Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0416

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-30 ta’ Ġunju 2016.
Selena România Srl vs Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice (DGRFP) București.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika kummerċjali – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Artikolu 13 – Evitar – Regolament ta’ implementazzjoni (UE) Nru 791/2011 – Drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina – Dazji antidumping – Regolament ta’ implementazzjoni (UE) Nru 437/2012 – Kunsinna mit-Tajwan – Ftuħ ta’ investigazzjoni – Regolament ta’ implementazzjoni (UE) Nru 21/2013 – Estensjoni tad-dazju antidumping – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Irkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni.
Kawża C-416/15.

Court reports – general

Kawża C‑416/15

Selena România SRL

vs

Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice (DGRFP) București

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika kummerċjali — Regolament (KE) Nru 1225/2009 — Artikolu 13 — Evitar — Regolament ta’ implementazzjoni (UE) Nru 791/2011 — Drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina — Dazji antidumping — Regolament ta’ implementazzjoni (UE) Nru 437/2012 — Kunsinna mit-Tajwan — Ftuħ ta’ investigazzjoni — Regolament ta’ implementazzjoni (UE) Nru 21/2013 — Estensjoni tad-dazju antidumping — Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis — Prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività — Kodiċi Doganali tal-Komunità — Irkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-30 ta’ Ġunju 2016

Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Evitar – Estensjoni tad-dazju antidumping – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Applikazzjoni retroattiva tad-dazju antidumping definittiv estiż għall-importazzjonijiet rilaxxati għal ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolament li jniedi investigazzjoni dwar l-evażjoni u li jissuġġetta l-importazzjonijiet inkwistjoni għal reġistrazzjoni – Limitu – Ineżattezza taċ-ċertifikati ta’ oriġini li ġiet żvelata wara verifika a posteriori

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 26, Nru 1225/2009, Artikoli 10(1), 13(1) u (3), u 14(5), u Nru 21/2013, Artikolu 1(1) u (2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 437/2012)

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 21/2013 li jestendi d-dazju definittiv antidumping impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 791/2011 dwar ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ dawn l-istess prodotti kkunsinjati mit-Tajwan u mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw minn dawn il-pajjiżi kif ukoll jekk le, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dazju antidumping definittiv estiż minn din id-dispożizzjoni ma huwiex applikabbli retroattivament għal prodotti kkunsinnati mit-Tajwan, irrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni wara d-data ta’ dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ implementazzjoni inizjali Nru 791/2011, iżda qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 437/2012, li jniedi investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ evażjoni ta’ miżuri tal-antidumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 791/2011, permezz tal-importazzjonijiet inkwistjoni kkunsinnati mit-Tajwan u mit-Tajlandja, u li jissuġġetta dawn l-importazzjonijiet għar-reġistrazzjoni. Madankollu, id-dazju antidumping stabbilit bl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 791/2011 huwa applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ tali prodotti, jekk jiġi stabbilit li, għalkemm ikkunsinnati mit-Tajwan u ddikjarati bħala li joriġinaw minn dan il-pajjiż, dawn il-prodotti fil-verità joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 13(3) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 1225/2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea jirriżulta li, fil-każ li jkun hemm evitar, l-estensjoni tal-miżuri definittivi diġà stabbiliti tibda tapplika mid-data li fiha r-reġistrazzjoni ssir obbligatorja skont l-Artikolu 14(5) tal-imsemmi regolament.

Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1225/2009 jistabbilixxi l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-miżuri antidumping, peress li dawn jistgħu, bħala prinċipju, jiġu applikati biss għal prodotti rrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera wara d-data li fiha r-regolament li jistabbilixxihom jidħol fis-seħħ, madankollu diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku jidderogaw minn dan il-prinċipju.

Konsegwentement, id-dazju antidumping estiż permezz tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ estensjoni Nru 21/2013 ma huwiex applikabbli retroattivament għal importazzjonijiet li seħħew qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolament li jniedi investigazzjoni dwar l-evitar Nru 437/2012, jiġifieri qabel ma l-importazzjonijiet inkwistjoni ma setgħu jiġu rreġistrati skont dan ir-regolament.

Madankollu, din l-interpretazzjoni ma tipprekludix li d-dazju antidumping definittiv stabbilit bir-Regolament inizjali Nru 791/2011 jiġi applikat għal tali importazzjonijiet jekk jiġi stabbilit, wara verifika a posteriori , li l-imsemmija importazzjonijiet fil-verità joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għalkemm il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tipprevedi li l-oriġini tal-merkanzija għandha tkun iġġustifikata bil-produzzjoni ta’ dokument, il-produzzjoni ta’ dan id-dokument ma tipprekludix, fil-każ ta’ dubji serji, lill-awtoritajiet doganali milli jeżiġu kull ġustifikazzjoni kompatibbli sabiex jiżguraw ruħhom li l-indikazzjoni tal-oriġini tkun tabilħaqq konformi mar-regoli stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam. L-għan tal-verifika a posteriori huwa li tiġi vverifikata l-eżattezza tal-oriġini indikata fiċ-ċertifikat ta’ oriġini.

Minn dan jirriżulta li l-fatt li merkanzija tkun akkumpanjata minn ċertifikat ta’ oriġini ma huwiex ċirkustanza li tista’ topponi l-irkupru tad-dazji dovuti għall-importazzjoni ta’ din il-merkanzija jekk, wara din l-importazzjoni, irriżulta li dawn iċ-ċertifikati huma ineżatti, fatt li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti nazzjonali.

(ara l-punti 29, 30, 32-34, 36-39 u d-dispożittiv)

Top