Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0626

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-20 ta’ Novembru 2018.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
    Rikors għal annullament – Deċiżjoni tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) – Deċiżjoni li tapprova l-issuġġettar ta’ dokument ta’ riflessjoni lil korp internazzjonali – Ammissibbiltà – Att li jista’ jiġi kkontestat – Kompetenza esklużiva, kondiviża jew komplementari tal-Unjoni Ewropea – Azzjoni tal-Unjoni unikament fi ħdan organu internazzjonali jew parteċipazzjoni tal-Istati Membri flimkien magħha – Konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar – Sajd – Protezzjoni tal-ambjent – Riċerka – Żoni protetti tal-baħar (ŻPB) – Trattat fuq l-Antartiku – Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tar-Riżorsi Marini Ħajjin tal-Antartiku – Baħar ta’ Weddell u Baħar ta’ Ross.
    Kawżi magħquda C-626/15 u C-659/16.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    Kawżi magħquda C‑626/15 u C‑659/16

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    “Rikors għal annullament – Deċiżjoni tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) – Deċiżjoni li tapprova l-issuġġettar ta’ dokument ta’ riflessjoni lil korp internazzjonali – Ammissibbiltà – Att li jista’ jiġi kkontestat – Kompetenza esklużiva, kondiviża jew komplementari tal-Unjoni Ewropea – Azzjoni tal-Unjoni unikament fi ħdan organu internazzjonali jew parteċipazzjoni tal-Istati Membri flimkien magħha – Konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar – Sajd – Protezzjoni tal-ambjent – Riċerka – Żoni protetti tal-baħar (ŻPB) – Trattat fuq l-Antartiku – Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tar-Riżorsi Marini Ħajjin tal-Antartiku – Baħar ta’ Weddell u Baħar ta’ Ross”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-20 ta’ Novembru 2018

    1. Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Deċiżjoni tal-Corepor li tapprova l-issuġġettar ta’ dokument ta’ riflessjoni lill-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar tal-Antartiku – Inklużjoni

      (Artikolu 263 TFUE)

    2. Il-Kunsill – Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti – Kompetenzi proprji – Assenza – Kompetenzi ta’ eżekuzzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata

      (Artikolu 240(1) TFUE)

    3. Atti tal-istituzzjonijiet – Għażla tal-bażi legali – Kriterji – Att tal-Unjoni li għandu żewġ skopijiet jew li għandu żewġ komponenti – Riferiment għall-iskop jew għall-komponent prinċipali jew predominanti – Skopijiet jew komponenti indissoċjabbli – Kumulu ta’ bażijiet legali – Natura eċċezzjonali

    4. Sajd – Konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar – Kompetenza esklużiva tal-Unjoni – Limiti – Neċessità tal-eżerċizzju tal-kompetenza fil-kuntest tal-politika komuni tas-sajd

      (Artikolu 3(1)(d) TFUE u Artikolu 4(2)(d) TFUE)

    5. Sajd – Konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar – Kompetenza esklużiva tal-Unjoni – Limiti – Kompetenza għas-sottomissjoni, f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, ta’ dokument ta’ riflessjoni dwar il-ħolqien ta’ żona protetta tal-baħar lill-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar tal-Antartiku – Esklużjoni – Applikabbiltà tal-kompetenza kondiviża fil-qasam ta’ protezzjoni tal-ambjent

      (Artikolu 3(1)(d) TFUE, Artikolu 4(2)(e) TFUE u Artikolu 11 TFUE)

    6. Ftehimiet internazzjonali – Konklużjoni – Kompetenza tal-Unjoni – Kompetenza esklużiva fir-rigward ta’ ftehim li jista’ jolqot regoli komuni jew li jbiddel il-portata tagħhom – Suġġett – Applikabbiltà kemm għan-negozjar tal-ftehim kif ukoll għall-proċedura li twassal għall-adozzjoni minn korp internazzjonali tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tal-ftehim

      (Artikolu 3(2) TFUE)

    7. Ftehimiet internazzjonali – Konklużjoni – Kompetenza tal-Unjoni – Kompetenza esklużiva fir-rigward ta’ ftehim li jista’ jolqot regoli komuni jew li jbiddel il-portata tagħhom – Neċessità ta’ kontradizzjoni bejn ir-regoli komuni u l-ftehim previst – Assenza – Oneru tal-prova fir-rigward tan-natura esklużiva tal-kompetenza allegatament miksura

      (Artikolu 3(2) TFUE)

    8. Ftehimiet internazzjonali – Konklużjoni – Kompetenza tal-Unjoni – Kompetenzi kondiviżi mal-Istati Membri – Eżerċizzju mill-Unjoni unikament f’każ ta’ kisba tal-maġġoranza meħtieġa fi ħdan il-Kunsill – Ammissibbiltà – Limiti – Osservanza tad-dritt internazzjonali – Possibbiltà għall-Unjoni li taġixxi mingħajr il-konkordanza tal-Istati Membri fi ħdan il-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar tal-Antartiku – Esklużjoni

      (Artikolu 4(2)(e) TFUE)

    1.  Jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, kull deċiżjoni adottata minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, indipendentment min-natura tagħha jew mill-forma tagħha, li hija intiża li tipproduċi effetti legali.

      Dan japplika wkoll f’każ ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, kif tinsab f’konklużjoni tal-President tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Corepor) li tapprova l-issuġġettar, f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, lill-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar tal-Antartiku (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni CAMLR”) ta’ dokument ta’ riflessjoni relatat ma’ proposta futura ta’ ħolqien ta’ żona protetta tal-baħar. Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, il-kuntest ta’ din id-deċiżjoni, din ġiet adottata sabiex il-Kummissjoni CAMLR tiġi konvinta tistabbilixxi żona protetta tal-baħar. It-tieni nett, fir-rigward tal-kontenut ta’ din id-deċiżjoni, meta ddeċieda li jissottometti d-dokument ta’ riflessjoni f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, il-Coreper obbliga lill-Kummissjoni żżomm ma’ din il-pożizzjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha ta’ rappreżentazzjoni esterna tal-Unjoni. It-tielet nett, sa fejn hija l-intenzjoni tal-awtur tal-att, mill-minuti tal-laqgħa tal-Corepor li matulha ttieħdet id-deċiżjoni, li jikkostitwixxu element li jippermetti li tiġi stabbilita b’mod oġġettiv din l-intenzjoni, jirriżulta li din id-deċiżjoni għandha bħala għan li b’mod definittiv tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Kunsill u, sussegwentement, tal-Unjoni, f’dak li jikkonċerna l-issuġġettar tad-dokument ta’ riflessjoni lill-Kummissjoni CAMLR f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u mhux unikament f’isem l-Unjoni.

      (ara l-punti 59, 63 sa 65)

    2.  Skont l-Artikolu 240(1) TFUE, il-Corepor huwa kompost minn rappreżentanti permanenti tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni u huwa responsabbli mill-preparazzjoni tal-ħidma tal-Kunsill u sabiex iwettaq il-kompiti mogħtija lilu minn dan tal-aħħar. Għalhekk, l-awturi tat-trattati kellhom l-intenzjoni li l-Corepor ikun korp awżiljari tal-Kunsill li jiżgura, fir-rigward tiegħu, kompiti ta’ preparazzjoni u ta’ eżekuzzjoni. Issa, għalkemm il-funzjoni ta’ preparazzjoni tax-xogħlijiet u tal-eżekuzzjoni tal-mandati tal-Kunsill ma tawtorizzax lill-Corepor li jeżerċita s-setgħa deċiżjonali li tappartjeni, skont it-trattati, lill-Kunsill, xorta jibqa’ l-fatt li, billi l-Unjoni hija unjoni ta’ dritt, att adottat mill-Corepor għandu jkun jista’ jkun suġġett għal stħarriġ ta’ legalità meta huwa intiż, bħala tali, li jipproduċi effetti legali u joħroġ, għalhekk, mill-kuntest ta’ din il-funzjoni ta’ preparazzjoni u ta’ eżekuzzjoni.

      (ara l-punti 60, 61)

    3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 76 sa 78)

    4.  F’dak li jikkonċerna l-portata tal-kompetenza esklużiva miżmuma mill-Unjoni fil-qasam tal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar skont l-Artikolu 3(1)(d) TFUE, għandu jiġi kkunsidrat li unikament il-konservazzjoni ta’ tali riżorsi żgurata fil-kuntest tal-politika komuni tas-sajd, u għalhekk indissoċjabbli minnha, hija prevista fl-Artikolu 3(1)(d) TFUE. Huwa għalhekk unikament sa fejn il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar hija mfittxija f’tali kuntest li din tal-aħħar taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u hija, konsegwentement, hekk kif jistabbilixxi espliċitament l-Artikolu 4(2)(d) TFUE, eskluża mill-kompetenza li hija kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha fl-oqsma tal-agrikoltura u tas-sajd.

      (ara l-punti 82 sa 84)

    5.  Fir-rigward ta’ dokument ta’ riflessjoni relatat ma’ proposta futura ta’ ħolqien ta’ żona protetta tal-baħar fil-baħar ta’ Weddell, għal tliet proposti ta’ ħolqien jew ta’ sostenn għall-ħolqien taż-żoni protetti tal-baħar protetti fl-Antartiku kif ukoll proposta ta’ ħolqien ta’ ġabra ta’ żoni speċjali, li huma approvati mill-Corepor għall-issuġġetar, f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, lill-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar tal-Antartiku, sa fejn is-sajd jidher bħala li huwa biss skop aċċessorju ta’ dan id-dokument u tal-miżuri previsti u fejn dan id-dokument u dawn il-miżuri għandhom bħala skop u bħala komponent prinċipali l-protezzjoni tal-ambjent, id-deċiżjonijiet li japprovaw is-suġġettar tad-dokument ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, stabbilita fl-Artikolu 3(1)(d) TFUE, iżda taħt il-kompetenza li din tikkondividi, bħala prinċipju, mal-Istati Membri fil-qasam ta’ protezzjoni tal-ambjent skont l-Artikolu 4(2)(e) TFUE.

      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata miċ-ċirkustanza li, skont l-Artikolu 11 TFUE, ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ambjent għandhom jiġu integrati fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u tal-azzjonijiet tal-Unjoni, inkluża l-politika komuni tas-sajd. Fil-fatt, għalkemm l-Unjoni għandha tikkonforma ruħha ma’ din id-dispożizzjoni meta teżerċita waħda mill-kompetenzi tagħha, xorta jibqa’ l-fatt li l-politika tal-ambjent hija espliċitament imsemmija fit-trattati bħala li tikkostitwixxi qasam ta’ kompetenza awtonomu u li, konsegwentement, meta l-iskop u l-komponent prinċipali ta’ miżura jkunu relatati ma’ dan il-qasam ta’ kompetenza, din il-miżura għandha wkoll titqies bħala li taqa’ taħt dan il-qasam ta’ kompetenza.

      (ara l-punti 100, 101)

    6.  Skont l-Artikolu 3(2) TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi ftehim internazzjonali meta din il-konklużjoni tista’ taffettwa regoli komuni jew tbiddel il-portata tagħhom. Għalhekk, billi jirriżerva kompetenza esklużiva lill-Unjoni sabiex tadotta ftehim fil-kundizzjonijiet ippreċiżati minn din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu l-intenzjoni li jevita li l-Istati Membri jkunu jistgħu, unilateralment jew kollettivament, jidħlu f’obbligi ma’ Stati terzi li jistgħu jaffettwaw regoli komuni jew ibiddlu l-portata tagħhom. Fir-rigward ta’ tali għan, l-Artikolu 3(2) TFUE għalhekk għandu jiġi interpretat, sabiex jinżamm l-effett utli tiegħu, fis-sens li, minkejja li l-formulazzjoni tiegħu tirreferi unikament għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, dan japplika wkoll, fi stadju bikri, waqt in-negozjati ta’ tali ftehim u, sussegwentement, meta korp stabbilit skont dan il-ftehim huwa msejjaħ li jadotta miżuri ta’ eżekuzzjoni tiegħu.

      (ara l-punti 110 sa 112)

    7.  Jeżisti riskju ta’ dannu għal regoli komuni tal-Unjoni minħabba impenji internazzjonali meħuda mill-Istati Membri, jew li tinbidel il-portata tar-regoli, li jiġġustifikata kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni skont l-Artikolu 3(2) TFUE, meta dawn l-impenji jaqgħu taħt il-qasam ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, peress li l-konstatazzjoni ta’ tali riskju ma tippreżupponix konkordanza kompleta bejn il-qasam kopert mill-impenji internazzjonali u dak tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-portata tar-regoli tal-Unjoni tista’ tiġi affettwata jew mibdula minn impenji internazzjonali, meta dawn tal-aħħar jaqgħu taħt qasam diġà kopert fil-parti l-kbira minn tali regoli. Minbarra dan, l-eżistenza ta’ tali riskju ta’ inċidenza tista’ tiġi kkonstatata meta, mingħajr ma jkunu neċessarjament f’kontradizzjoni mar-regoli komuni tal-Unjoni, l-impenji internazzjonali inkwistjoni jistgħu jkollhom effett fuq is-sens, il-portata u l-effikaċità ta’ dawn ir-regoli.

    8.  Hija l-parti kkonċernata li għandha tipproduċi l-elementi tali li jiġi stabbilit li n-natura esklużiva tal-kompetenza esterna tal-Unjoni li għandha l-intenzjoni li tibbaża fuqha ġiet miksura.

      (ara l-punti 113 sa 115)

    9.  Ċertament, l-unika ċirkustanza li azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali taqa’ taħt kompetenza kondiviża bejnha u l-Istati Membri ma teskludix il-possibbiltà li l-Kunsill jirċievi fi ħdanu l-maġġoranza meħtieġa sabiex l-Unjoni teżerċita waħedha din il-kompetenza esterna. Fid-dawl ta’ dan, meta l-Unjoni tiddeċiedi li teżerċita l-kompetenzi tagħha, eżerċizzju bħal dan għandu jsir fl-osservanza tad-dritt internazzjonali.

      Fir-rigward tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tar-Risorsi Marini Ħajjin ta’ l-Antartiku (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Canberra”), l-eżerċizzju, mill-Unjoni, tal-kompetenza esterna fil-qasam ta’ protezzjoni tal-ambjent, prevista fl-Artikolu 4(2)(e) TFUE, li teskludi l-Istati Membri huwa inkompatibbli mad-dritt internazzjonali. Fil-fatt, mill-qari konġunt tal-Artikolu VII(2)(ċ) u tal-Artikolu XXIX(2) ta’ din il-konvenzjoni jirriżulta li organizzazzjoni ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali, bħall-Unjoni, tista’ taderixxi ma’ din il-konvenzjoni u ssir membru tal-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar tal-Antartiku (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni CAMLR”) unikament bil-kundizzjoni li l-Istati Membri jkunu wkoll. Konsegwentement, il-Konvenzjoni ta’ Canberra ma tagħtix lill-organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni reġjonali, bħall-Unjoni, status kompletament awtonomu fi ħdan il-Kummissjoni CAMLR. Minbarra dan, l-Unjoni tinsab fost il-partijiet kontraenti ta’ din il-konvenzjoni li huma indirizzati mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu V(1) u (2) tagħha, sa fejn hija ma tagħmilx parti mit-Trattat fuq l-Antartiku. Isegwi, b’mod partikolari, li hija obbligata tirrikonoxxi l-obbligi u r-responsabbiltajiet partikolari tal-partijiet konsulatttivi tat-Trattat fuq l-Antartiku, inklużi dawk tal-Istati Membri tagħha li għandhom dan l-istatus, kemm jekk huma membri tal-Kummissjoni CAMLR jew le.

      F’dawn il-kundizzjonijiet, li l-Unjoni tkun tista’, fi ħdan il-Kummissjoni CAMLR, tirrikorri għall-possibbiltà li hija għandha li taġixxi mingħajr il-konkordanza tal-Istati Membri tagħha f’qasam ta’ kompetenza kondiviża fil-qasam ta’ protezzjoni tal-ambjent, minkejja li, kuntrarjament tagħha, uħud minnhom għandhom l-istatus ta’ partijiet konsultattivi fit-Trattat fuq l-Antartiku, joħloq riskju, fir-rigward tal-pożizzjoni partikolari tal-Konvenzjoni ta’ Canberra fi ħdan is-sistema konvenzjonali fuq l-Antartiku, li jiġu kompromessi r-responsabbiltajiet u l-prerogattivi ta’ dawn il-partijiet konsultattivi, li jista’ jdgħajjef il-koerenza ta’ din is-sistema konvenzjonali u, b’mod definittiv, imur kontra dispożizzjonijiet tal-Artikolu V(1) u (2) tal-Konvenzjoni ta’ Canberra.

      (ara l-punti 126 sa 130, 132, 133)

    Top