Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0513

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-15 ta’ Ġunju 2017.
    Kawża mressqa minn “Agrodetalė” UAB.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern – Approvazzjoni tat-tip tal-KE – Direttiva 2003/37/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresti – Tqegħid fis-suq u reġistrazzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ vetturi użati jew second-hand importati minn pajjiż terz – Kunċetti ta’ ‘vettura ġdida’ u ta’ ‘dħul fis-servizz’.
    Kawża C-513/15.

    Court reports – general

    Kawża C‑513/15

    Proċedura mibdija minn “Agrodetalė” UAB

    (talba għal deċiżjoni preliminari,
    imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern – Approvazzjoni tat-tip tal-KE – Direttiva 2003/37/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresti – Tqegħid fis-suq u reġistrazzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ vetturi użati jew second-hand importati minn pajjiż terz – Kunċetti ta’ ‘vettura ġdida’ u ta’ ‘dħul fis-servizz’”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-15 ta’ Ġunju 2017

    1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresti-Proċedura ta’ approvazzjoni fl-Unjoni-Direttiva 2003/37-Kamp ta’ applikazzjoni-Tratturi użati importati minn pajjiż terz mingħajr ma kienu s-suġġett ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE u intiżi sabiex jintużaw għall-ewwel darba fl-Unjoni-Inklużjoni

      [Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/37, kif emendata permezz tad-Direttiva 2014/44, Artikoli 4(1)(a), u 7(1)]

    2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresti-Proċedura ta’ approvazzjoni fl-Unjoni-Direttiva 2003/37-Kamp ta’ applikazzjoni-Vetturi użati li jaqgħu taħt il-kategoriji T1, T2 u T3, importati minn pajjiż terz, u mdaħħla fis-servizz mill-1 ta’ Lulju 2009-Inklużjoni

      [Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/37, kif emendata permezz tad-Direttiva 2014/44, Artikolu 23(1)(b)]

    1.  Id-Direttiva 2003/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresti, il-karrijiet tagħhom u makkinarju irmunkat interkambjabbli, flimkien mas-sistemi tagħhom, komponenti u unitajiet tekniċi separati u r-revoka tad-Direttiva 74/150/KEE, kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2014/44/UE, tat-18 ta’ Marzu 2014, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-ewwel tqegħid fis-suq u r-reġistrazzjoni, fi Stat Membru, ta’ tratturi użati jew second-hand importati minn pajjiż terz huma suġġetti għall-osservanza tar-rekwiżiti tekniċi previsti minn din.

      Il-proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE, kif prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni, hija għalhekk ibbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-kontrolli tal-konformità mar-rekwiżiti previsti mid-Direttiva 2003/37, kif ukoll mid-direttivi speċifiċi msemmija fl-Anness II, Kapitolu B, ta’ din, imwettqa mill-awtoritajiet ta’ approvazzjoni tad-diversi Stati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Lahousse u Lavichy, C‑142/09, EU:C:2010:694, punt 27). L-għan tagħha huwa li jiġi ggarantit u promoss il-funzjonament tas-suq intern, filwaqt li jiġu protetti s-sigurtà fit-toroq, il-kwalità tal-ambjent u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Fid-dawl tal-karatteristiċi tagħha, is-sistema implementata mid-Direttiva hija fil-fatt intiża, fir-rigward tal-vetturi prodotti fit-territorju tal-Unjoni, sabiex tapplika għall-vetturi ġodda. Il-vetturi kollha li, fl-istat il-ġdid tagħhom, kienu jaqgħu taħt id-Direttiva 2003/37 u li ddaħħlu fis-servizz fl-Unjoni kienu, għaldaqstant, suġġetti għal approvazzjoni tat-tip tal-KE.

      Madankollu, għandu jiġi osservat, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, li s-sistema implementata mid-Direttiva 2003/37 għandha l-għan li tiggarantixxi li l-vetturi kollha, ġodda jew użati, li jappartjenu għal kategoriji speċifiċi u li jitqiegħdu għall-ewwel darba fis-suq tal-Unjoni, mill-1 ta’ Lulju 2009 fir-rigward tal-vetturi tal-kategoriji T1, T2 u T3, jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi previsti minn din id-direttiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li vettura użata importata minn pajjiż terz, li ma kinitx is-suġġett ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE u li hija intiża sabiex tintuża għall-ewwel darba fl-Unjoni, hija “vettura ġdida” fis-sens tad-Direttiva 2003/37.

      (ara l-punti 27, 30, 31, 36 u 37, u d-dispożittiv 1)

    2.  L-Artikolu 23(1)(b) tad-Direttiva 2003/37, kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2014/44/UE, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet ta’ din japplikaw għall-vetturi użati, li jaqgħu taħt il-kategoriji T1, T2 u T3, importati fl-Unjoni Ewropea minn pajjiż terz, meta jiddaħħlu fis-servizz fl-Unjoni għall-ewwel darba mill-1 ta’ Lulju 2009.

      (ara l-punt 39 u d-dispożittiv 2)

    Top