Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CO0634

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-30 ta’ Ġunju 2016.
    Susanne Sokoll-Seebacher u Manfred Naderhirn vs Agnes Hemetsberger et.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Libertà ta’ stabbiliment – Saħħa pubblika – Artikolu 49 TFUE – Spiżeriji – Provvista xierqa ta’ prodotti mediċinali lill-popolazzjoni – Awtorizzazzjoni għall-operat – Tqassim territorjali tal-ispiżeriji – Limiti stabbiliti essenzjalment abbażi ta’ kriterju demografiku.
    Kawża C-634/15.

    Court reports – general

    Kawża C‑634/15

    Susanne Sokoll-Seebacher

    u

    Manfred Naderhirn

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja — Libertà ta’ stabbiliment — Saħħa pubblika — Artikolu 49 TFUE — Spiżeriji — Provvista xierqa ta’ prodotti mediċinali lill-popolazzjoni — Awtorizzazzjoni għall-operat — Tqassim territorjali tal-ispiżeriji — Limiti stabbiliti essenzjalment abbażi ta’ kriterju demografiku”

    Sommarju – Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-30 ta’ Ġunju 2016

    1. Domandi preliminari – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Awtorità ta’ res judicata – Għażla tal-qorti de quo li tagħmel rinviju preliminari ieħor lill-Qorti tal-Ġustizzja – Portata

      (Artikolu 267 TFUE)

    2. Libertà ta’ stabbiliment – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel għall-ftuħ ta’ spiżeriji ġodda f’reġjun speċifiku – Kundizzjonijiet għall-għoti marbuta mad-densità demografika u d-distanza minima bejn l-ispiżeriji – Kriterju essenzjali relatat mal-limitu riġidu tan-numru ta’ “persuni sabiex jiġu fornuti” – Assenza tal-possibbiltà ta’ deroga minn dan il-limitu sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi partikolari lokali – Inammissibbiltà – Inapplikabbiltà ta’ kriterju b’mod ġenerali, f’kull sitwazzjoni konkreta li ser tkun is-suġġett ta’ verifika

      (Artikolu 49 TFUE)

    1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 19)

    2.  Is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Sokoll-Seebacher (C‑367/12), għandha tinqara fis-sens li l-kriterju relatat mal-limitu riġidu tan-numru ta’ “persuni sabiex jiġu fornuti”, stabbilita mill-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għandux jiġi applikat, sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ ħtieġa għall-ħolqien ta’ spiżerija ġdida, b’mod ġenerali, f’kull sitwazzjoni konkreta li ser tkun is-suġġett ta’ verifika.

      Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni tista’ titqies li hija adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex biss jekk tkun tissodisfa verament l-intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku.

      Issa, minkejja l-miżura ta’ aġġustament prevista fil-leġislazzjoni nazzjonali, teżisti, fl-applikazzjoni tal-kriterju dwar in-numru ta’ “persuni sabiex jiġu fornuti” riskju li ma jiġix żgurat aċċess ugwali u adegwat għas-servizzi farmaċewtiċi għal ċerti persuni li jgħixu f’żoni b’ċerti karatteristiċi lokali, bħaż-żoni rurali u remoti li jinsabu 'il barra miż-żoni ta’ provvista ta’ spiżeriji eżistenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-persuni b’mobbiltà ridotta.

      Madankollu, meta rreferiet għal reġjuni rurali u iżolati, kif ukoll għal persuni b’mobbiltà ridotta, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-intenzjoni li tillimita l-portata tal-evalwazzjoni tagħha tal-koerenza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal dan it-tip ta’ reġjuni kif ukoll għal din il-kategorija ta’ persuni.

      Fil-fatt, minħabba l-limitu riġidu tan-numru ta’ “persuni sabiex jiġu fornuti” li hija tiffissa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tippermettix lill-awtorità kompetenti li tieħu kont dovut tal-ispeċifiċitajiet ta’ kull sitwazzjoni eżaminata u li tiżgura għalhekk it-twettiq koerenti u sistematiku tal-għan prinċipali segwit minn din il-leġiżlazzjoni, li huwa li tiżgura provvista ta’ prodotti mediċinali affidabbli u ta’ kwalità għall-popolazzjoni.

      Huwa f’din il-perspettiva li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiffissa, bħala kriterju essenzjali sabiex tivverifika l-eżistenza ta’ ħtieġa għall-ħolqien ta’ spiżerija ġdida, limitu riġidu tan-numru ta’ “persuni sabiex jiġu fornuti”, hija kontra l-Artikolu 49 TFUE, b’mod partikolari għall-kriterju ta’ koerenza fl-insegwiment tal-għan imfittex, sa fejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma għandhomx il-possibbiltà li jidderogaw minn dan il-limitu sabiex tieħu kont taċ-ċirkustanzi partikolari lokali, jiġifieri finalment ċirkustanzi partikolari tas-sitwazzjonijiet konkreti differenti, li kull waħda minnhom għandha tiġi vverifikata.

      Minn dan isegwi li l-inkoerenza relatata mal-applikazzjoni tal-kriterju relattiv għal-limitu riġidu tan-numru ta’ “persuni sabiex jiġu fornuti” għandha karattru sistematiku. Għalhekk, ir-riskji li tali applikazzjoni tiġġenera jistgħu jaffettwaw l-evalwazzjoni ta’ kwalunkwe sitwazzjoni partikolari.

      (ara l-punti 27, 31-36 u d-dispożittiv)

    Top