Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0499

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Frar 2017.
    W u V vs X.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikoli 8 sa 15 – Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ obbligi ta’ manteniment – Regolament (KE) Nru 4/2009 – Artikolu 3(d) – Deċiżjonijiet opposti mogħtija mill-qrati ta’ Stati Membri differenti – Wild li abitwalment jirrisjedi fl-Istat Membru ta’ residenza ta’ ommu – Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ residenza tal-missier sabiex tiġi rriformata deċiżjoni li saret res judicata li adottaw preċedentement fir-rigward tar-residenza tal-wild, l-obbligi ta’ manteniment u l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess – Assenza.
    Kawża C-499/15.

    Court reports – general

    Kawża C-499/15

    W
    u
    V

    vs X

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Vilniaus miesto apylinkės teismas)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikoli 8 sa 15 – Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ obbligi ta’ manteniment – Regolament (KE) Nru 4/2009 – Artikolu 3(d) – Deċiżjonijiet opposti mogħtija mill-qrati ta’ Stati Membri differenti – Wild li abitwalment jirrisjedi fl-Istat Membru ta’ residenza ta’ ommu – Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ residenza tal-missier sabiex tiġi rriformata deċiżjoni li saret res judicata li adottaw preċedentement fir-rigward tar-residenza tal-wild, l-obbligi ta’ manteniment u l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess – Assenza”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Frar 2017

    1. Domandi preliminari–Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja–Teħid ta’ konjizzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex tressqilha domanda preliminari–Assenza

      (Artikolu 267 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 83)

    2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili–Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri–Regolament Nru 2201/2003–Ġurisdizzjoni, liġi applikabbli, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment–Regolament Nru 4/2009–Ġurisdizzjoni ta’ qrati ta’ Stat Membru li jkunu adottaw deċiżjoni li tkun saret res judicata fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri u tal-obbligi ta’ manteniment li tirrigwarda wild minuri għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq talba ta’ riforma tad-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmija deċiżjoni–Assenza–Residenza abitwali tal-wild li tinsab fit-terrotorju ta’ Stat Membru ieħor–Ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ dan l-aħħar Stat Membru

      (Regolamenti tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikolu 8, u Nru 4/2009, Artikolu 3)

    3. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili–Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri–Regolament Nru 2201/2003–Kunċett ta’ “residenza abitwali” tal-minuri–Kriterji ta’ evalwazzjoni–Preżenza fiżika tal-minuri fi Stat Membru

      (Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikolu 8)

    1.  Permezz ta’ att ippreżentat fl-20 ta’ Diċembru 2016, W talab, abbażi tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali kif ukoll it-teħid ta’ konjizzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex tressqilha domanda preliminari. Fir-rigward, l-ewwel nett, tat-talba sabiex tiġi adita l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma għandha ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura jew ta’ xi dispożizzjoni oħra ta’ dawn ir-Regoli, sabiex tressaq tali azzjoni.

      (ara l-punti 32, 33)

    2.  L-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, tat-18 ta’ Diċembru 2008, dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qrati tal-Istat Membru li adottaw deċiżjoni li saret res judicata fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u ta’ obbligi ta’ manteniment li jirrigwardaw wild minuri ma għandhomx ġurisdizzjoni iktar sabiex jiddeċiedu fuq talba ta’ riforma tad-dispożizzjonijiet deċiżi minn din id-deċiżjoni, sakemm ir-residenza abitwali tal-wild tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Huma l-qrati ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq din it-talba.

      Kif jirriżulta mill-premessa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003 din tal-aħħar ġiet imfassla bl-għan li tissodisfa l-interess superjuri tal-wild u għal dan il-għan, tiffavorixxi l-kriterju ta’ prossimità. L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003 jittraduċi dan l-għan billi jistabbilixxi ġurisdizzjoni ġenerali favur qrati tal-Istat Membru li fih il-wild għandu r-residenza abitwali tiegħu. Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 8, il-ġurisdizzjoni ta’ qorti għandha tiġi stabbilita “fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet [konjizzjoni]”, jiġifieri fid-data li fih l-att promotur jiġi ppreżentat f’dik il-qorti, konformement mal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament (ra, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2014, E., C-436/13, EU:C:2014:2246, punt 38). Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, b’riferiment għall-punt 40 tas-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2014, E. (C-436/13, EU:C:2014:2246), din il-ġurisdizzjoni għandha tiġi vverifikata f’kull każ partikolari, meta qorti tiġi adita b’kawża dan jimplika li l-imsemmija ġurisdizzjoni ma tistax tinżamm lil hinn mit-tul ta’ kawża.

      (ara l-punti 51-54, 70 u d-dispożittiv)

    3.  Fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi (C-497/10 PPU, EU:C:2010:829, punt 46), ikkonfermata minn ġurisprudenza stabbilita, (ara, b’mod partikolari s-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2014, C, C-376/14 PPU, EU:C:2014:2268, punt 50), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sens u l-portata tal-kunċett “residenza abitwali” għandhom jiġu ddeterminati skont l-interess superjuri tal-wild u b’mod partikolari skont il-kriterju ta’ prossimità. Dan il-kunċett jikkorrispondi għall-post li jirrifletti ċerta integrazzjoni tal-wild f’ambjent soċjali u familjari. Dan il-post għandu jiġi stabbilit mill-qorti nazzjonali billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt speċifiċi ta’ kull każ”. Huma rilevanti, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet u r-raġunijiet tas-soġġorn tal-wild fit-territorju ta’ Stat Membru, kif ukoll in-nazzjonalità tiegħu. Barra mill-preżenza fiżika tal-wild fi Stat Membru, hemm fatturi oħra supplimentari li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, juru li din il-preżenza ma hija bl-ebda mod ta’ natura temporanja jew okkażjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi, C-497/10 PPU, EU:C:2010:829, punti 47 sa 49). Għalhekk, id-determinazzjoni tar-residenza abitwali ta’ wild fi Stat Membru partikolari teħtieġ ta’ mill-inqas li l-wild kien fiżikament preżenti f’dan l-Istat Membru.

      (ara l-punti 60, 61)

    Top