Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0415

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Marzu 2017.
    Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna eżistenti – Artikolu 108(1) TFUE – Skemi ta’ għajnuna favur kumpanniji ta’ akkomodazzjoni soċjali – Regolament (KE) Nru 659/1999 – Artikoli 17, 18 u 19 – Evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti mas-suq intern – Proposta ta’ miżuri utli – Impenji meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali li jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni – Deċiżjoni ta’ kompatibbiltà – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju – Effetti legali.
    Kawża C-415/15 P.

    Court reports – general

    Kawża C-415/15 P

    Stichting Woonpunt et

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Appell – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna eżistenti – Artikolu 108(1) TFUE – Skemi ta’ għajnuna favur kumpanniji ta’ akkomodazzjoni soċjali – Regolament (KE) Nru 659/1999 – Artikoli 17, 18 u 19 – Evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti mas-suq intern – Proposta ta’ miżuri utli – Impenji meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali li jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni – Deċiżjoni ta’ kompatibbiltà – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju – Effetti legali”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Marzu 2017

    1. Għajnuna mogħtija mill-Istati-Għajnuna eżistenti-Eżami permanenti mill-Kummissjoni mal-Istati Membri-Evalwazzjoni mill-Kummissjoni rigward il-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ għajnuna-Proposta ta’ adozzjoni mill-Istati Membri ta’ miżuri utli sabiex tiġi rrimedjata inkompatibbiltà-Aċċettazzjoni mill-Istati Membri-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrendi vinkolanti dawn il-miżuri-Rikors mill-benefiċjarju tal-għajnuna-Possibbiltà li tiġi kkontestata l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni rigward l-inkompatibbiltà tal-għajnuna

      (Artikolu 108(1) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 18 u 19(1))

    2. Rikors għal annullament-Atti li jistgħu jiġu kkontestati-Atti preparatorji-Esklużjoni-Ittra tal-Kummissjoni li tesprimi dubji rigward il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern u li tipproponi miżuri utli-Att li jikkostitwixxi stadju fil-proċedura ta’ tfassil ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna-Esklużjoni

      (Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 17)

    3. Għajnuna mogħtija mill-Istati-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern-Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni-Evalwazzjoni ekonomika kumplessa-Stħarriġ ġudizzjarju-Limiti

      (Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE)

    4. Għajnuna mogħtija mill-Istati-Għajnuna eżistenti-Eżami permanenti mill-Kummissjoni mal-Istati Membri-Miżuri proposti lill-Istati Membri fil-kuntest tal-imsemmi eżami-Aċċettazzjoni mill-Istati-Effett vinkolanti-Kundizzjonijiet

      (Artikolu 108(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 19(1))

    1.  Deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tirrendi vinkolanti l-impenji aċċettati minn Stat Membru sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti tippresupponi neċessarjament li l-Kummissjoni tkun wettqet minn qabel evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna kkonċernata mas-suq intern u, wara li ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni mibgħuta mill-Istat Membru kkonċernat, waslet għall-konklużjoni li din l-iskema ma hijiex, jew ma għadhiex, kompatibbli mas-suq intern u li, għaldaqstant, miżuri utli huma neċessarji sabiex tiġi rrimedjata din l-inkompatibbiltà. L-evalwazzjoni li l-Kummissjoni wettqet b’dan il-mod u l-konklużjoni li hija waslet għaliha ma jistgħux jitneħħew mill-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni, ħlief jekk jiġi ppreġudikat id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif iggarantit permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti.

      Issa, deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tirrendi vinkolanti l-impenji aċċettati minn Stat Membru sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti b’applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE], flimkien mal-Artikolu 19(1) tal-imsemmi regolament, sa fejn hija bbażata fuq il-konstatazzjoni minn qabel tal-inkompatibbiltà mas-suq intern ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti, tista’ tippreġudika l-interessi tal-benefiċjarji ta’ din l-iskema. Id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti jippresupponi għaldaqstant li dawn ikunu jistgħu jikkontestaw, f’rikors dirett kontra tali deċiżjoni, ukoll l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni ta’ din l-iskema kif ukoll il-konklużjoni ta’ din l-istituzzjoni li l-imsemmija skema ma hijiex kompatibbli mas-suq intern u li, għalhekk, miżuri utli huma neċessarji sabiex tiġi rrimedjata din l-inkompatibbiltà.

      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata bl-argument li l-evalwazzjoni kontenzjuża ma hijiex ta’ natura definittiva. Huwa minnu li l-proċedura ta’ eżami tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 108(1) TFUE ma twassalx għal konstatazzjoni formali ta’ inkompatibbiltà. Jibqa’ l-fatt li l-konklużjoni li l-iskema ta’ għajnuna eżistenti hija inkompatibbli mas-suq intern kif ukoll il-proposta ta’ miżuri utli li hija timplika neċessarjament jipproduċu, ladarba l-Kummissjoni tkun ħadet nota tal-aċċettazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat ta’ dawn il-miżuri, l-istess effetti legali bħal dawk ta’ tali konstatazzjoni formali fir-rigward ta’ dan l-Istat.

      (ara l-punti 38-40, 43, 50-52)

    2.  Miżuri intermedjarji, li l-għan tagħhom huwa li tiġi ppreparata deċiżjoni finali, ma jikkostitwixxux, bħala prinċipju, atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Fil-fatt, rikors għal annullament ippreżentat kontra atti li jesprimu opinjoni provviżorja tal-Kummissjoni, jista’ jobbliga lill-qorti tal-Unjoni sabiex twettaq evalwazzjoni fuq il-kwistjonijiet li fuqhom l-istituzzjoni kkonċernata għad ma kellhiex l-opportunità tesprimi ruħha u, b’hekk, tinħoloq antiċipazzjoni ta’ dibattiti fuq il-mertu u konfużjoni tal-fażijiet differenti tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji.

      Bl-istess mod, att intermedju lanqas ma jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors jekk jiġi stabbilit li l-illegalità li huwa vvizzjat biha dan l-att tista’ tiġi invokata insostenn ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali li għaliha jikkostitwixxi att ta’ tfassil. F’tali ċirkustanzi, ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li ttemm il-proċedura jiżgura protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti. L-istess jgħodd fir-rigward ta’ ittra tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE], li tesprimi dubji rigward il-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq intern u li tipproponi miżuri utli, ladarba din l-ittra tikkostitwixxi l-ewwel stadju tat-tfassil ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà mas-suq intern tal-iskema ta’ għajnuna u ladarba dawn id-dubji ġew ikkonfermati permezz ta’ din id-deċiżjoni. Għalhekk, rikorrent ma jistax jiġi prekluż milli jinvoka illegalità li tivvizzja l-evalwazzjoni li tinsab f’din l-ittra insostenn tar-rikors tiegħu kontra l-imsemmija deċiżjoni.

      (ara l-punti 44-48)

    3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 53)

    4.  Il-miżuri utli li l-Kummissjoni tipproponi skont l-Artikolu 108(1) TFUE, sa fejn huma aċċettati minn Stat Membru, għandhom effett vinkolanti fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru, kif tipprevedi t-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE]. Madankollu, din l-aċċettazzjoni tipproduċi effetti legali biss jekk tkun ġiet ikkomunikata lil din l-istituzzjoni u jekk din tkun ħadet nota u informat b’dan lill-imsemmi Stat Membru, b’mod konformi mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 19(1) ta’ dan ir-regolament.

      (ara l-punt 63)

    Top