Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0348

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ Novembru 2016.
Stadt Wiener Neustadt vs Niederösterreichische Landesregierung.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent – Direttiva 85/337/KEE – Direttiva 2011/92/UE – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘att speċifiku ta’ leġislazzjoni nazzjonali’ – Nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent – Awtorizzazzjoni definittiva – Regolarizzazzjoni leġiżlattiva a posteriori tan-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent – Prinċipju ta’ koperazzjoni – Artikolu 4 TUE.
Kawża C-348/15.

Court reports – general

Kawża C-348/15

Stadt Wiener Neustadt

vs

Niederösterreichische Landesregierung

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent – Direttiva 85/337/KEE – Direttiva 2011/92/UE – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘att speċifiku ta’ leġislazzjoni nazzjonali’ – Nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent – Awtorizzazzjoni definittiva – Regolarizzazzjoni leġiżlattiva a posteriori tan-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent – Prinċipju ta’ koperazzjoni – Artikolu 4 TUE”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ Novembru 2016

  1. Ambjent–Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent–Direttiva 85/337–Kamp ta’ applikazzjoni–Proġett adottat permezz ta’ att leġiżlattiv nazzjonali–Esklużjoni–Kundizzjonijiet–Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

    (Direttiva tal-Kunsill 85/337, kif emendata bid-Direttiva 97/11, Artikolu 1(2) u (5))

  2. Ambjent–Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent–Direttiva 85/337–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tassimila l-effetti ta’ permess ta’ regularizzazzjoni a posteriori ma’ dawk ta’ permess tal-ippjanar li jinħareġ qabel it-twettiq tax-xogħolijiet–Inammissibbiltà

    (Direttiva tal-Kunsill 85/337, kif emendata bid-Direttiva 97/11, Artikolu 2(1))

  3. Dritt tal-Unjoni Ewropea–Effett dirett–Modalitajiet proċedurali nazzjonali–Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni–Osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività–Assenza, fid-dritt tal-Unjoni, ta’ regoli marbuta mat-termini għall-preżentata tar-rikors kontra l-awtorizzazzjonijiet mogħtija bi ksur tal-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent–Stabbiliment mill-Istati Membri kkonċernat ta’ terminu raġonevoli għall-preżentata ta’ rikors–Ammissibbiltà

    (Direttiva tal-Kunsill 85/337, kif emendata bid-Direttiva 97/11, Artikolu 2(1))

  4. Ambjent–Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent–Direttiva 85/337–Kamp ta’ applikazzjoni–Proġett adottat abbażi ta’ deċiżjoni adottata bi ksur tal-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, iżda madnakollu meqjus bħala konformi mad-dritt nazzjonali–Inklużjoni–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal regularizzazzjoni a posteriori tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni–Inammissibbiltà

    (Direttiva tal-Kunsill 85/337, kif emendata bid-Direttiva 97/11, Artikolu 1(5))

  5. Ambjent–Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent–Direttiva 85/337–Obbligu għall-awtoritajiet kompetenti li jwettqu l-evalwazzjoni qabel l-awtorizzazzjoni–Nuqqas ta’ evalwazzjoni–Obbligu tal-awtoritajiet li tirrimedja dan in-nuqqas–Portata–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tostakola il-preżentata ta’ azzjoni għal kumpens minkejja li ma jkunx skada t-terminu previst mid-dritt nazzjonali–Inammissibbiltà

    (Artikolu 4(3) TUE; Direttiva tal-Kunsill 85/337, kif emendata bid-Direttiva 97/11, Artikolu 2(1))

  1.  L-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11, jissuġġetta l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għal żewġ kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, il-proġett għandu jiġi adottat fid-dettall permezz ta’ att leġiżlattiv speċifiku. Fit-tieni lok, l-għanijiet ta’ din id-direttiva, inklużi dawk tal-provvista ta’ informazzjoni, għandhom jintlaħqu permezz tal-proċedura leġiżlattiva.

    L-ewwel kundizzjoni timplika li l-att leġiżlattiv ikun jinkludi l-istess karatteristiċi bħall-awtorizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337. B’mod partikolari dan għandu jagħti d-dritt lill-iżviluppatur li jwettaq il-proġett u għandu jinkludi, skont awtorizzazzjoni, wara it-teħid inkunsiderazzjoni tagħha mil-leġiżlatur, l-elementi kollha rilevanti tal-proġett fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. B’hekk, l-att leġiżlattiv għandu jikkonferma li l-għanijiet tad-Direttiva 85/337 intlaħqu fir-rigward tal-proġett ikkonċernat. Dan ma jkunx il-każ meta l-att ma jkunx jinkludi l-elementi neċessarji għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-awtorizzazzjoni ta’ dan il-proġett fuq l-ambjent.

    It-tieni kundizzjoni timplika li l-għanijiet tad-Direttiva 85/337 għandhom jintlaħqu permezz tal-proċedura leġiżlattiva. Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, fil-mument tal-adozzjoni tal-proġett, informazzjoni suffiċjenti. F’dan ir-rigward, l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-iżviluppatur għandha tinkludi minn tal-inqas deskrizzjoni tal-proġett li tinkludi informazzjoni dwar is-sit, id-disinn u d-daqs tiegħu, deskrizzjoni tal-miżuri maħsuba sabiex jiġu evitati u jitnaqqsu l-effetti negattivi sinjifikattivi u, jekk huwa possibbli, li jiġu kkumpensati, kif ukoll l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġu identifikati u evalwati l-effetti prinċipali li l-proġett jista’ jkollu fuq l-ambjent.

    Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk humiex osservati l-kundizzjonijiet, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-kontenut tal-att leġiżlattiv adottat kif ukoll il-proċedura leġiżlattiva kollha li tkun wasslet għall-adozzjoni tiegħu u b’mod partikolari l-atti preparatorji u d-dibattiti parlamentari.

    (ara l-punti 26-31)

  2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 36, 37)

  3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 40-42)

  4.  L-Artikolu 1(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 97/11, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, proġett previst minn dispożizzjoni leġiżlattiva bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha proġett li jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni adottata bi ksur tal-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, li fir-rigward tagħha jkun skada t-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament, għandu jitqies bħala legalment awtorizzat. Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi tali dispożizzjoni leġiżlattiva safejn din tipprovdi li għandu jitqies li twettqet evalwazzjoni preliminari tal-effetti fuq l-ambjent għali tali proġett.

    Fil-fatt, ma tkunx kompatibbli ma’ din id-direttiva, dispożizzjoni nazzjonali li minnha jirriżulta, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li l-proġetti li l-awtorizzazzjoni tagħhom ma tkunx għadha suxxettibbli għal rikors ġudizzjarju dirett, minħabba l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, huma purament u sempliċiment meqjusa bħala legalment awtorizzati fir-rigward tal-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. F’dan ir-rigward, id-Direttiva 85/337 tipprekludi bħala tali dispożizzjoni ta’ din in-natura, minħabba li din tal-aħħar għandha l-effett legali li teżenta lill-awtoritajiet kompetenti mill-obbligu li jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li proġett fis-sens ta’ din id-direttiva twettaq mingħajr ma saret evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent u mill-obbligu li jiżguraw li tali evalwazzjoni titwettaq, meta x-xogħolijiet jew l-interventi fiżiċi marbuta ma’ dan il-proġett ikunu jirrikjedu awtorizzazzjoni ulterjuri.

    (ara l-punti 43, 44, 49 u d-dispożittiv)

  5.  L-Istati Membri huma obbligati li jipprovdu kumpens għal kull preġudizzju kkawżat mill-omissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Għal dan l-għan, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaddottaw kull miżura ġenerali jew partikolari bil-għan li jipprovdu kumpens għal tali omissjoni.

    F’dan ir-rigward, għalkemm il-kundizzjoniijet ta’ tali azzjoni għal kumpens, b’mod partikolari dawk marbuta mal-punt dwar jekk kull illegalità għandhiex tiġi kkunsidrata bħala nuqqas kif ukoll dawk relatati mal-kundizzjonijiet ta’ stabbiliment ta’ rabta kawżali, jaqgħu, fl-assenza ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, taħt id-dritt nazzjonali, u għalkemm tali azzjoni tista’, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tkun suġġetta għal ċertu terminu, mingħajr ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, xorta jibqa’ l-fatt li din l-azzjoni għandha tkun tista’, skont il-prinċipju ta’ effettività, tiġi eżerċitata f’kundizzjonijiet raġjonevoli. Minn dak li ntqal jirriżulta li, jekk dispożizzjoni nazzjonali tipprekludi, wara l-iskadenza ta’ terminu partikolari, kull azzjoni għal kumpens għall-ksur tal-obbligi ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, prevista fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337, dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 97/11, anki meta jkun għadu ma skadiex it-terminu għall-preżentata ta’ rikors li għalih id-dritt nazzjonali jissuġġetta l-azzjoni għal kumpens, din tkun, għal din l-istess raġuni, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni

    (ara l-punti 45-48)

Top