EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0645

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-24 ta’ Novembru 2016.
Bund Naturschutz in Bayern e.V. u Harald Wilde vs Freistaat Bayern.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent – Direttiva 2011/92/UE – Proġett suġġett għall-evalwazzjoni – Anness I, punt 7 – Ftehim Ewropew dwar l-Arterji Prinċipali tat-Traffiku Internazzjonali (AGR) – Twessigħ ta’ triq ta’ erba’ korsiji fuq tul ta’ inqas minn 10 kilometri.
Kawża C-645/15.

Court reports – general

Kawża C-645/15

Bund Naturschutz in Bayern eV
u
Harald Wilde

vs

Freistaat Bayern

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent – Direttiva 2011/92/UE – Proġett suġġett għall-evalwazzjoni – Anness I, punt 7 – Ftehim Ewropew dwar l-Arterji Prinċipali tat-Traffiku Internazzjonali (AGR) – Twessigħ ta’ triq ta’ erba’ korsiji fuq tul ta’ inqas minn 10 kilometri”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-24 ta’ Novembru 2016

  1. Ambjent–Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent–Direttiva 2011/92–Issuġġettar għal evalwazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Anness I–Proġetti ta’ bini tat-toroq–Obbligu ta’ issuġġettar għal evalwazzjoni tal-proġetti b’tul ta’ inqas minn 10 kilometri–Assenza

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/92, Anness I, punt 7(c))

  2. Ambjent–Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent–Direttiva 2011/92–Issuġġettar għal evalwazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Anness I–Proġetti ta’ bini tat-toroq–Bini ta’ awtostradi u toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa–Kunċett ta’ toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/92, Anness I, punt 7(b))

  3. Ambjent–Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent–Direttiva 2011/92–Issuġġettar għal evalwazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Anness I–Proġetti ta’ bini tat-toroq–Bini ta’ awtostradi u toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa–Kunċett ta’ bini

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/92, Anness I, punt 7(a), (b) u (c))

  1.  Il-punt 7(c) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92/UE, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent ma jistax jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tkopri proġett ta’ żvilupp tat-toroq li, għalkemm jirrigwarda sezzjoni ta’ tul ta’ inqas minn 10 kilometri, jikkonsisti fi twessigħ jew żvilupp ta’ triq eżistenti f’erba’ korsiji jew iktar.

    Fil-fatt, mid-dispożizzjonijiet tal-punt 7(c) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92 jirriżulta b’mod ċar li kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li l-obbligu għall-Istati Membri li ċerti proġetti ta’ żvilupp tat-toroq ikunu suġġetti għal evalwazzjoni sistematika tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent ikun limitat biss għall-proġetti li jirrigwardaw sezzjonijiet ta’ triq ta’ tul sinjifikattiv, f’dan il-każ ta’ mill-inqas 10 kilometri. F’dan ir-rigward, għalkemm il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/92 huwa wiesa’ u l-għan tagħha huwa wiesa’ ħafna, madankollu, interpretazzjoni teleoloġika ta’ din id-direttiva ma tistax titbiegħed mill-intenzjoni espressa kjarament mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

    (ara l-punti 22, 23, 26 u d-dispożittiv 1)

  2.  Il-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-“toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huma t-toroq li l-karatteristiċi tekniċi tagħhom huma dawk inklużi fid-definizzjoni mogħtija mill-Anness II, punt II. 3 tal-Ftehim Ewropew dwar l-Arterji Prinċipali tat-Traffiku Internazzjonali (AGR), għalkemm dawn it-toroq ma humiex komponenti tan-netwerk tal-arterji prinċipali tat-traffiku internazzjonali stabbilit minn dan il-ftehim jew jinsabu f’żoni mibnija.

    (ara l-punt 35 u d-dispożittiv 2)

  3.  Il-kunċett ta’ “bini”, fis-sens tal-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, għandu jiġi interpretat bħala li jkopri l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet li ma kinux jeżistu qabel jew bidliet, fis-sens fiżiku, ta’ xogħlijiet li kienu diġà jeżistu. Sabiex jiġi evalwat jekk tali bidla tistax titqies bħala ekwivalenti, fil-portata u l-modalitajiet tagħha, għal tali bini, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi kollha tax-xogħol ikkonċernat, u mhux biss it-tul tiegħu jew iż-żamma tar-rotta inizjali tagħha.

    Fil-fatt, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet tal-punt 7(a) u (c) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-punt 7(b) ma jagħmlu l-ebda referenza għal tul minimu li għandhom ikollhom it-toroq koperti minnhom. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li żvilupp tat-toroq, anki ta’ tul inqas, minħabba n-natura tiegħu biss, ikun ta’ tali portata li jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “bini”, fis-sens tal-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92, ma jimplikax li s-sezzjoni tat-triq ikkonċernata għandha jkollha ċerta tul.

    (ara l-punti 41-43, u d-dispożittiv 3)

Top