Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0356

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-11 ta’ Lulju 2018.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikoli 11 u 12 kif ukoll l-Artikolu 76(6) – Regolament (KE) Nru 987/2009 – Artikolu 5 – Kollokament ta’ ħaddiem – Affiljazzjoni ma’ skema ta’ sigurtà soċjali – Ġlieda kontra l-frodi – Ċertifikat A1 – Rifjut ta’ rikonoxximent mill-Istat Membru tal-eżerċizzju tal-attività professjonali f’każ ta’ frodi jew ta’ abbuż.
Kawża C-356/15.

Kawża C-356/15

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju tal-Belġju

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikoli 11 u 12 kif ukoll l-Artikolu 76(6) – Regolament (KE) Nru 987/2009 – Artikolu 5 – Kollokament ta’ ħaddiem – Affiljazzjoni ma’ skema ta’ sigurtà soċjali – Ġlieda kontra l-frodi – Ċertifikat A1 – Rifjut ta’ rikonoxximent mill-Istat Membru tal-eżerċizzju tal-attività professjonali f’każ ta’ frodi jew ta’ abbuż”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-11 ta’ Lulju 2018

  1. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Prova tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Oneru li jaqa’ fuq il-Kummissjoni – Preżunzjonijiet – Inammissibbiltà – Produzzjoni ta’ elementi li juru n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

    (Artikolu 258 TFUE)

  2. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Rikors promotur – Dikjarazzjoni tal-ilmenti u tal-motivi – Rekwiżiti formali – Formulazzjoni inekwivokabbli tat-talbiet

    [Artikolu 258 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 120(c)]

  3. Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Leġiżlazzjoni applikabbli – Impjegati kkollokati fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih hija stabbilita l-perunsa li timpjega – Ċertifikat A 1 maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ta’ stabbiliment – Saħħa probatorja fir-rigward tal-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-Istati membri l-oħra – Limiti – Obbligu ta’ kunsiderazzjoni mill-ġdid f’każ ta’ dubji espressi minn istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor – Proċedura ta’ konċiljazzjoni quddiem il-kummissjoni amministrattiva tas-sigurtà soċjali f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil – Proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu f’każ ta’ nuqqas ta’ konċiljazzjoni

    (Artikolu 4(3) TUE ; Artikolu 259 TFUE ; Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2004, Artikolu 12(1) u Nru 987/2009, Artikolu 5(1).

  4. Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Leġiżlazzjoni applikabbli – Impjegati kkollokati fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih hija stabbilita l-perunsa li timpjega – Ċertifikat A 1 maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ta’ stabbiliment – Saħħa probatorja fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali ta’ Stati Membri oħra kif ukoll qrati ta’ dawn tal-aħħar – Ċertifikat miksub b’mod frawdolenti – Dritt tal-qorti tal-Istat Membru ta’ kollokament li twarrab iċ-ċertifikat – Kundizzjonijiet – Leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ kollokament li tawtorizza l-istituzzjonijiet tagħha jiddikjaraw invalidu l-imsemmi ċertifikat u li jissottomettu unilateralment l-impjegati kkollokati għas-sistema tiegħu ta’ sigurtà soċjali – Inammissibbiltà

    (Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2004, Artikolu 11(1), 12(1), u 76(6), u Nru 987/2009)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 25, 26)

  2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 32-34)

  3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 86, 87, 89-92)

  4.  F’każ ta’ żball, anki manifest, ta’ evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament Nru 465/2012, u anki jekk ikun il-każ li l-kundizzjonijiet tal-attività tal-ħaddiema kkonċernati ma jkunux jidħlu manifestament fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-dispożizzjoni li abbażi tagħha jkun inħareġ iċ-ċertifikat A 1, għandha tiġi osservata l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jiġi riżolt tilwim possibbli bejn l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri kkonċernati marbuta mal-validità u l-eżattezza ta’ ċertifikat A 1.

    Li kieku kellu jiġi aċċettat li l-Istat Membru li fih ikun ikkollokat il-ħaddiem jista’ jadotta leġiżlazzjoni li tawtorizza lill-istituzzjonijiet propji tiegħu li b’mod unilaterali jiddikjaraw invalidu ċertifikat A1 billi jiftħu proċeduri quddiem qorti ta’ dan l-istess Stat Membru, dan jista’ jikkomprometti s-sistema bbażata fuq il-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri. Għaldaqstant, sakemm ma jiġix irtirat jew iddikjarat invalidu, iċ-ċertifikat A1 għandu, fil-prinċipju, jiġi rrispettat fis-sistema ġuridika interna tal-Istat Membru li fih jiġu kkollokati l-ħaddiema kkonċernati u, b’hekk, jorbot l-istituzzjonijiet tiegħu.

    Konsegwentement, leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ kollokament, li tawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti jissuġġettaw b’mod unilaterali ħaddiem għal-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru fil-qasam tas-sigurtà soċjali tmur kontra l-prinċipju tal-affiljazzjoni tal-ħaddiema impjegati għal skema ta’ sigurtà soċjali waħda, stabbilit fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 883/2004, kif ukoll kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali li jirrikjedi, b’mod partikolari, li l-leġiżlazzjoni għandha tkun ċara, preċiża u prevedibbli fl-effetti tagħha, partikolarment meta din jista’ jkollha konsegwenzi sfavorevoli fil-konfront tal-individwi u l-impriżi.

    L-imsemmija leġiżlazzjoni lanqas ma hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 883/2004 u 987/2009 li jirregolaw il-proċedura li għandha tiġi segwita f’każ ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, b’mod partikolari meta l-Istat Membru li fih ikun ikkollokat il-ħaddiem iqis li ma humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004.

    Fir-rigward tal-possibbiltà li jitwarrab ċertifikat A 1 miksub b’mod frawdolenti, meta, fil-kuntest ta’ djalogu previst fl-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004, l-istituzzjoni tal-Istat Membru li fih ġew ikkollokati l-ħaddiema tadixxi lill-istituzzjoni li tkun ħarġet iċ-Ċertifikati A1 b’elementi konkreti li jagħtu x’wieħed jaħseb li dawn iċ-ċertifikati nkisbu b’mod frawdolenti, hija t-tieni istituzzjoni, skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, li għandha teżamina mill-ġdid, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-fondatezza tal-ħruġ tal-imsemmija ċertifikati u, jekk ikun il-każ, li tirtirahom.

    Jekk din l-aħħar istituzzjoni tastjeni milli tipproċedi għal tali eżami mill-ġdid f’terminu raġonevoli, l-imsemmija provi għandhom ikunu jistgħu jiġu invokati fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja bil-għan li tinkiseb mill-qorti tal-Istat Membru li fih ġew ikkollokati l-ħaddiema li tinjora ċ-ċertifikati inkwistjoni.

    Issa, il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ kollokament iċċitata iktar ’il fuq ma kinitx tissodisfa l-imsemmija kundizzjonijiet.

    Fil-fatt, minn naħa, din il-leġiżlazzjoni ma tipprevedi l-ebda obbligu sabiex tinbeda proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni prevista mir-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija leġiżlazzjoni ma ma hijiex limitata sabiex tagħti lil qorti nazzjonali waħda s-setgħa li tikkonstata l-eżistenza ta’ frodi u li, għal din ir-raġuni, tinjora ċertifikat A 1 iżda tipprovdi li, lil hinn minn kull proċedura ġudizzjarja, l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali kif ukoll l-ispetturi soċjali għandhom jiddeċiedu li jissuġġettaw il-ħaddiema kkollokati għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru fil-qasam tas-sigurtà soċjali.

    (ara l-punti 93-96, 100, 101, 104, 105)

Top