EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0584

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-2 ta’ Marzu 2017.
Glencore Céréales France vs Établissement national des produits de l'agriculture et de la mer (FranceAgriMer).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 — Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 3 — Regolament (KEE) Nru 3665/87 — Artikolu 11 — Irkupru ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni mogħtija indebitament — Regolament (KEE) Nru 3002/92 — Artikolu 5a — Garanzija rilaxxata indebitament — Interessi dovuti — Terminu ta’ preskrizzjoni — Bidu tad-dekorrenza tat-terminu — Interruzzjoni tal-perijodu — Limitu massimu — Terminu itwal — Applikabbiltà.
Kawża C-584/15.

Court reports – general

Kawża C-584/15

Glencore Céréales Franza

vs

Etablissement national des produits de l’agriculture u de la mer (FranceAgriMer)

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit‑
tribunal administratif de Melun)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 — Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 3 — Regolament (KEE) Nru 3665/87 — Artikolu 11 — Irkupru ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni mogħtija indebitament — Regolament (KEE) Nru 3002/92 — Artikolu 5a — Garanzija rilaxxata indebitament — Interessi dovuti — Terminu ta’ preskrizzjoni — Bidu tad-dekorrenza tat-terminu — Interruzzjoni tal-perijodu — Limitu massimu — Terminu itwal — Applikabbiltà”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-2 ta’ Marzu 2017

  1. Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea-Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni-Azzjoni kontra l-irregolaritajiet-Terminu ta’ preskrizzjoni-Applikabbiltà għall-irkupru ta’ krediti ta’ interessi relatati mal-ammonti riċevuti indebitament

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, Artikoli 3(1) u 4(1) u (2); Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 3665/87, kif emendat bir-Regolament Nru 495/97, Artikolu 11(3) u Nru 3002/92, kif emendat bir-Regolament Nru 770/96, Artikolu 5a)

  2. Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea-Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni-Irregolarità kontinwa jew ripetuta-Kunċett-Fatt għal operatur li jkun debitur ta’ krediti ta’ interessi relatati ma’ ammonti riċevuti indebitament-Esklużjoni

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, Artikolu 1(2); Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 3665/87, kif emendat bir-Regolament Nru 495/97, Artikolu 11(3) u Nru 3002/92, kif emendat bir-Regolament Nru 770/96, Artikolu 5a)

  3. Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea-Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni-Azzjoni kontra l-irregolaritajiet-Terminu ta’ preskrizzjoni-Applikabbiltà għall-irkupru ta’ krediti ta’ interessi relatati mal-ammonti riċevuti indebitament-Bidu tad-dekorrenza-Data tat-twettieq tal-irregolarità

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, Artikolu 1(2), u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1))

  4. Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea-Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni-Azzjoni kontra l-irregolaritajiet-Terminu ta’ preskrizzjoni-Limitu massimu-Applikabbiltà għall-irkupru ta’ krediti ta’ interessi relatati mal-ammonti indebitament miġbura-Assenza ta’ deċiżjoni min-naħa tal-awtorità kompetenti rigward l-irkupru ta’ dawn il-krediti fit-terminu applikabbli, minkejja t-talba tagħha f’dan it-terminu tar-repetizzjoni tal-ammonti riċevuti indebitament-Dekadenza

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 6(1))

  5. Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea-Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni-Azzjoni kontra l-irregolaritajiet-Terminu ta’ preskrizzjoni –Applikabbiltà ta’ termini ta’ preskrizzjoni nazzjonali itwal-Kundizzjoni-Osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità-Terminu ta’ ħames snin-Ammissibbiltà

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, Artikoli 3(1) u (3))

  1.  L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst f’din id-dispożizzjoni huwa applikabbli għall-irkupru ta’ krediti ta’ interessi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dovuti abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta’ Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 495/97, tat-18 ta’ Marzu 1997, u tal-Artikolu 5a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3002/92, tas-16 ta’ Ottubru 1992, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-verifika tal-użu u/jew destinazzjoni ta’ prodotti minn intervent, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 770/96, tas-26 ta’ April 1996.

    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-ordnijiet għall-ġbir inkwistjoni fil-kawża prinċipali, maħruġa mill-awtorità amministrattiva kompetenti sabiex tirkupra l-għajnuna u l-ammonti rċevuti indebitament minn Glencore minħabba irregolaritajiet imwettqa minn din, ġew adottati abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87, fir-rigward tax-xgħir tal-birra bl-ingrossa, u abbażi tal-Artikolu 5a tar-Regolament Nru 3002/92, fir-rigward tal-qamħ komuni ta’ intervent. Barra minn hekk, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ordni għall-ġbir relatata mal-irkupru tal-interessi flimkien ma’ din l-għajnuna u dawn l-ammonti wkoll ġiet adottata abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija dispożizzjonijiet jipprovdu espressament li r-rimbors tal-għajnuna u tal-ammonti rċevuti indebitament mill-operatur ikkonċernat huwa miżjud bl-interessi, liema huma kkalkolati abbażi ta’ din l-għajnuna u ta’ dawn l-ammonti, skont iż-żmien li jkun għadda bejn il-mument li jkunu ġew rċevuti u dak tar-rimbors tagħhom. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 5a(1) tar-Regolament Nru 3002/92 jippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-ġbir mill-awtorità kompetenti tal-ammont hekk ikkalkolat jekwivali għall-irkupru tal-vantaġġ ekonomiku mogħti indebitament mill-operatur ikkonċernat. Għalhekk, l-ordnijiet għal ġbir inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kkwalifikati bħala “miżuri amministrattivi”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 2988/95, kemm meta jirrigwardaw il-prinċipal kif ukoll meta jirrigwardaw l-interessi, peress li dawn l-ordnijiet jipparteċipaw, flimkien, għat-tneħħija tal-vantaġġ miksub indebitament mill-operatur ikkonċernat. Minn dan isegwi li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament huwa applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    (ara l-punti 28 sa 31 u 33, u d-dispożittiv 1)

  2.  It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li operatur ikun debitur ta’ krediti ta’ interessi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jikkostitwixxix “irregolarità kontinwa jew ripetuta”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Tali krediti għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jirriżultaw mill-istess irregolarità, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/95, bħal dik li twassal għall-irkupru tal-għajnuna u tal-ammonti rċevuti indebitament, li jikkostitwixxu l-krediti prinċipali.

    Fil-fatt, għandu jitfakkar li t-twettiq ta’ irregolarità, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, jippresupponi, li jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri att jew ommissjoni ta’ operatur ekonomiku, li jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll dannu, jew dannu potenzjali, ikkawżat lill-baġit tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Firma Ernst Kollmer Fleischimport und -export, C-59/14, EU:C:2015:660, punt 24). Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, mill-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87 u mill-Artikolu 5a tar-Regolament Nru 3002/92 jirriżulta li l-istess ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jagħti lok fl-istess ħin għall-irkupru ta’ somom rċevuti indebitament minħabba dan il-ksur u l-ġbir ta’ interessi flimkien ma’ dawn is-somom, liema jipparteċipaw flimkien għall-irkupru tal-vantaġġ ekonomiku indebitament mogħti lill-operatur ikkonċernat. Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ dannu jew ta’ dannu potenzjali, għall-baġit tal-Unjoni, għandu jiġi indikat, kif irreleva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment fil-punti 51 u 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-interessi previsti fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87 u fl-Artikolu 5a tar-Regolament Nru 3002/92 jikkostitwixxu interessi kompensatorji intiżi sabiex jirriflettu l-valur aġġornat tad-“dannu” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, bejn id-data ta’ meta jseħħ u dik tar-rimbors tal-ammont effettiv tiegħu mill-operatur ikkonċernat.

    Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Franċiż, fir-rigward ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 3665/87 u 3002/92, irregolarità, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, twassal għall-irkupru tal-vantaġġ ekonomiku mogħti indebitament lill-operatur ikkonċernat, li huwa magħmul, skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87 u l-Artikolu 5a tar-Regolament Nru 3002/92, mill-għajnuna jew mill-ammonti rċevuti indebitament minn dan l-operatur, biż-żieda tal-interessi previsti f’dawk l-artikoli.

    (ara l-punti 38 sa 42, u d-dispożittiv 2)

  3.  L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal-azzjonijiet li jwasslu għall-adozzjoni ta’ miżuri amministrattivi intiżi għall-irkupru ta’ krediti ta’ interessi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-terminu ta’ preskrizzjoni previst f’dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) jibda jiddekorri mid-data meta twettqet l-irregolarità li tagħti lok għall-irkupru tal-imsemmija għajnuna u tal-ammonti dovuti li abbażi tagħhom huma kkalkolati dawn l-interessi, jiġifieri d-data tal-element li jikkostitwixxi din l-irregolarità, jiġifieri, jew l-att jew l-omissjoni jew id-dannu, li jseħħ l-aħħar.

    Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju, li taf b’mod sħiħ il-fatti fil-kawża prinċipali, li għandha tiddetermina, jekk, f’dan il-każ, il-vantaġġ ikkonċernat ingħatax definittivament qabel l-att jew mal-omissjoni li tikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Jekk dan ikun il-każ, it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjonijiet intiżi għall-irkupru tal-krediti magħmula mill-interessi inkwistjoni jibda jiddekorri minn dan l-att jew minn din l-omissjoni. Jekk, għall-kuntrarju, ikun jidher li dan il-vantaġġ ingħata wara l-imsemmi att jew l-imsemmija omissjoni, id-dies a quo jikkorrispondi għad-data tal-għoti tal-imsemmi vantaġġ u, għaldaqstant, għall-jum li jikkorrispondi għall-punt ta’ tluq fil-kalkolu tal-imsemmija interessi.

    (ara l-punti 50, 51 u d-dispożittiv 3)

  4.  Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal-azzjonijiet li jwasslu għall-adozzjoni ta’ miżuri amministrattivi intiżi għall-irkupru ta’ interessi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-preskrizzjoni tinkiseb meta jiskadi t-terminu previst f’dan ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1), peress li, f’dan it-terminu, l-awtorità kompetenti, għalkemm talbet ir-rimbors tal-għajnuna jew tal-ammonti rċevuti indebitament mill-operatur ikkonċernat, ma adottat ebda deċiżjoni f’dak li jikkonċerna dawn l-interessi.

    Għaldaqstant, minbarra fl-ipoteżi ta’ sospensjoni tal-proċedura amministrattiva, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 2988/95, l-atti ta’ investigazzjoni jew ta’ azzjoni adottati mill-awtorità kompetenti u nnotifikati lill-persuna inkwistjoni, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, ma għandhomx bħala effett li jinterrompu t-terminu previst mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan l-istess regolament (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen, C-52/14, EU:C:2015:381, punt 72). Minn dan isegwi li, fir-rigward ta’ irregolaritajiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtorità kompetenti għandha tadotta l-miżuri amministrattivi intiżi għall-irkupru tal-vantaġġ ekonomiku mogħti indebitament fi kwalunkwe każ fit-terminu previst fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95. Għaldaqstant, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-awtorità kompetenti talbet, l-ewwel ir-rimbors tal-krediti prinċipali, qabel ma talbet, sussegwentement, ir-rimbors tal-interessi, anki fl-ipoteżi li atti li jinterrompu l-preskrizzjoni kienu ġew adottati fir-rigward ta’ dawn l-interessi, din l-awtorità kellha tadotta d-deċiżjoni tagħha dwar ir-rimbors tal-imsemmija interessi fit-terminu previst fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95

    (ara l-punti 56, 57, 59 u 61, u d-dispożittiv 4)

  5.  L-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li terminu ta’ preskrizzjoni, previst mid-dritt nazzjonali, itwal minn dak previst fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, jista’ jiġi applikat, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’dak li jikkonċerna l-irkupru ta’ krediti, li jsiru dovuti qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan it-terminu u li jkunu għadhom ma ġewx preskritti b’applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

    Barra minn hekk, għalkemm, kif jirriżulta mill-punt 64 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-iffissar ta’ termini ta’ preskrizzjoni itwal, dawn l-Istati għandhom madankollu josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’materji kriminali, bħala regola, l-Istati Membri jistgħu jtawwlu t-terminu ta’ preskrizzjoni meta l-fatti li l-akkużati jkunu akkużati bihom ma jkunu ġew preskritti qatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et, C-105/14, EU:C:2015:555, punt 57). Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni nazzjonali itwal, bħal kif imsemmi fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, bil-għan li titressaq azzjoni kontra irregolaritajiet, fis-sens ta’ dan ir-regolament, ma għandhiex tmur manifestament lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkiseb l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2014, Cruz & Companhia, C-341/13, EU:C:2014:2230, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, bħal dak previst fl-Artikolu 2224 tal-Kodiċi Ċivili, fil-formulazzjoni tiegħu li tirriżulta mil-Liġi Nru 2008-561, għandu jiġi rrilevat li dan huwa itwal minn dak previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 b’sena biss. Għaldaqstant, tali terminu ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jibdew azzjonijiet kontra l-irregolaritajiet li jikkawżaw dannu lill-baġit tal-Unjoni u josserva r-rekwiżit ta’ proporzjonalità

    (ara l-punti 72 sa74 u 76, u d-dispożittiv 5)

Top