Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CO0322

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-8 ta’ Settembru 2016.
    Google Ireland Limited u Google Italy Srl vs Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 53(2) u Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Assenza ta’ preċiżazzjonijiet suffiċjenti dwar il-kuntest fattwali u ġuridiku tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll ir-raġunijiet li jiġġustifikaw il-bżonn ta’ risposta għad-domanda preliminari – Inammissibbiltà manifesta.
    Kawża C-322/15.

    Court reports – general

    Kawża C-322/15

    Google Ireland Limited

    u

    Google Italy Srl

    vs

    Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 53(2) u Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja — Assenza ta’ preċiżazzjonijiet suffiċjenti dwar il-kuntest fattwali u ġuridiku tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll ir-raġunijiet li jiġġustifikaw il-bżonn ta’ risposta għad-domanda preliminari — Inammissibbiltà manifesta”

    Sommarju – Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-8 ta’ Settembru 2016

    Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Neċessità li tingħata informazzjoni suffiċjenti lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kuntest fattwali u leġiżlattiv – Portata – Talba li ma tipprovdix b’mod suffiċjentement iddettaljat il-kuntest fattwali u leġiżlattiv – Impossibbiltà għall-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju – Inammissibbiltà manifesta

    (Artikolu 267 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikoli 53(2) u 94)

    Talba għal deċiżjoni preliminari hija manifestament inammissibbli meta tkun issemmi biss deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali ta’ garanzija tal-komunikazzjoni adottata wara l-emendi leġiżlattivi sabiex jiġi estiż għall-konċessjonarji tal-pubbliċità li jinnegozzjaw spazji pubbliċitarji fuq l-internet u għall-kumpanniji li s-sede tagħhom hija stabbilita barra mill-pajjiż, l-obbligu li jippreżentaw dikjarazzjoni ekonomika sistematika, iżda li la l-portata, la l-kontenut u lanqas id-dettalji tal-obbligu li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ġie estiż ma huma spjegati f’din it-talba.

    Fil-fatt, huwa essenzjali li t-talba għal deċiżjoni preliminari tindika l-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw f’dan il-każ u, skont il-każ, il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti, sabiex il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-konformità tal-imsemmi obbligu fid-dritt tal-Unjoni, fid-dawl b’mod partikolari tan-natura, tal-kontenut u tal-portata tagħha.

    Meta, f’kawża li s-suġġett tagħha huwa dwar possibbli ostakolu għal libertà fundamentali, il-qorti tar-rinviju, ma tkunx qegħdet lill-Qorti tal-Ġustizzja f’pożizzjoni li tevalwa l-eżistenza u l-portata ta’ tali ostakolu u, skont il-każ, li tiġi eżaminata utilment il-ġustifikazzjoni ta’ dan l-ostakolu, inkluż, b’mod partikolari, l-eżami tal-proporzjonalità ta’ din tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju. B’mod partikolari, għalkemm il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-pluraliżmu jikkostitwixxu, ċertament, raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, hija biss deskrizzjoni ddettaljata biżżejjed tal-mod kif dan l-għan huwa mfittex mill-imsemmija deċiżjoni li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika jekk u sa fejn din hija adegwata u neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan tal-interess ġenerali li hija għandha.

    (ara l-punti 25-32 u d-dispożittiv)

    Top