Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0582

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-25 ta’ Jannar 2017.
    Proċeduri kriminali kontra Gerrit van Vemde.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi – Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 28 – Dispożizzjoni tranżitorja – Kunċett ta’ ‘għoti ta’ sentenza finali’.
    Kawża C-582/15.

    Court reports – general

    Kawża C-582/15

    Proċeduri kriminali

    vs

    Gerrit van Vemde

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank, Amsterdam)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi – Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 28 – Dispożizzjoni tranżitorja – Kunċett ta’ ‘għoti ta’ sentenza finali’”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-25 ta’ Jannar 2017

    1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali–Deċiżjoni Qafas 2008/909 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali–Definizzjonijiet–Kunċett ta’ sentenza–Interpretazzjoni awtonoma u uniformi

      (Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2008/909, Artikolu 1(a))

    2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali–Deċiżjoni Qafas 2008/909 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali–Dispożizzjonijiet tranżitorji–Dikjarazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti li jitkomplew jiġu applikati l-istrumenti legali eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija deċiżjoni qafas dwar trasferiment ta’ persuni kkundannati–Kundizzjoni–Kunċett ta’ għoti ta’ sentenza finali–Portata

      (Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909, Artikoli 1(a), 3(1) u 28(1) u (2))

    1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 25, 26)

    2.  L-ewwel sentenza tal-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea, għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri biss is-sentenzi li saru res judicata qabel id-data indikata mill-Istat Membru kkonċernat.

      Din l-interpretazzjoni hija kkorraborata mid-definizzjoni ta’ “sentenza” li tinsab fl-Artikolu 1(a) ta’ din id-deċiżjoni qafas. F’dan ir-rigward, il-fatt li kemm dan l-artikolu kif ukoll l-imsemmi Artikolu 28(2) jirreferu għan-natura “finali” tas-sentenza inkwistjoni jenfasizza l-importanza partikolari, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, mogħtija għall-fatt li l-imsemmija sentenza ma tistax tiġi kkontestata u, konsegwentement, għad-data li fiha din issir res judicata. Barra minn hekk, peress li l-kunċetti ta’ “sentenza” u ta’ “mogħtija” ta’ din is-sentenza, li jinsabu fl-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu u uniformi fit-territorju tal-Unjoni, il-portata ta’ dawn il-kunċetti kif ukoll, għaldaqstant, ta’ din id-dispożizzjoni la tista’ tiddependi fuq il-proċeduri kriminali interni tal-Istat emittenti u lanqas fuq dawk tal-Istat ta’ eżekuzzjoni. Konsegwentement, interpretazzjoni tal-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 li tipprovdi li l-applikazzjoni tiegħu tiddependi fuq id-data li fiha sentenza titqies li ġiet “mogħtija” fis-sens tad-dritt nazzjonali kkonċernat, indipendentement mid-data li fiha din issir finali, għandha tiġi eskluża.

      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kuntest kif ukoll tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżalzzjoni li minnha d-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tagħmel parti, għandu jitfakkar, bħalma essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 45 sa 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jikkostitwixxi eċċezzjoni għas-sistema ġenerali sanċita mill-Artikolu 28(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li jipprovdi li t-talbiet għar-rikonoxximent ta’ sentenza u għall-eżekuzzjoni ta’ kundanna, riċevuti wara l-5 ta’ Diċembru 2011, huma rregolati mir-regoli adottati mill-Istati Membri b’implementazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni qafas. Bħala eċċezzjoni għal din is-sistema ġenerali, l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet għandha tiġi interpretata b’mod strett.

      Billi jiġi limitat in-numru ta’ każijiet li jkomplu jaqgħu taħt strumenti legali eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, u billi jiżdiedu, konsegwentement, in-numru ta’ każijiet li jistgħu jaqgħu taħt regoli adottati mill-Istati Membri b’implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas, interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 28(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, fis-sens li din id-dispożizzjoni tkopri biss is-sentenzi li saru res judicata sa’ mhux iktar tard mill-5 ta’ Diċembru 2011, hija l-aħjar interpretazzjoni sabiex tiggarantixxi l-għan li l-imsemmija deċiżjoni qafas qed tfittex. Dan l-għan jikkonsisti, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tagħha, li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrikonoxxu s-sentenzi u jeżegwixxu l-pieni sabiex jiffaċilitaw ir-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna ssentenzjata.

      (ara l-punti 27-31, 33 u d-dispożittiv)

    Top