Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0342

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Marzu 2017.
    Leopoldine Gertraud Piringer.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi mill-avukati – Possibbiltà għall-Istati Membri li jirriżervaw għal kategoriji speċifiċi ta’ avukati l-preparazzjoni ta’ atti awtentiċi li jirrigwardaw il-ħolqien jew it-trasferiment ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirrikjedi li l-awtentiċità tal-firma ta’ talba għal inklużjoni fir-reġistru tal-artijiet tkun iċċertifikata minn nutar.
    Kawża C-342/15.

    Court reports – general

    Kawża C‑342/15

    Leopoldine Gertraud Piringer

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi mill-avukati – Possibbiltà għall-Istati Membri li jirriżervaw għal kategoriji speċifiċi ta’ avukati l-preparazzjoni ta’ atti awtentiċi li jirrigwardaw il-ħolqien jew it-trasferiment ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirrikjedi li l-awtentiċità tal-firma ta’ talba għal inklużjoni fir-reġistru tal-artijiet tkun iċċertifikata minn nutar”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Marzu 2017

    1. Libertà li jiġu pprovduti servizzi–Avukati–Direttiva 77/249–Kamp ta’ applikazzjoni–Derogi–Possibbiltà għall-Istati Membri li jirriżervaw il-preparazzjoni ta’ atti awtentiċi fil-qasam tal-proprjetà immobbli għal kategoriji speċifiċi ta’ avukati–Applikazzjoni fil-każ ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi li l-awtentiċità tal-firma ta’ talba għal inklużjoni fir-reġistru tal-artijiet tkun iċċertifikata minn nutar–Esklużjoni

      (Artikolu 56 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 77/249, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1))

    2. Libertà li jiġu pprovduti servizzi–Derogi–Attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika–Kunċett–Awtentikazzjoni notarili tal-firma ta’ talba għal inklużjoni fir-reġistru tal-artijiet–Esklużjoni

      (Artikoli 51 TFUE, 52 TFUE u 62 TFUE)

    3. Libertà li jiġu pprovduti servizzi–Restrizzjonijiet–Servizzi legali–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi li l-awtentiċità tal-firma ta’ talba għal inklużjoni fir-reġistru tal-artijiet tkun iċċertifikata minn nutar–Ammissibbiltà

      (Artikolu 56 TFUE)

    1.  It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE, tat-22 ta’ Marzu 1977, biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva għan-nutara l-awtentikazzjoni tal-firem magħmula fuq id-dokumenti meħtieġa għall-ħolqien jew għat-trasferiment ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli u li teskludi, minħabba dan il-fatt, il-possibbiltà li tiġi rrikonoxxuta f’dan l-Istat Membru tali awtentikazzjoni mwettqa minn avukat stabbilit fi Stat Membru ieħor.

      Issa, għandu jiġi kkonstatat li d-deroga prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/249 ma tkoprix, b’mod ġenerali, il-kategoriji varji ta’ professjonijiet legali, b’tali mod li l-Istati Membri għandhom id-dritt, billi jinvokaw din id-dispożizzjoni, jillimitaw l-eżerċizzju tal-attività ta’ preparazzjoni ta’ atti awtentiċi li jirrigwardaw il-ħolqien jew it-trasferiment ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli għal ċerti kategoriji ta’ professjonijiet legali, bħan-nutara, u b’hekk jipprojbixxu lill-avukati barranin milli jeżerċitaw l-attivitajiet inkwistjoni fit-territorju tal-imsemmija Stati Membri. Għaldaqstant, l-imsemmija deroga għandha l-għan, kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, li tevita li l-avukati ta’ Stati Membri oħra jkunu jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet ikkonċernati fir-Renju Unit jew fl-Irlanda. F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li d-deroga stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/249 tkopri biss kategoriji speċifiċi ta’ avukati, awtorizzati mill-Istat Membru kkonċernat sabiex jeżerċitaw l-attivitajiet professjonali tagħhom taħt wieħed mit-titoli identifikati speċifikament mid-Direttiva stess, u ma tkoprix professjonijiet li ma humiex dik ta’ avukat, għandu jiġi konkluż li l-imsemmija dispożizzjoni ma tapplikax għaċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali.

      (ara l-punti 40, 44, 46, 47 u d-dispożittiv 1)

    2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 53 sa 55)

    3.  L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva għan-nutara l-awtentikazzjoni tal-firem magħmula fuq id-dokumenti meħtieġa għall-ħolqien jew għat-trasferiment ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli u li teskludi, minħabba dan il-fatt, il-possibbiltà li tiġi rrikonoxxuta fl-imsemmi Stat Membru tali awtentikazzjoni mwettqa minn avukat skont id-dritt nazzjonali tiegħu, stabbilit fi Stat Membru ieħor.

      Issa, sa fejn hija ma tippermettix li tiġi rrikonoxxuta l-awtentikazzjoni ta’ firma mwettqa minn avukat stabbilit fi Stat Membru ieħor, f’dan il-każ ir-Repubblika Ċeka, fejn, skont id-dritt nazzjonali, huwa jipprovdi legalment servizzi simili, tali riżerva ta’ kompetenza hija ta’ natura li tipprekludi tali professjonist milli joffri dan it-tip ta’ servizz lil klijenti li jkollhom l-intenzjoni li jibbenefikaw minnu fl-Awstrija. Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza, tali riżerva ta’ kompetenza tillimita wkoll il-libertà ta’ ċittadin Awstrijak, bħala destinatarju ta’ tali servizz, li jmur fir-Repubblika Ċeka sabiex hemmhekk jibbenefika minn servizz li ma jistax jintuża fl-Awstrija għall-finijiet tal-inklużjoni fir-reġistru tal-artijiet. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 56 TFUE.

      Issa, minn naħa, kif jenfasizzaw b’mod partikolari l-Gvern Awstrijak u l-Gvern Ġermaniż, għandu jiġi osservat li r-reġistru tal-artijiet għandu, partikolarment f’ċerti Stati Membri li għandhom notarjat taħt id-dritt ċivili, importanza deċiżiva b’mod partikolari fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli. B’mod partikolari, kull inklużjoni fir-reġistru tal-artijiet, bħar-reġistru tal-artijiet Awstrijak, tipproduċi effetti kostituttivi, fis-sens li d-dritt tal-persuna li tkun talbet din l-inklużjoni jinħoloq biss permezz ta’ din tal-aħħar. Iż-żamma tar-reġistru tal-artijiet tikkostitwixxi għalhekk element essenzjali tal-amministrazzjoni preventiva tal-ġustizzja fis-sens li din hija intiża li tiżgura applikazzjoni tajba tal-liġi u ċ-ċertezza legali tal-atti konklużi bejn individwi, li jaqgħu taħt il-missjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-Istat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dispożizzjonijiet nazzjonali li jimponi li tiġi vverifikata, permezz ta’ professjonisti ġuramentati, bħan-nutara, l-eżattezza tal-inklużjonijiet f’reġistru tal-artijiet jikkontribwixxu għall-garanzija taċ-ċertezza legali tat-tranżazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli kif ukoll tal-funzjonament tajjeb tar-reġistru tal-artijiet u huma marbuta, b’mod iktar ġenerali, mal-protezzjoni tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1996, Reisebüro Broede,C‑3/95, EU:C:1996:487, punt 36). Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-għanijiet invokati mill-Gvern Awstrijak jikkostitwixxu raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tippermetti li tiġi ġġustifikata leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

      F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-awtoritajiet Awstrijaċi waqt is-seduta f’din il-kawża, l-intervent tan-nutar huwa importanti u neċessarju sabiex issir l-inklużjoni fir-reġistru tal-artijiet, sa fejn il-parteċipazzjoni ta’ dan il-professjonist ma hijiex limitata għall-konferma tal-identità ta’ persuna li ffirmat dokument, iżda timplika wkoll li n-nutar isir jaf bil-kontenut tal-att inkwistjoni sabiex tiġi żgurata r-regolarità tat-tranżazzjoni prevista u tiġi vverifikata l-kapaċità tar-rikorrenti li twettaq atti ġuridiċi.

      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-attivitajiet marbuta mal-awtentikazzjoni tal-atti li jirrigwardaw il-ħolqien jew it-trasferiment ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli jiġu rriżervati għal kategorija partikolari ta’ professjonisti, li fiha hemm il-fiduċja tal-pubbliku u li fuqha l-Istat Membru kkonċernat jeżerċita stħarriġ partikolari, jikkostitwixxi miżura xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-funzjonament tajjeb tas-sistema tar-reġistru tal-artijiet kif ukoll tal-legalità u taċ-ċertezza legali tal-atti konklużi bejn individwi. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-attività ta’ avukati li tikkonsisti f’li tiġi ċċertifikata l-awtentiċità tal-firem magħmula fuq atti ma hijiex komparabbli mal-attività ta’ awtentikazzjoni mwettqa min-nutara u li dispożizzjonijiet iktar stretti jirregolaw is-sistema ta’ awtentikazzjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rinunzja b’mod ġenerali, minħabba raġunijiet relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn avukati, għal funzjonijiet ta’ stħarriġ mill-Istat u għal garanzija effettiva tal-istħarriġ tal-inklużjonijiet fir-reġistru tal-artijiet, twassal sabiex tfixkel il-funzjonament tajjeb tas-sistema tar-reġistru tal-artijiet kif ukoll il-legalità u ċ-ċertezza legali tal-atti konklużi bejn individwi.

      (ara l-punti 51, 52, 58, 59, 62, 64-66, 69 u 71, u d-dispożittiv 2)

    Top