This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CJ0591
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-13 ta’ Ġunju 2017.
The Gibraltar Betting and Gaming Association Limited vs Commissioners for Her Majesty's Revenue and Customs u Her Majesty's Treasury.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 355(3) TFUE – Status ta’ Ġibiltà – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Sitwazzjoni purament interna – Inammissibbiltà.
Kawża C-591/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-13 ta’ Ġunju 2017.
The Gibraltar Betting and Gaming Association Limited vs Commissioners for Her Majesty's Revenue and Customs u Her Majesty's Treasury.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 355(3) TFUE – Status ta’ Ġibiltà – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Sitwazzjoni purament interna – Inammissibbiltà.
Kawża C-591/15.
Court reports – general
Kawża C‑591/15
The Gibraltar Betting and Gaming Association Limited
vs
Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs
u
Her Majesty’s Treasury
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 355(3) TFUE – Status ta’ Ġibiltà – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Sitwazzjoni purament interna – Inammissibbiltà”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat‑13 ta’ Ġunju 2017
Trattati tal-Unjoni-Kamp ta’ applikazzjoni territorjali-Ġibiltà-Inklużjoni-Libertà li jiġu pprovduti servizzi-Applikabbiltà
(Artikoli 56 TFUE u 355(3) TFUE)
Libertà li jiġu pprovduti servizzi-Dispożizzjonijiet tat-Trattat-Inapplikabbiltà f’sitwazzjoni purament interna ta’ Stat Membru-Provvisti ta’ servizzi minn operaturi stabbiliti f’Ġibiltà lil persuni stabbiliti fir-Renju Unit-Sitwazzjoni purament interna
(Artikoli 56 TFUE u 355(3) TFUE)
Skont l-Artikolu 355(3) TFUE, id-dispożizzjonijiet tat-trattati japplikaw għat-territorji Ewropej li Stat Membru jassumi r-relazzjonijiet esterni tagħhom.
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li Ġibiltà tikkostitwixxi territorju Ewropew li Stat Membru, jiġifieri r-Renju Unit, jassumi r-relazzjonijiet esterni tiegħu u li d-dritt tal-Unjoni japplika għal dan it-territorju bis-saħħa tal-Artikolu 355(3) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Settembru 2003, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑30/01, EU:C:2003:489, punt 47, u tat‑12 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Ir‑Renju Unit, C‑145/04, EU:C:2006:543, punt 19).
B’deroga mill-Artikolu 355(3) TFUE u bis-saħħa tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑1972, Ġibiltà hija eskluża mill-applikabbiltà tal-atti tal-Unjoni f’ċerti oqsma tad-dritt tal-Unjoni, liema eċċezzjonijiet ġew introdotti minħabba s-sitwazzjoni legali speċjali u, b’mod partikolari, minħabba l-istatus ta’ port ħieles ta’ dan it-territorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑349/03, EU:C:2005:488, punt 41). L-imsemmija esklużjonijiet ma jirrigwardawx madankollu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, imsemmija fl-Artikolu 56 TFUE.
Mill-konstatazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 56 TFUE japplika, bis-saħħa tal-Artikolu 355(3) TFUE, għal Ġibiltà.
(ara l-punti 28‑31)
L-Artikolu 355(3) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 56 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta’ servizzi minn operaturi stabbiliti f’Ġibiltà lil persuni stabbiliti fir-Renju Unit tikkostitwixxi, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha huma limitati għal ħdan Stat Membru wieħed.
F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, bħalma rrilevaw il-partijiet interessati kollha, li Ġibiltà ma tagħmilx parti mir-Renju Unit (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Settembru 2003, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑30/01, EU:C:2003:489, punt 47, u tat‑12 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Ir‑Renju Unit, C‑145/04, EU:C:2006:543, punt 15). Dan il-fatt ma jistax, madankollu, ikun deċiżiv għall-finijiet tad-determinazzjoni dwar jekk żewġ territorji għandhomx, għall-finijiet tal-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali, jitqiesu li huma Stat Membru wieħed.
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kundizzjonijiet li fihom l-Artikolu 56 TFUE japplika għal Ġibiltà, huwa minnu li l-Artikolu 355(3) TFUE ma jispeċifikax li dan l-Artikolu 56 japplika għal Ġibiltà “bl-istess kundizzjonijiet li japplikaw għar-Renju Unit”. Dan ingħad, għandu jitfakkar li l-Artikolu 355(3) TFUE jestendi l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għat-territorju ta’ Ġibiltà, bla ħsara għall-esklużjonijiet espressament previsti mill-Att ta’ Adeżjoni tal‑1972, li madankollu ma jkoprux il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Barra minn hekk, il-fatt, invokat mill-Gvern ta’ Ġibiltà, li l-Artikolu 56 TFUE japplika għal Ġibiltà bis-saħħa tal-Artikolu 355(3) TFUE u għar-Renju Unit bis-saħħa tal-Artikolu 52(1) TUE, ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward.
Fit-tieni lok, ma hemmx elementi oħra li jippermettu li r-relazzjonijiet bejn Ġibiltà u r-Renju Unit jitqiesu, għall-finijiet tal-Artikolu 56 TFUE, bħala simili għal dawk li jeżistu bejn żewġ Stati Membri. Li l-kummerċ bejn Ġibiltà u r-Renju Unit jiġi assimilat għal dak bejn Stati Membri jwassal, għall-kuntrarju, li tiġi nnegata r-rabta rrikonoxxuta fl-Artikolu 355(3) TFUE, bejn dan it-territorju u dan l-Istat Membru.
(ara l-punti 35, 36, 38‑42, u d-dispożittiv)