Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0691

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-22 ta’ Novembru 2017.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Bilbaína de Alquitranes, SA et.
    Appell – Ambjent – Regolament (KE) Nru 1272/2008 – Klassifikazzjoni, ittikkettar u imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet – Regolament (UE) Nru 944/2013 – Klassifikazzjoni taż-żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja – Kategoriji ta’ tossiċità akwatika akuta (H400) u ta’ tossiċità akwatika kronika (H410) – Obbligu ta’ diliġenza – Żball manifest ta’ evalwazzjoni.
    Kawża C-691/15 P.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    Kawża C-691/15 P

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Bilbaína de Alquitranes SA et

    “Appell – Ambjent – Regolament (KE) Nru 1272/2008 – Klassifikazzjoni, ittikkettar u imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet – Regolament (UE) Nru 944/2013 – Klassifikazzjoni taż-żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja – Kategoriji ta’ tossiċità akwatika akuta (H400) u ta’ tossiċità akwatika kronika (H410) – Obbligu ta’ diliġenza – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-22 ta’ Novembru 2017

    1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Klassifikazzjoni, ittikkettar u imballaġġ tas-sustanzi u tat-taħlitiet-Regolament Nru 1272/2008-Adattament għall-progress tekniku u xjentifiku-Klassifikazzjoni tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja fost is-sustanzi ta’ tossiċità akwatika-Setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet tal-Unjoni-Portata-Stħarriġ ġudizzjarju-Limiti

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1272/2008, kif emendat bir-Regolament Nru 944/2013)

    2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Klassifikazzjoni, ittikkettar u imballaġġ tas-sustanzi u tat-taħlitiet-Regolament Nru 1272/2008-Adattament għall-progress tekniku u xjentifiku-Approċċ metodoloġiku sabiex tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni tal-perikli għall-ambjent akwatiku-Teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi rilevanti mhux espressament imsemmija mir-Regolament-Ammissibbiltà

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1272/2008, kif emendat bir-Regolament Nru 944/2013, Anness I, punt 4.1.3.5.5)

    3. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Klassifikazzjoni, ittikkettar u imballaġġ tas-sustanzi u tat-taħlitiet-Regolament Nru 1272/2008-Adattament għall-progress tekniku u xjentifiku-Klassifikazzjoni tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja fost is-sustanzi ta’ tossiċità akwatika-Klassifikazzjoni abbażi tal-proprjetajiet tal-komponenti-Ammissibbiltà-Kundizzjoni-Teħid inkunsiderazzjoni tar-rata ta’ preżenza tal-kostitwenti kkonċernati u l-effetti kimiċi tagħhom-Limiti-Teħid inkunsiderazzjoni tar-rata ta’ solubbiltà ipotetika tal-kostitwenti

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1272/2008, kif emendat bir-Regolament Nru 944/2013, Anness I, punt 4.1.3.5.5)

    1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 34, 35)

    2.  Il-klassifikazzjoni ta’ sustanza ta’ kompożizzjoni mhux magħrufa jew varjabbli, prodotta minn reazzjonijiet kumplessi jew minn materjal bijoloġiku (UVCB), minħabba r-riskji għall-ambjent akwatiku li tinvolvi, għandha tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1272/2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet. L-Anness I ta’ dan ir-Regolament jistabbilixxi li din il-klassifikazzjoni għandha ssir fi stadji, u tiddependi fuq it-tip ta’ informazzjoni disponibbli għat-taħlita nfisha u għall-komponenti tagħha. L-approċċ fi stadji jinkludi klassifikazzjoni bbażata fuq taħlitiet ittestjati, klassifikazzjoni bbażata fuq prinċipji ta’ estrapolazzjoni u l-metodu tal-“għadd totali tal-komponenti kklassifikati” u/jew l-applikazzjoni ta’ “formula ta’ addittività”.

      Il-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 ma jipprevedix l-użu ta’ kriterji oħra minbarra dawk espressament imsemmija f’din id-dispożizzjoni. Madankollu, ebda dispożizzjoni ma tipprekludi espressament it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi oħra li jistgħu jkunu rilevanti għall-klassifikazzjoni ta’ sustanza UVCB.

      Issa, l-approċċ metodoloġiku indikat huwa delikat minħabba, b’mod partikolari, il-fatt li t-terminu sustanza jkopri varjetà kbira ta’ prodotti kimiċi, li numru kbir minnhom huwa diffiċli ħafna li jiġi kklassifikat skont sistema bbażata fuq kriterji riġidi. B’hekk dan id-dokument jenfasizza l-problemi ta’ interpretazzjoni kumplessi, anki għal esperti, li tqajjem il-klassifikazzjoni, b’mod partikolari tas-sustanzi msejħa “kumplessi jew multi komponenti” li tagħhom il-karatteristiċi ta’ bijodegradazzjoni, ta’ bijoakkumulazzjoni, ta’ koeffiċjent ta’ tqassim u ta’ solubbiltà fl-ilma lkoll iqajmu problemi ta’ interpretazzjoni, sa fejn kull komponent tat-taħlita jista’ jaġixxi b’mod differenti.

      Il-leġiżlatur tal-Unjoni integra d-dispożizzjonijiet tas-Sistema Globalment Armonizzata tal-Klassifikazzjoni u l-Ittikkettar ta’ Sustanzi Kimiċi (GHS) fl-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008, mingħajr ma esprima l-intenzjoni tiegħu li jinjora dan l-approċċ. B’hekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni, meta integra l-GHS fir-Regolament Nru 1272/2008, ħalla barra dawn il-limitazzjonijiet metodoloġiċi.

      L-applikazzjoni stretta u awtomatika tal-metodu tal-addizzjoni fiċ-ċirkustanzi kollha tista’ twassal biex tiġi sottovalutata t-tossiċità fil-qasam akwatiku ta’ sustanza UVCB li ftit mill-kostitwenti tagħha jkunu magħrufa. Tali riżultat ma jistax jitqies bħala kompatibbli mal-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem imfittex mir-Regolament Nru 1272/2008.

      B’hekk, meta tapplika l-metodu tal-addizzjoni biex tiddetermina jekk sustanza UVCB tifformax parti mill-kategoriji ta’ tossiċità akuta u ta’ tossiċità kronika fil-qasam akwatiku, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta li tillimita l-evalwazzjoni tagħha biss għall-elementi espressament imsemmija fil-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008, bl-esklużjoni ta’ kull element ieħor. Konformement mal-obbligu ta’ diliġenza tagħha, il-Kummissjoni hija marbuta li teżamina b’kura u b’imparzjalità elementi oħra li, għalkemm mhux espressament ikkonċernati mid-dispożizzjonijiet imsemmija, huma madankollu rilevanti.

      (ara l-punti 36, 39, 43, 45-47)

    3.  Il-metodu ta’ klassifikazzjoni msemmi fil-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008, dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, huwa bbażat fuq l-ipoteżi li tgħid li l-kostitwenti meħuda inkunsiderazzjoni huma 100 % solubbli. Abbażi ta’ din l-ipoteżi, dan il-metodu tal-addizzjoni jimplika li jeżisti livell ta’ konċentrazzjoni tal-kostitwenti taħt liema l-limitu minimu ta’ 25 % ma jistax jintlaħaq u b’hekk jikkonsisti fil-kalkolu tas-somma tal-konċentrazzjonijiet tal-kostitwenti li jifformaw parti mill-kategoriji ta’ tossiċità akuta jew kronika, meqjusa, kull waħda, mal-fattur M li jikkorrispondi għall-profil ta’ tossiċità tagħhom.

      Huwa madankollu inerenti għal dan il-metodu li dan jitlef l-affidabbiltà f’sitwazzjonijiet fejn is-somma meqjusa tal-kostitwenti teċċedi l-livell ta’ konċentrazzjoni li jikkorrispondi għal-limitu minimu ta’ 25 % fi proporzjon inferjuri għar-rapport bejn ir-rata ta’ solubbiltà osservata fil-livell tas-sustanza kkunsidrata fl-intier tagħha u r-rata ta’ solubbiltà ipotetika ta’ 100 %. Fil-fatt, f’tali sitwazzjonijiet, isir b’hekk possibbli li l-metodu tal-addizzjoni jwassal, f’każijiet partikolari, għal riżultat superjuri jew inferjuri għal-livell li jikkorrispondi għal-limitu minimu legali ta’ 25 %, skont jekk titteħidx inkunsiderazzjoni r-rata ta’ solubbiltà ipotetika tal-kostitwenti jew dik tas-sustanza kkunsidrata b’mod sħiħ.

      (ara l-punti 51, 52)

    Top