Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0673

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Settembru 2017.
    The Tea Board vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).
    Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru°207/2009 – Artikolu 8(1)(b) – Trade marks verbali u figurattivi li jinkludu l-element verbali ‘darjeeling’ jew ‘darjeeling collection de lingerie’ – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea – Trade marks kollettivi kkostitwiti mill-indikazzjoni ġeografika ‘Darjeeling’ – Artikolu 66(2) – Funzjoni essenzjali – Kunflitt ma’ applikazzjonijiet għal trade marks individwali – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Kunċett – Xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Artikolu 8(5).
    Kawżi magħquda C-673/15 P sa C-676/15 P.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    Kawżi Magħquda C‑673/15 P sa C‑676/15 P

    The Tea Board

    vs

    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

    “Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru°207/2009 – Artikolu 8(1)(b) – Trade marks verbali u figurattivi li jinkludu l-element verbali ‘darjeeling’ jew ‘darjeeling collection de lingerie’ – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea – Trade marks kollettivi kkostitwiti mill-indikazzjoni ġeografika ‘Darjeeling’ – Artikolu 66(2) – Funzjoni essenzjali – Kunflitt ma’ applikazzjonijiet għal trade marks individwali – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Kunċett – Xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Artikolu 8(5)”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Settembru 2017

    1. Trade mark tal-Unjoni Ewropea-Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea-Raġunijiet relattivi għal rifjut-Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu-Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti-Kriterji ta’ evalwazzjoni

      (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

    2. Trade mark tal-Unjoni Ewropea-Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea-Raġunijiet relattivi għal rifjut-Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu-Xebh bejn il-prodotti jew servizzi kkonċernati-Kriterji ta’ evalwazzjoni

      (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

    3. Trade mark tal-Unjoni Ewropea-Trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea-Trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea li jaqgħu taħt l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009-Funzjoni essenzjali-Garanzija tal-oriġini kollettiva tal-prodotti mibjugħa taħt it-trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea-Indikazzjoni ġeografika hija denominazzjoni li tidentifika prodott bħala li joriġina minn żona ġeografika speċifika

      [Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 4, 7(1)(c) u 66; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1151/2012, Artikolu 5(2)]

    4. Trade mark tal-Unjoni Ewropea-Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea-Raġunijiet assoluti għal rifjut-Trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew f’indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw sabiex jindikaw il-karatteristiċi ta’ prodott jew ta’ servizz-Għan-Obbligu ta’ disponibbiltà-Trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea li jaqgħu taħt l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009

      [Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 7(1)(c), 66(2) u 67(2)]

    5. Trade mark tal-Unjoni Ewropea-Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea-Raġunijiet relattivi għal rifjut-Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu-Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxibhux-Trade marks figurattivi Darjeeling u Darjeeling collection de lingerie-Trade marks kollettivi verbali u figurattiva DARJEELING

      (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(5))

    1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 47)

    2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 48)

    3.  Fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea, it-trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea kkostitwiti minn sinjali jew minn indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew tas-servizzi jikkostitwixxu trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea fis-sens tal-paragrafu 1 tal-istess artikolu. Skont il-kliem tal-imsemmi paragrafu 1, jistgħu jikkostitwixxu trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea biss is-sinjali li kapaċi jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni li hija proprjetarja tagħhom minn dawk ta’ impriżi oħrajn.

      Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, applikabbli għat-trade marks kollettivi skont l-Artikolu 66(3) tal-istess regolament, jipprevedi, essenzjalment, li jistgħu jikkostitwixxu trade marks tal-Unjoni Ewropea biss sinjali li kapaċi jiddistingwu l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi li fuqhom huma mqiegħda dawn is-sinjali.

      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-funzjoni essenzjali tat-trade mark hija li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodott, fis-sens li hija tippermetti li jiġi identifikat il-prodott jew is-servizz indikat mit-trade mark bħala li joriġina minn impriża speċifika u għaldaqstant li tiddistingwi dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk ta’ impriżi oħrajn.

      Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dan, diġà rrikonoxxiet li trade mark setgħet tissodisfa funzjonijiet oħrajn għajr dik ta’ indikazzjoni ta’ oriġini, li daqstant ieħor jistħoqqilhom protezzjoni minn ħsara minn terzi, bħal dawk li jikkonsistu fil-garanzija tal-kwalità tal-prodott jew tas-servizz li fuqu hija mqiegħda, jew dawk ta’ komunikazzjoni, ta’ investiment jew ta’ pubbliċità, hija enfassizat ukoll dejjem li l-funzjoni essenzjali tat-trade mark tibqa’ l-funzjoni tagħha ta’ indikazzjoni ta’ oriġini.

      Għaldaqstant, jekk jitqies li l-funzjoni essenzjali ta’ trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea li taqa’ taħt l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 hija dik li sservi ta’ indikazzjoni tal-oriġini ġeografika tal-prodotti jew tas-servizzi proposti taħt tali trade mark, u mhux ta’ indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tagħhom, tiġi injorata din il-funzjoni essenzjali.

      Fit-tieni lok, jekk l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jikkostitwixxi eċċezzjoni mir-raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, din iċ-ċirkustanza ma hijiex tali li tqiegħed f’dubju l-fatt li l-funzjoni essenzjali ta’ trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea li taqa’ taħt l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 hija li tiġi ggarantita l-oriġini kummerċjali kollettiva tal-prodotti mibjugħa taħt din it-trade mark, u mhux li tiġi ggarantita l-oriġini ġeografika kollettiva tagħhom.

      Mill-bqija, id-deroga mill-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, stabbilita fl-Artikolu 66(2) ta’ dan ir-regolament, hija spjegata min-natura nnifisha tas-sinjal kopert permezz tat-trade marks kollettivi previsti fl-imsemmi paragrafu 2.

      Fit-tielet lok, l-imsemmija indikazzjonijiet ġeografiċi, minn naħa, u t-trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea kkostitwiti minn sinjali jew minn indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika tal-oġġetti u tas-servizzi, min-naħa l-oħra, huma sinjali li jaqgħu taħt sistemi legali distinti u jsegwu għanijiet differenti. B’dan il-mod, filwaqt li t-trade mark tal-Unjoni Ewropea hija, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru°207/2009, sinjal li huwa kapaċi jiddistingwi l-oriġini kummerċjali ta’ prodotti jew ta’ servizzi, indikazzjoni ġeografika hija, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, denominazzjoni li tidentifika prodott bħala oriġinarju ta’ żona ġeografika speċifika, li kwalità, ir-reputazzjoni jew proprjetà oħra tiegħu tista’ tiġi attribwita essenzjalment lill-oriġini ġeografika tiegħu u li mill-inqas wieħed mill-istadji ta’ produzzjoni tiegħu jseħħ fiż-żona ġeografika delimitata.

      (ara l-punti 50-54, 57, 58, 62)

    4.  L-Artikolu 7(1)(c) dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea jsegwi għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet deskrittivi tal-kategoriji ta’ prodotti jew ta’ servizzi li għalihom ssir applikazzjoni għal reġistrazzjoni jistgħu jintużaw liberament minn kulħadd, inkluż inkwantu trade marks kollettivi jew fi trade marks kumplessi jew grafiċi. Din id-dispożizzjoni tipprojbixxi, għalhekk, li tali sinjali jew indikazzjonijiet ikunu rriżervati għal impriża waħda biss minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark.

      Trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea li taqa’ taħt l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 ma tmurx kontra tali għan ta’ interess ġenerali, għaliex, minn naħa, konformement mal-aħħar sentenza ta’ dan il-paragrafu 2, tali trade mark ma tawtorizzax lill-proprjetarju jipprojbixxi lil terz milli juża fil-kummerċ dawn is-sinjali jew dawn l-indikazzjonijiet, sakemm dan l-użu jsir skont l-użanzi ta’ lealtà fil-qasam industrijali jew kummerċjali u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 67(2) tal-istess regolament jeżiġi li r-regoli għall-użu ta’ trade mark koperta f’dan l-Artikolu 66(2) jawtorizzaw lil kull persuna li l-prodotti jew is-servizzi tagħha joriġinaw miż-żona ġeografika kkonċernata sabiex issir membru tal-assoċjazzjoni li hija proprjetarja tat-trade mark.

      (ara l-punti 59, 60)

    5.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 86-95)

    Top