tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ mard (ir-regoli dwar l-assigurazzjoni), adottat abbażi tal-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, jipprevedi li “l-għan finanzjarju tal-Iskema komuni ta’ assigurazzjoni għall-mard (SKAM) huwa li jiġi żgurat ekwilibriju […] bejn l-infiq u d-dħul”. Barra minn hekk, l-Artikolu 43 tar-regoli dwar l-assigurazzjoni għamel ir-Regolament Nru 966/2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, applikabbli b’mod analogu għall-ġestjoni tal-iSKAM. Skont l-Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni, li tamministra l-iSKAM b’delega minn istituzzjonijiet oħra, għandha tiżgura l-eżekuzzjoni tad-dħul u tal-infiq skont il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, b’konformità mal-prinċipji ta’ ekonomija, ta’ effiċjenza u ta’ effikaċja. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 52 tar-regoli dwar l-assigurazzjoni ta lill-Kummissjoni l-kompitu li tistabbilixxi r-regoli li jirregolaw ir-rimbors tal-ispejjeż mediċi bl-għan li jinżamm l-ekwilibriju finanzjarju tal-iSKAM bejn l-infiq u d-dħul. Skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni u, b’estensjoni, l-uffiċċji responsabbli għall-ħlasijiet għandhom joqgħodu attenti sabiex ma jinvolvux il-fondi tal-imsemmija skema b’mod mhux prudenti.

    Minn din il-perspettiva, il-progressi tal-mediċina u t-tekniċi moderni issa jippermettu li jiġi propost trattament outpatient tas-servizzi mediċi li qabel kienu jirrikjedu viżta fl-isptar. Fid-dawl ta’ din ir-realtà u tal-kuntest ġuridiku applikabbli, hija l-persuna affiljata li għandha toqgħod attenta għal dan l-iżvilupp u li tiġġustifika n-neċessità ta’ żjara fl-isptar, meta din tkun ikkontestata. F’dan ir-rigward, l-opinjonijiet espressi b’mod unilaterali minn eżaminaturi mediċi li jagħmlu parti mill-istituzzjonijiet fil-kuntest tal-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal ma joffrux l-istess livell ta’ garanzija fil-qasam ta’ ekwilibriju bejn il-partijiet bħal dawk ifformulati mill-Kumitat Mediku jew mill-Kumitat dwar l-Invalidità abbażi tal-Artikolu 73 tal-istess stess. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk jitqies li rapporti mediċi pprovduti a posteriori ma humiex probatorji bħala tali dan iwassal sabiex il-persuni affiljati fl-iSKAM jiġu mċaħħda minn mezz bażiku ta’ difiża li jista’ jwassal lill-amministrazzjoni sabiex tirrevedi l-pożizzjoni tagħha.

    (ara l-punti 53, 54 u 60)

    Referenza:

    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tat-28 ta’ Settembru 2011, Allen vs Il-Kummissjoni, F‑23/10, EU:F:2011:162, punt 69, u tas-16 Mejju 2013, de Pretis Cagnodo u Trampuz de Pretis Cagnodo vs Il-Kummissjoni, F‑104/10, EU:F:2013:64, punti 111 u 112

Top