Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0460

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Jannar 2017.
    Schaefer Kalk GmbH & Co. KG vs Bundesrepublik Deutschland.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea – Direttiva 2003/87/KE – Pjan ta’ monitoraġġ – Regolament (UE) Nru 601/2012 – Artikolu 49(1) u punt 10 tal-Anness IV – Kalkolu tal-emissjonijiet tal-installazzjoni – Tnaqqis tad-diossidu tal-karbonju (CO2) ittrasferit – Esklużjoni tas-CO2 użat fil-produzzjoni ta’ karbonat tal-kalċju preċipitat – Validità tal-esklużjoni.
    Kawża C-460/15.

    Court reports – general

    Kawża C‑460/15

    Schaefer Kalk GmbH & Co. KG

    vs

    Bundesrepublik Deutschland

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea – Direttiva 2003/87/KE – Pjan ta’ monitoraġġ – Regolament (UE) Nru 601/2012 – Artikolu 49(1) u punt 10 tal-Anness IV – Kalkolu tal-emissjonijiet tal-installazzjoni – Tnaqqis tad-diossidu tal-karbonju (CO2) ittrasferit – Esklużjoni tas-CO2 użat fil-produzzjoni ta’ karbonat tal-kalċju preċipitat – Validità tal-esklużjoni”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) tad-19 ta’ Jannar 2017

    1. Ambjent–Tniġġis atmosferiku–Direttiva 2003/87–Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra–Regolament Nru 601/2012–Monitoraġġ u rapportar ta’ dawn l-emissjonijiet–Kunċett ta’ emissjonijiet–Inklużjoni tad-diossidu tal-karbonju ttrasferit minn installazzjoni suġġetta għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra lejn installazzjoni oħra għal għanijiet ta’ produzzjoni ta’ karbonat tal-kalċju preċipitat–Inammissibbiltà–Invalidità tar-Regolament fir-rigward tad-Direttiva

      (Regolament tal-Kummissjoni Nru 601/2012, it-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1), u Anness IV, punt 10; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, kif emendata bid-Direttiva 2009/29, Artikoli 3(b), 12(3a) u 14(1))

    2. Ambjent–Tniġġis atmosferiku–Direttiva 2003/87–Għan–Tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra–Osservanza tal-għanijiet sussidjarji ddefiniti mid-Direttiva–Preservazzjoni tas-suq intern kollu u tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, kif emendata bid-Direttiva 2009/29, premessa 5 u Artikolu 1)

    1.  Id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012, tal-21 ta’ Ġunju 2012, dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u tal-punt 10(B) tal-Anness IV ta’ dan ir-regolament, sa fejn jinkludu sistematikament fl-emissjonijiet tal-installazzjoni għall-kalċinazzjoni tal-ġir id-diossidu tal-karbonju (CO2) ittrasferit lejn installazzjoni oħra bl-għan tal-produzzjoni ta’ karbonat tal-kalċju preċipitat, kemm jekk dan id-diossidu tal-karbonju jiġix irrilaxxat jew le fl-atmosfera, huma invalidi.

      Il-loġika ekonomika li taħtha jaqgħu l-kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra, konformement ma’ dak li jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87, tikkonsisti li jkun hemm mezz li t-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra meħtieġ sabiex jinkiseb riżultat ambjentali stabbilit minn qabel iseħħ bl-inqas spejjeż. B’mod partikolari, billi tippermetti l-bejgħ tal-kwoti allokati, din l-iskema hija intiża sabiex tħeġġeġ lil kull parteċipant fl-imsemmija skema li jirrilaxxa kwantità ta’ gassijiet serra li hija inqas mill-kwoti li ġew inizjalment mogħtija lilu, sabiex iċedi l-bqija tagħhom lil parteċipant ieħor li pproduċa kwantità ta’ emissjonijiet li taqbeż il-kwoti allokati [ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 32, kif ukoll tas-7 ta’ April 2016, Holcim (Romania) vs Il‑Kummissjoni, C‑556/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:207, punti 64 u 65].

      Għalhekk, wieħed mill-punti fuq liema hija mibnija l-iskema stabbilita bid-Direttiva 2003/87 huwa l-obbligu tal-operaturi li, qabel it-30 ta’ April tas-sena fis-seħħ, iċedu, sabiex jiġu annullati, numru ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra ugwali għall-emissjonijiet tagħhom matul is-sena kalendarja preċedenti (sentenza tad-29 ta’ April 2015, Nordzucker, C‑148/14, EU:C:2015:287, punt 29). Huwa għalhekk determinanti, għall-funzjonament tajjeb tal-iskema stabbilita bid-Direttiva 2003/87, li jiġu identifikati l-emissjonijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward mill-operaturi.

      Skont l-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2003/87, l-“emissjonijiet”, għall-finijiet tagħha, huma mifhuma bħala r-rilaxx ta’ gassijiet serra fl-atmosfera minn sorsi li jinsabu ġewwa installazzjoni. Mill-istess ittra ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-emissjoni fis-sens tagħha tippresupponi r-rilaxx ta’ gassijiet serra fl-atmosfera.

      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li huwa minnu li l-Artikolu 12(3)a tad-Direttiva 2003/87 jipprevedi li ma humiex suġġetti għall-obbligi ta’ ċediment tal-kwoti, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-emissjonijiet li huma maqbuda u ttrasportati lejn ħażna ġeoloġika permanenti tagħhom lejn installazzjoni li għaliha permess ikun fis-seħħ skont id-Direttiva 2009/31. Madankollu, u kuntrarjament għall-argument imressaq mill-Kummissjoni, dan ma jfissirx li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li l-operaturi huma eżentati mill-obbligu ta’ ċediment fil-każ biss ta’ ħażna ġeoloġika permanenti.

      Fil-fatt, bid-differenza tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 601/2012, li jipprevedi li għat-tipi l-oħra kollha ta’ trasferiment ta’ CO2, l-emissjonijiet tal-installazzjoni ma jistgħu jkunu suġġetti għal ebda tnaqqis ta’ CO2, l-Artikolu 12(3)a tad-Direttiva 2003/87 ma jinkludix regola analoga.

      Din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li fil-fatt hija intiża għal sitwazzjoni speċifika waħda biss, u li għandha bħala għan li tiffavorixxi l-ħażna ta’ gassijiet serra, la kellha bħala għan u lanqas bħala effett li tbiddel id-definizzjoni tal-“emissjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/87, u lanqas, konsegwentement, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva kif ġie stabbilit fl-Artikolu 2(1) tagħha.

      Madankollu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn is- CO2 prodott minn installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ ġir huwa ttrasferit lejn installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ KKP, jidher li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 601/2012 u tal-punt 10(B) tal-Anness IV tiegħu, is- CO2 ttrasferit kollu, kemm jekk parti minnu tiġix irrilaxxata jew le fl-atmosfera, matul it-trasport tiegħu, jew minħabba tnixxija, jew minħabba l-proċess ta’ produzzjoni stess, jitqies bħala li ġie rrilaxxat mill-installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ ġir li fiha kien ġie prodott dan is-CO2, minkejja li dan it-trasferiment ma jista’ jipprovoka ebda rilaxx ta’ CO2 fl-atmosfera. Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tagħha, dawn id-dispożizzjonijiet joħolqu preżunzjoni iuris et de iure ta’ rilaxx fl-atmosfera tas-CO2 ttrasferit kollu.

      Dawn id-dispożizzjonijiet iwasslu għalhekk li s-CO2 ttrasferit f’tali ċirkustanzi jitqies bħala li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “emissjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2003/87, minkejja li ma jkunx, fil-każijiet kollha, irrilaxxat fl-atmosfera. Permezz tat-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 601/2012 u tal-punt 10(B) tal-Anness IV tiegħu, il-Kummissjoni għalhekk estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett.

      Barra minn hekk, l-operaturi kkonċernati ma jistgħux, bħala konsegwenza ta’ din il-preżunzjoni, inaqqsu f’ebda każ mill-emissjonijiet totali tal-installazzjoni ta’ produzzjoni tal-ġir tagħhom il-kwantità ta’ CO2 ttrasferita bl-għan tal-produzzjoni ta’ KKP, minkejja li dan is-CO2 ma huwiex, fil-każijiet kollha, irrilaxxat fl-atmosfera. Tali impossibbiltà timplika li l-kwoti għandhom jiġu ċeduti għas-CO2 kollu ttrasferit bl-għan tal-produzzoni ta’ KKP u ma jistgħux jinbiegħu iktar bħala eċċess, li jqajjem dubju dwar l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti, f’sitwazzjoni li għaldaqstant tissodisfa l-għan finali tad-Direttiva 2003/87 li huwa intiż għall-protezzjoni tal-ambjent permezz ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (fir-rigward tal-għan tad-Direttiva 2003/87, ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 31).

      Minn dan kollu jirriżulta li l-Kummissjoni, billi bidlet element essenzjali tad-Direttiva 2003/87 billi adottat id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 601/2012 u tal-punt 10(B) tal-Anness IV tiegħu, eċċediet il-limiti stabbiliti mill-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva.

      (ara l-punti 31-38, 41-43, 50, 51 u d-dispożittiv)

    2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 30, 49)

    Top