This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CJ0404
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ April 2016.
Pál Aranyosi u Robert Căldăraru.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Motivi għal rifjut ta’ eżekuzzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 4 – Projbizzjoni ta’ trattament inuman jew degradanti – Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Stat Membru emittenti.
Kawżi magħquda C-404/15 u C-659/15 PPU.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ April 2016.
Pál Aranyosi u Robert Căldăraru.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Motivi għal rifjut ta’ eżekuzzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 4 – Projbizzjoni ta’ trattament inuman jew degradanti – Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Stat Membru emittenti.
Kawżi magħquda C-404/15 u C-659/15 PPU.
Court reports – general
Kawżi magħquda C‑404/15 u C‑659/15 PPU
Pál Aranyosi
u
Robert Căldăraru
(talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI — Mandat ta’ arrest Ewropew — Motivi għal rifjut ta’ eżekuzzjoni — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 4 — Projbizzjoni ta’ trattament inuman jew degradanti — Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Stat Membru emittenti”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ April 2016
Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku – Portata
(Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI, Premessa 6 u Artikolu 1(2))
Drittijiet fundamentali – Projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti – Portata
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 4 u 51(1))
Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti – Obbligu impost fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti u tal-eżekuzzjoni li josservaw id-drittijiet u l-prinċipji legali fundamentali – Portata – Limiti
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 4 u 51(1); Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299)
Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Artikolu 15(2) – Konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti – Konsegwenzi
(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikoli 7 u 15(2))
Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti – detenzjoni tal-persuna kkonċernata – Kundizzjonijiet
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 6, 48 u 52(1); Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI, Artikoli 12 u 17(5))
Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti – Obbligu tar-rispett tad-drittijiet u l-prinċipji legali fundamentali – Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Stat Membru emittenti – Riskju ta’ trattament inuman jew degradanti – Verifika mill-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni – Konsegwenzi
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 4 u 51(1); Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI, Artikoli 1(3), 5, 6(1) u 7)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 77-79, 82)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 85-87)
L-osservanza tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, dwar il-projbizzjoni ta’ pieni u trattamenti inumani jew degradanti, hija imposta, kif jirriżulta mill-Artikolu 51(1) tagħha, fuq l-Istati Membri u, konsegwentement fuq il-qrati tagħhom, meta dawn jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, li huwa l-każ meta tal-awtorità ġudizzjarja emittenti u l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Deċiżjoni Qafas. Minn dan isegwi li, meta l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni jkollha għad-dispożizzjoni tagħha provi li juru li hemm riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti ta’ persuni li jinżammu f’detenzjoni fl-Istat Membru emittenti, fir-rigward tal-istandard ta’ protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 4 tal-Karta, hija għandha tevalwa l-eżistenza ta’ dan ir-riskju meta hija tiddeċiedi l-konsenja lill-awtoritajiet tal-Istat Membru emittenti tal-persuna kkonċernata minn mandat ta’ arrest Ewropew. Fil-fatt, l-eżekuzzjoni ta’ tali mandat ma għandhiex twassal għal trattament inuman jew degradanti ta’ din il-persuna. Għal dan il-għan, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, qabel kollox, tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament vverifikati dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni li huma prevalenti fl-Istat Membru emittenti u li juru r-realtà ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati, jew li jolqtu ċerti gruppi ta’ persuni, jew ukoll ċerti ċentri ta’ detenzjoni. Dawn l-elementi jistgħu jirriżultaw b’mod partikolari minn deċiżjonijiet ġudizzjarji internazzjonali, bħalma huma s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, minn deċiżjonijiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti kif ukoll minn deċiżjonijiet, minn rapporti u minn dokumenti oħra stabbiliti mill-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa jew li jaqgħu taħt is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti. Madankollu, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti minħabba l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti ma għandux iwassal, bħala tali, għar-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Fil-fatt, ġaladarba tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ tali riskju, jibqa’ neċessarju, imbagħad, li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tevalwa, b’mod konkret u preċiż, jekk jeżistux raġunijiet serji u kkonfermati li jġiegħluha taħseb li l-persuna kkonċernata tkun ser tgħaddi minn dan ir-riskju minħabba l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni tagħha li jeżistu fl-Istat Membru emittenti. Is-sempliċi fatt li jeżistu elementi li jixhdu fallimenti sistemiċi jew iġġeneralizzati, jew li jmissu ċerti gruppi, jew ukoll ċerti ċentri ta’ detenzjoni f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Stat Membru emittenti ma jimplikax, fil-fatt, neċessarjament li, f’każ konkret, il-persuna kkonċernata tkun ser tiġi suġġetta għal trattament inuman jew degradanti fil-każ ta’ konsenja lill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru. Konsegwentement, bil-għan li tiġi ggarantita l-osservanza tal-Artikolu 4 tal-Karta fil-każ indivdiwali tal-persuna li tkun suġġetta għall-mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, li jkollha quddiemha elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati li jixhdu l-eżistenza ta’ tali nuqqasijiet, għandha tivverifika jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, jeżistux raġunijiet serji u kkonfermati li jġielgħuha temmen li, wara l-konsenja tiegħu lill-Istat Membru emittenti, din il-persuna tkun qed tirriskja realment li f’dan l-Istat Membru tiġi suġġetta għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens ta’ dan l-artikolu.
(ara l-punti 84, 88, 89, 91-94 u d-dispożttiv.)
L-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru għandha, skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri kif emendata mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, titlob lill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti l-għoti b’urġenza ta’ kull informazzjoni addizzjonali neċessarja f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom tkun ser tinżamm f’detenzjoni l-persuna kkonċernata f’dan l-Istat Membru. Din it-talba tista’ tirrigwarda wkoll l-eżistenza, fl-Istat Membru emittenti, ta’ proċeduri eventwali u mekkaniżmi nazzjonali jew internazzjonali ta’ kontroll tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni marbuta, pereżempju, ma’ żjarat fi stabbilimenti penitenzjarji, li jippermettu li jiġi evalwat l-istat attwali tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni f’dawn l-istabbilimenti. Konformement mal-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tiffissa data limitu għar-riċezzjoni ta’ informazzjoni addizzjonali invokata mill-awtorità ġudizzjarja emittenti. Dan it-terminu għandu jiġi adattat għal dan il-każ, sabiex jitħalla biżżejjed żmien għal din l-awtorità tal-aħħar sabiex tiġbor l-imsemmija informazzjoni, jekk ikun hemm bżonn billi tintalab l-assistenza għal dan il-fini tal-awtorità ċentrali jew ta’ waħda mill-awtoritajiet ċentrali tal-Istat Membru emittenti, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas. Skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas, l-imsemmi terminu għandu madankollu jieħu inkunsiderazzjoni n-neċessità ta’ osservanza tat-termini ffissati fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas. L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tipprovdi din l-informazzjoni lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni. Jekk, fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas, kif ukoll tal-informazzjoni kollha l-oħra li għandha l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, din l-awtorità tikkonstata li jeżisti, fir-rigward tal-persuna li hija suġġetta għall-mandat ta’ arrest Ewropew, riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti, l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat għandha tiġi posposta iżda mhux abbandunata. Fl-ipoteżi fejn l-informazzjoni rċevuta mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni mill-awtorità ġudizzjarja emittenti twassal għall-evitar ta’ riskju reali li l-persuna kkonċernata tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti fl-Istat Membru emittenti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tadotta, fit-terminu mogħti mid-Deċiżjoni Qafas, id-deċiżjoni tagħha fuq l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, mingħajr ħsara għall-possibbiltà għall-persuna kkonċernata, ladarba tiġi kkonsenjata, li tirrikorri, taħt l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru emittenti, għar-rimedji li bihom tkun tista’ tikkontesta, jekk ikun il-każ, il-legalità tal-kundizzjonijiet tad-detenzjoni tagħha fi stabbiliment penitenzjarju ta’ dan l-Istat Membru Jekk l-eżistenza ta’ dan ir-riskju ma tkunx tista’ tiġi eskluża f’terminu raġonevoli, din l-awtorità għandha tiddeċiedi jekk għandhiex tintemm il-proċedura ta’ konsenja.
(ara l-punti 95-98, 103 u d-dispożttiv.)
Konformement mal-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tiddeċiedi li żżomm f’detenzjoni lill-persuna kkonċernata biss sakemm il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tkun ġiet immexxija b’mod diliġenti biżżejjed u, għaldaqstant, li t-tul tad-detenzjoni ma jkollux natura eċċessiva. Din l-awtorità għandha tieħu debitament inkunsiderazzjoni, fir-rigward tal-persuni suġġetti għal mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni, tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza ggarantiti mill-Artikolu 48 tal-Karta. F’dan ir-rigward, l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni għandha tosserva r-rekwiżit ta’ proporzjonalità, previst fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, fir-rigward tal-limitazzjoni ta’ kull dritt jew ta’ kull libertà rrikonoxxuti minnha. Fil-fatt, il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma jiġġustifikax iż-żamma tal-persuna kkonċernata f’detenzjoni mingħajr ebda limitu ta’ żmien. Fi kwalunkwe każ, anki jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikkonkludi, li hija għandha l-obbligu li twaqqaf id-detenzjoni tal-persuna rikjesta, hija għandha, bis-saħħa tal-Artikoli 12 u 17(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri kif emendata mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tissuġġetta l-libertà provviżorja ta’ din il-persuna għal kwalunkwe miżura li hija tqis neċessarja sabiex jiġi evitat li din il-persuna taħrab u sabiex tiżgura ruħha li l-kundizzjonijiet materjali neċessarji għall-konsenja effettiva tagħha jibqgħu ssodisfatti sakemm tingħata deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.
(ara l-punti 100-102)
L-Artikoli 1(3), 5 u 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-preżenza ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati li jixhdu l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati, li jolqtu jew ċerti gruppi ta’ persuni jew ukoll ċerti ċentri ta’ detenzjoni f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tivverifika, b’mod konkret u preċiż, jekk jeżistux raġunijiet serji u kkonfermati li jġiegħluha temmen li l-persuna kkonċernata minn mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ prosekuzzjoni kriminali jew tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija tkun ser tinsab, minħabba l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni tagħha f’dan l-Istat Membru, f’riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fil-każ ta’ konsenja lill-imsemmi Stat Membru. Għal dan il-għan, hija għandha titlob li tingħata informazzjoni addizzjonali mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, li wara, jekk ikun hemm bżonn, li titlob l-assistenza tal-awtorità ċentrali jew ta’ waħda mill-awtoritajiet ċentrali tal-Istat Membru emittenti, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, għandha tikkomunika din l-informazzjoni fit-terminu ffissat f’tali talba. L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tipposponi d-deċiżjoni tagħha fuq il-konsenja tal-persuna kkonċernata sa meta hija tikseb l-informazzjoni addizzjonali li tippermettilha li teskludi l-eżistenza ta’ tali riskju.
(ara d-dispożittiv)