Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0678

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-14 ta’ Ġunju 2017.
    Mohammad Zadeh Khorassani vs Kathrin Pflanz.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/39/KE – Swieq ta’ strumenti finanzjarji – Artikolu 4(1)(2) – Kunċett ta’ ‘servizzi ta’ investiment’ – Punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness I – Riċeviment u trażmissjoni ta’ ordnijiet li jirrigwardaw strument finanzjarju wieħed jew iktar – Inklużjoni eventwali tal-intermedjazzjoni fid-dawl tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ ġestjoni ta’ portafoll.
    Kawża C-678/15.

    Court reports – general

    Kawża C‑678/15

    Mohammad Zadeh Khorassani

    vs

    Kathrin Pflanz

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/39/KE – Swieq ta’ strumenti finanzjarji – Artikolu 4(1)(2) – Kunċett ta’ ‘servizzi ta’ investiment’ – Punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness I – Riċeviment u trażmissjoni ta’ ordnijiet li jirrigwardaw strument finanzjarju wieħed jew iktar – Inklużjoni eventwali tal-intermedjazzjoni fid-dawl tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ ġestjoni ta’ portafoll”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) tal-14 ta’ Ġunju 2017

    1. Libertà ta’ stabbiliment–Libertà li jiġu pprovduti servizzi–Swieq ta’ strumenti finanzjarji–Direttiva 2004/39–Servizzi jew attivitajiet ta’ investiment–Riċeviment u trażmissjoni ta’ ordnijiet li jirrigwardaw strument finanzjarju wieħed jew iktar–Kunċett ta’ “ordni li tirrigwarda strument finanzjarju wieħed jew iktar”–Ordnijiet ta’ xiri jew ta’ bejgħ ta’ strument finanzjarju wieħed jew iktar

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/39, Artikolu 4(1)(2) u punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness I)

    2. Libertà ta’ stabbiliment–Libertà li jiġu pprovduti servizzi–Swieq ta’ strumenti finanzjarji–Direttiva 2004/39–Servizzi jew attivitajiet ta’ investiment–Riċeviment u trażmissjoni ta’ ordnijiet li jirrigwardaw strument finanzjarju wieħed jew iktar–Kunċett–Intermedjazzjoni fid-dawl tal-konklużjoni ta’ kuntratt li għandu bħala suġġett attività ta’ ġestjoni ta’ portafoll–Esklużjoni

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/39, Artikolu 4(1)(2) u punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness I)

    1.  Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39, għalkemm il-qorti tar-rinviju tikkonstata ċerta diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-espressjoni “f’relazzjoni ma’” li, skont il-każ, tista’ tissuġġerixxi rabta bejn wieħed u ieħor diretta bejn l-ordnijiet u l-istrument finanzjarju wieħed jew iktar imsemmija f’din id-dispożizzjoni, madankollu hemm lok li jiġi rrilevat li l-espressjoni “ordni”, li r-riċeviment u t-trażmissjoni tagħha jikkostitwixxu s-servizz jew l-attività ta’ investiment li huma s-suġġett ta’ din id-dispożizzjoni, tibqa’ l-istess fil-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-direttiva ċċitati minn din il-qorti, jiġifieri dawk fil-lingwa Spanjola, Ġermaniża, Ingliża u Franċiża. Issa, anki jekk din l-espressjoni ma hijiex iddefinita inkwantu tali fid-Direttiva 2004/39, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem “f’relazzjoni ma’ strument finanzjarju jew iktar” sempliċement jippreċiżaw it-tip ta’ ordni inkwistjoni, jiġifieri l-ordnijiet jirreferu għax-xiri jew għall-bejgħ ta’ tali strumenti finanzjarji.Din l-interpretazzjoni tal-espressjoni “ordni” hija kkonfermata mill-kuntest li tagħmel parti minnu. Iktar partikolarment, din għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-punt 2 tat-Taqsima A tal-Anness I ta’ din id-direttiva, li jsemmi s-servizz ta’ investiment li jikkonsisti fit-“[t]wettiq ta’ l-ordnijiet f’isem il-klijenti”. Issa, is-servizz ta’ investiment imsemmi fil-punt 2 tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39, li jikkonsisti fit-“twettiq ta’ l-ordnijiet f’isem il-klijenti” huwa ddefinit fl-Artikolu 4(1)(5) ta’ din id-direttiva, bħala “ħidma sabiex jiġu konklużi ftehimijiet għax-xiri jew għall-bejgħ ta’ strument finanzjarju jew iktar f’isem klijenti”. Isegwi li l-ordnijiet li huma s-suġġett tas-servizz ta’ investiment imsemmi fil-punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness I ta’ din id-direttiva huma ordnijiet ta’ xiri jew ta’ bejgħ ta’ strument finanzjarju wieħed jew iktar.

      (ara l-punti 27 sa 29, 31, 32)

    2.  L‑Artikolu 4(1)(2) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE, moqri flimkien mal-punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness I ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizz ta’ investiment li jikkonsisti fir-riċeviment u fit-trażmissjoni ta’ ordnijiet li jirrigwardaw strument finanzjarju wieħed jew iktar ma jinkludix l-intermedjazzjoni fid-dawl tal-konklużjoni ta’ kuntratt li għandu bħala suġġett attività ta’ ġestjoni ta’ portafoll.

      Fil-fatt, anki jekk il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt tagħi lok, fi stadju sussegwenti, għar-riċeviment u għat-trażmissjoni ta’ ordnijiet ta’ xiri jew ta’ bejgħ ta’ strumenti finanzjarji mill-amministratur tal-portafoll fil-kuntest tal-attivita ta’ ġestjoni tiegħu, dan il-kuntratt, minnu nnifsu, ma għandux bħala suġġett tali riċeviment jew trażmissjoni ta’ ordnijiet.

      L‑iskop tad-Direttiva 2004/39 ma jimponix interpretazzjoni differenti ta’ din id-dispożizzjoni. Ċertament, mill-premessi 2 u 31 ta’ din id-direttiva jirriżulta li wieħed mill-għanijiet tagħha huwa li tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-investituri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Genil 48 u Comercial Hostelera de Grandes Vinos, C‑604/11, EU:C:2013:344, punt 39). Madankollu, dan l-għan ma jistax, waħdu, jiġġustifika aċċettazzjoni partikolarment wiesgħa tas-servizz ta’ investiment imsemmi fil-punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39, li jinkludi l-intermedjazzjoni fid-dawl tal-konklużjoni ta’ kuntratt li għandu bħala suġġett attività ta’ ġestjoni ta’ portafoll. Fil-fatt, aċċettazzjoni paralleli tmur kontra l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tirriżulta, b’mod partikolari, mill-kuntest li din tagħmel parti minnu.

      (ara l-punti 35, 41 sa 44, u d-dispożittiv)

    Top