EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0641

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Frar 2017.
Verwertungsgesellschaft Rundfunk GmbH vs Hettegger Hotel Edelweiss GmbH.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Direttiva 2006/115/KE – Artikolu 8(3) – Dritt esklużiv tal-organizzazzjonijiet tax-xandir – Komunikazzjoni lill-pubbliku – Postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul – Komunikazzjoni tax-xandiriet permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni installati fil-kmamar ta’ lukanda.
Kawża C-641/15.

Court reports – general

Kawża C‑641/15

Verwertungsgesellschaft Rundfunk GmbH

vs

Hettegger Hotel Edelweiss GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Handelsgericht Wien)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Direttiva 2006/115/KE – Artikolu 8(3) – Dritt esklużiv tal-organizzazzjonijiet tax-xandir – Komunikazzjoni lill-pubbliku – Postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul – Komunikazzjoni tax-xandiriet permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni installati fil-kmamar ta’ lukanda”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Frar 2017

Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2006/115 – Dritt ta’ kiri u ta’ self ta’ xogħlijiet protetti – Xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku – Dritt esklużiv tal organizzazzjonijiet tax-xandir – Komunikazzjoni lill-pubbliku magħmula f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul – Kunċett – Komunikazzjoni tax-xandiriet permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni installati fil-kmamar ta’ lukanda – Esklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/115, Artikolu 8(3))

L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-komunikazzjoni ta’ xandiriet bit-televiżjoni u bir-radju permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni installati fil-kmamar ta’ lukanda ma tikkostitwixxix komunikazzjoni magħmula f’post aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul.

Għandu jiġi kkonstatat li, kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punti 26 sa 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-prezz ta’ kamra f’lukanda ma huwiex, bħall-prezz ta’ servizz tal-ikel, miżata għad-dħul mitluba speċifikament b’korrispettiv għal komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xandir bit-televiżjoni jew bir-radju, iżda jikkostitwixxi l-korrispettiv ta’ servizz ta’ akkomodazzjoni prinċipalment, li miegħu jiżdiedu, skont il-kategorija tal-lukanda, ċerti servizzi addizzjonali, bħall-komunikazzjoni ta’ xandiriet bit-televiżjoni jew bir-radju permezz ta’ tagħmir ta’ riċezzjoni fil-kmamar, li normalment huma inklużi mingħajr distinzjoni fil-prezz tal-lejl akkomodazzjoni.

Għaldaqstant, jekk id-distribuzzjoni ta’ sinjal permezz ta’ tagħmir tat-televiżjoni u tar-radju installati fil-kmamar ta’ lukanda tikkostitwixxi provvista ta’ servizz addizzjonali li għandha influwenza fuq l-istanding tal-lukanda u, għalhekk, fuq il-prezz tal-kamra, kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 44), u tal-15 ta’ Marzu 2012, Phonographic Performance (Ireland) (C-162/10, EU:C:2012:141, punt 44), fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, ma jistax jitqies li din il-provvista addizzjonali hija offruta f’post aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul fis-sens tal-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva.

Għaldaqstant, il-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xandiriet bit-televiżjoni u bir-radju permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni u tar-radju installati fil-kmamar ta’ lukanda ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt esklużiv tal-organizzazzjonijiet tax-xandir previst fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115.

(ara l-punti 24-27 u d-dispożittiv)

Top