Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0443

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-24 ta’ Novembru 2016.
David L. Parris vs Trinity College Dublin et.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari ‑ Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-età – Skema ta’ rtirar nazzjonali – Ħlas ta’ benefiċċju tas-superstiti lis-sieħeb ċivili – Kundizzjoni – Konklużjoni tal-unjoni qabel ma l-affiljat mal-imsemmija skema jagħlaq is-60 sena – Unjoni ċivili – Impossibbiltà fl-Istat Membru kkonċernat qabel l-2010 – Relazzjoni fit-tul stabbilita – Artikolu 6(2) – Ġustifikazzjoni tad-differenzi fit-trattament ibbażati fuq l-età.
Kawża C-443/15.

Court reports – general

Kawża C‑443/15

David L. Parris

vs

Trinity College Dublin et

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Labour Court)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari ‑ Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ‑ Direttiva 2000/78/KE ‑ Artikolu 2 ‑ Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-età ‑ Skema ta’ rtirar nazzjonali ‑ Ħlas ta’ benefiċċju tas-superstiti lis-sieħeb ċivili ‑ Kundizzjoni ‑ Konklużjoni tal-unjoni qabel ma l-affiljat mal-imsemmija skema jagħlaq is-60 sena ‑ Unjoni ċivili ‑ Impossibbiltà fl-Istat Membru kkonċernat qabel l-2010 ‑ Relazzjoni fit-tul stabbilita ‑ Artikolu 6(2) ‑ Ġustifikazzjoni tad-differenzi fit-trattament ibbażati fuq l-età”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-24 ta’ Novembru 2016

  1. Politika soċjali–Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol–Direttiva 2000/78–Kamp ta’ applikazzjoni–Skema nazzjonali ta’ pensjoni li tipprevedi l-ħlas ta’ pensjoni tas-superstiti lill-konjuġi jew lis-sieħeb ċivili tal-affiljat–Inklużjoni–Kundizzjonijiet

    (Artikolu 157 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 2000/78)

  2. Politika soċjali–Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol–Direttiva 2000/78–Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali–Benefiċċju tas-superstiti mogħti fil-kuntest ta’ skema ta’ pensjoni professjonali–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt tas-sħab ċivili superstiti tal-affiljati sabiex jibbenefikaw minn tali benefiċċju għall-kundizzjoni li l-unjoni ċivili tkun ġiet konkluża qabel ma l-affiljat jagħlaq is-60 sena–Dritt nazzjonali li ma jippermettix lill-affiljat jintrabat f’unjoni ċivili qabel ma jilħaq dan il-limitu ta’ età–Assenza ta’ diskriminazzjoni

    (Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 2)

  3. Politika soċjali–Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol–Direttiva 2000/78–Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età–Benefiċċju tas-superstiti mogħti fil-kuntest ta’ skema ta’ pensjoni professjonali–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt tas-sħab ċivili superstiti tal-affiljati sabiex jibbenefikaw minn tali benefiċċju għall-kundizzjoni li l-unjoni ċivili tkun ġiet konkluża qabel ma l-affiljat jagħlaq is-60 sena–Dritt nazzjonali li ma jippermettix lill-affiljat jintrabat f’unjoni ċivili qabel ma jilħaq dan il-limitu ta’ età–Assenza ta’ diskriminazzjoni–Possibbiltà għall-Istati Membri li jiffissaw, għall-iskemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, l-età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji tal-irtirar jew tal-invalidità

    (Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 2 u 6(2))

  4. Politika soċjali–Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol–Direttiva 2000/78–Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-effett tal-kombinazzjoni flimkien tal-orjentazzjoni sesswali u tal-età–Benefiċċju tas-superstiti mogħti fil-kuntest ta’ skema ta’ pensjoni professjonali–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt tas-sħab ċivili superstiti tal-affiljati sabiex jibbenefikaw minn tali benefiċċju għall-kundizzjoni li l-unjoni ċivili tkun ġiet konkluża qabel ma l-affiljat jagħlaq is-60 sena–Dritt nazzjonali li ma jippermettix lill-affiljat jintrabat f’unjoni ċivili qabel ma jilħaq dan il-limitu ta’ età–Assenza ta’ diskriminazzjoni

    (Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 1, 2 u 6(2))

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 33-40)

  2.  L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78/KE, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest ta’ skema ta’ pensjoni professjonali, tissuġġetta d-dritt tas-sħab ċivili superstiti tal-affiljati sabiex jibbenefikaw minn benefiċċju tas-superstiti għall-kundizzjoni li l-unjoni ċivili tkun ġiet konkluża qabel ma l-affiljat jagħlaq is-60 sena, minkejja li d-dritt nazzjonali ma kienx jippermetti lill-affiljat ikkonċernat jikkonkludi unjoni ċivili qabel ma laħaq dan il-limitu ta’ età, ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali.

    Fil-fatt, l-Istati Membri huma liberi li jipprevedu jew le ż-żwieġ għal persuni tal-istess sess jew forma alternattiva ta’ rikonoxximent legali tar-relazzjoni tagħhom, kif ukoll, skont il-każ, li jipprevedu d-data li minnha tali żwieġ jew tali forma alternattiva għandhom jipproduċu l-effetti tagħhom.

    Konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-Direttiva 2000/78, la jobbliga lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jipprevedi, qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi dwar l-unjonijiet ċivili, iż-żwieġ jew forma ta’ unjoni ċivili għall-koppji omosesswali, u lanqas sabiex jagħti effetti retroattivi lil-liġi dwar l-unjonijiet ċivili kif ukoll lid-dispożizzjonijiet adottati b’applikazzjoni ta’ din il-liġi, u lanqas, għal dak li jikkonċerna l-benefiċċju tas-superstiti, sabiex jipprevedi miżuri tranżitorji għall-koppji tal-istess sess fejn l-affiljat ikun diġà għalaq is‑60 sena fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija liġi.

    (ara l-punti 59, 60, 62 u d-dispożittiv 1)

  3.  L-Artikoli 2 u 6(2) tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest ta’ skema ta’ pensjoni professjonali, tissuġġetta d-dritt tas-sħab ċivili superstiti tal-affiljati sabiex jibbenefikaw minn benefiċċju tas-superstiti għall-kundizzjoni li l-unjoni ċivili tkun ġiet konkluża qabel ma l-affiljat jagħlaq is-60 sena minkejja li d-dritt nazzjonali ma kienx jippermetti lill-affiljat ikkonċernat jikkonkludi unjoni ċivili qabel ma laħaq dan il-limitu ta’ età, ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

    Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni tagħti trattament inqas favorevoli lill-affiljati li żżewġu jew ikkonkludew unjoni ċivili wara li għalqu s-60 sena minn dawk li żżewġu jew li kkonkludew tali unjoni ċivili qabel ma għalqu s-60 sena, u konsegwentement, toħloq differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq il-kriterju tal-età.

    Madankollu, l-imsemmija leġiżlazzjoni tiffissa età għall-intitolament ta’ benefiċċju tax-xjuħija u, għaldaqstant, taqa’ taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78.

    F’dan ir-rigward, billi tissuġġetta l-kisba tad-dritt għall-għoti ta’ benefiċċju tas-superstiti għall-kundizzjoni li l-affiljat ikun iżżewweġ jew ikkonkluda unjoni ċivili qabel is-60 sena, l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi biss limitu ta’ età sabiex jingħata lok għad-dritt għal dan il-benefiċċju. Fi kliem ieħor, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiffissa età sabiex wieħed ikollu aċċess għall-benefiċċju tas-superstiti li jirriżulta mill-iskema ta’ pensjoni kkonċernata.

    (ara l-punti 67, 68, 74, 75, 78 u d-dispożittiv 2)

  4.  L-Artikoli 2 u 6(2) tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest ta’ skema ta’ pensjoni professjonali, tissuġġetta d-dritt tas-sħab ċivili superstiti tal-affiljati sabiex jibbenefikaw minn benefiċċju tas-superstiti għall-kundizzjoni li l-unjoni ċivili tkun ġiet konkluża qabel ma l-affiljat jagħlaq is-60 sena, minkejja li d-dritt nazzjonali ma kienx jippermetti lill-affiljat ikkonċernat jikkonkludi unjoni ċivili qabel ma laħaq dan il-limitu ta’ età, ma tistax tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-effett tal-kombinazzjoni flimkien tal-orjentazzjoni sesswali u tal-età, meta l-imsemmija leġiżlazzjoni la tikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali u lanqas minħabba l-età, meta meqjusa b’mod iżolat.

    F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li diskriminazzjoni tista’ tkun ibbażata fuq diversi raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, ma teżisti ebda kategorija ġdida ta’ diskriminazzjoni li tirriżulta mill-kombinazzjoni flimkien ta’ diversi minn dawn il-motivi bħall-orjentazzjoni sesswali u l-età, li l-konstatazzjoni tagħhom tista’ sseħħ, meta d-diskriminazzjoni minħabba l-imsemmija raġunijiet ma tkunx ġiet stabbilita meta meqjusa b’mod iżolat.

    (ara l-punti 80, 82 u d-dispożittiv 3)

Top