Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0327

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-21 ta’ Diċembru 2016.
    TDC A/S vs Teleklagenævnet u Erhvervs- og Vækstministeriet.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/22/KE – Servizz universali – Artikoli 12 u 13 – Kalkolu tal-ispejjeż tal-obbligi ta’ servizz universali – Artikolu 32 – Kumpens għall-ispejjeż marbuta mas-servizzi obbligatorji addizzjonali – Effett dirett – Artikolu 107(1) TFUE u Artikolu 108(3) TFUE – Servizzi ta’ sigurtà u ta’ emerġenza marittima żgurati fid-Danimarka u fi Greenland – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Tressiq ta’ talba għall-kumpens għall-ispejjeż marbuta mas-servizzi obbligatorji addizzjonali – Terminu ta’ tliet xhur – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.
    Kawża C-327/15.

    Court reports – general

    Kawża C-327/15

    TDC A/S

    vs

    Teleklagenævnet
    u
    Erhvervs- og Vækstministeriet

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Østre Landsret)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/22/KE – Servizz universali – Artikoli 12 u 13 – Kalkolu tal-ispejjeż tal-obbligi ta’ servizz universali – Artikolu 32 – Kumpens għall-ispejjeż marbuta mas-servizzi obbligatorji addizzjonali – Effett dirett – Artikolu 107(1) TFUE u Artikolu 108(3) TFUE – Servizzi ta’ sigurtà u ta’ emerġenza marittima żgurati fid-Danimarka u fi Greenland – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Tressiq ta’ talba għall-kumpens għall-ispejjeż marbuta mas-servizzi obbligatorji addizzjonali – Terminu ta’ tliet xhur – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-21 ta’ Diċembru 2016

    1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi-Servizz universali u drittijiet tal-utenti-Direttiva 2002/22-Kalkolu tal-ispejjeż u finanzjament tal-obbligi ta’ servizz universali-Kumpens għall-ispejjeż marbuta mas-servizzi obbligatorji addizzjonali-Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi d-dritt għall-kumpens fil-każ li, fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu taħt l-obbligi ta’ servizz universali, jiġi ġġenerat bilanċ pożittiv li jkun ikbar mill-bilanċ negattiv marbut mal-provvista tas-servizzi obbligatorji addizzjonali-Inammissibbiltà

      (Artikoli 106(2) TFUE, 107 TFUE u 108 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/22, Artikolu 32)

    2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi-Servizz universali u drittijiet tal-utenti-Direttiva 2002/22-Kalkolu tal-ispejjeż u finanzjament tal-obbligi ta’ servizz universali-Kumpens għall-ispejjeż marbuta mas-servizzi obbligatorji addizzjonali-Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita d-dritt għall-kumpens għall-ispejjeż meqjusa li huma piż mhux iġġustifikat għall-impriża li tipprovdihom-Inammissibbiltà

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/22, Artikolu 32)

    3. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi-Servizz universali u drittijiet tal-utenti-Direttiva 2002/22-Kalkolu tal-ispejjeż u finanzjament tal-obbligi ta’ servizz universali-Kalkolu fuq il-bażi tad-differenza bejn id-dħul kollu u l-ispejjeż kollha marbuta mal-provvista tas-servizz-Inammissibbiltà

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/22, il-punti (a) u (b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 12(1), u t-tieni paragrafu tat-Taqsima A tal-Anness IV)

    4. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi-Servizz universali u drittijiet tal-utenti-Direttiva 2002/22-Applikazzjoni għall-pajjiżi u għat-territorji extra-Ewropej-Esklużjoni-Impatt fuq l-interpretazzjoni tal-obbligi ta’ impriża li tipprovdi servizz universali fi Stat Membru kif ukoll f’pajjiż jew territorju extra-Ewropew-Assenza

      (Artikoli 114 TFUE, u 204 TFUE, u Anness II; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/22, Artikolu 32; Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822)

    5. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi-Servizz universali u drittijiet tal-utenti-Direttiva 2002/22-Kalkolu tal-ispejjeż u finanzjament tal-obbligi ta’ servizz universali-Kumpens għall-ispejjeż marbuta mas-servizzi obbligatorji addizzjonali-Possibbiltà għall-Istati Membri li jġiegħlu lill-impriża li tipprovdihom issostni l-ispejjeż ta’ tali servizzi-Assenza

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/22, Artikolu 32)

    6. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi-Servizz universali u drittijiet tal-utenti-Direttiva 2002/22-Kalkolu tal-ispejjeż u finanzjament tal-obbligi ta’ servizz universali-Tressiq ta’ talbiet għall-kumpens-Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi terminu ta’ tliet xhur-Ammissibbiltà-Kundizzjonijiet

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/22)

    7. Atti tal-istituzzjonijiet-Direttivi-Effett dirett-Konsegwenzi-Possibbiltà li r-regoli nazzjonali dwar it-termini għall-preżentata ta’ rikors jiġu invokati fil-konfront tal-individwi qabel it-traspożizzjoni korretta tad-direttiva-Ammissibbiltà-Kundizzjonijiet

      (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE)

    1.  Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/22, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 32 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi mekkaniżmu ta’ kumpens għall-provvista ta’ servizzi obbligatorji addizzjonali li jipprovdi li impriża ma għandhiex dritt għall-kumpens mill-Istat Membru tal-ispiża netta tal-provvista ta’ servizz obbligatorju addizzjonali meta l-bilanċ pożittiv iġġenerat minn din l-impriża fil-kuntest ta’ servizzi oħra li jaqgħu taħt l-obbligi ta’ servizz universali tagħha jkun ikbar mill-bilanċ negattiv marbut mal-provvista ta’ dan is-servizz obbligatorju addizzjonali

      Fil-fatt, għall-finijiet tal-kumpens eventwalment dovut lil impriża maħtura sabiex tipprovdi servizz universali, għandha ssir distinzjoni bejn l-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali u l-ispiża netta tas-servizzi obbligatorji addizzjonali li ma jaqgħux taħt il-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, il-mekkaniżmi ta’ kumpens previsti fid-Direttiva 2002/22 dwar, minn naħa, is-servizz universali u, min-naħa l-oħra, is-servizzi obbligatorji addizzjonali huma indipendenti minn xulxin u, għalhekk, l-ispiżi netti sostnuti fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn is-servizzi għandhom ikunu s-suġġett ta’ kontabbiltà separata ta’ natura tali li tiggarantixxi li d-dħul iġġenerat fil-kuntest tas-servizz universali ma jidħolx fil-kalkolu tal-ispiża netta tas-servizz obbligatorju addizzjonali u ma jiddeterminax l-għoti tal-kumpens dovut fir-rigward tal-provvista ta’ dan is-servizz tal-aħħar. Ir-rekwiżit ta’ kontabbiltà separata mhux biss jikkontribwixxi għat-trasparenza tal-proċedura ta’ finanzjament tal-obbligi ta’ servizz universali, iżda jippermetti wkoll li jiġi ggarantit li l-finanzjament tas-servizz universali jitwettaq permezz ta’ mezz newtrali mill-perspettiva tal-kompetizzjoni. Tali rekwiżit jiżgura wkoll, konformement mal-premessa 18 tad-Direttiva 2002/22, li l-finanzjament tas-servizz universali u tas-servizzi obbligatorji addizzjonali josserva r-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, il-kumpens mogħti mill-Istati Membri għall-provvista ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali fis-sens tal-Artikolu 106(2) TFUE, bħalma huma s-servizz universali u s-servizz obbligatorju addizzjonali, huwa suġġett għall-osservanza tar-regoli stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE.

      Barra minn hekk, l-osservanza ta’ obbligu li jinżammu kontijiet separati tippermetti li jiġi evitat li d-dħul iġġenerat mill-impriża fil-kuntest tal-obbligi ta’ servizz universali tagħha jittieħed inkunsiderazzjoni darbtejn, minn naħa, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ispiża netta tal-obbligu ta’ servizz universali u, għaldaqstant, tal-kumpens mogħti f’dan ir-rigward u, min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ispiża netta tas-servizz obbligatorju addizzjonali u, għaldaqstant, tal-għoti tal-kumpens mogħti fir-rigward ta’ dan is-servizz obbligatorju addizzjonali. Fil-fatt, tali prassi twassal sabiex l-impriża fornitura ġġarrab l-ispiża tas-servizz obbligatorju addizzjonali, u dan b’mod kuntrarju għat-termini stess tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2002/22.

      (ara l-punti 47-51, 54, 56, u d-dispożittiv 1)

    2.  Id-Direttiva 2002/22, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li impriża maħtura bħala fornitur ta’ servizzi obbligatorji addizzjonali għandha dritt għall-kumpens mill-Istat Membru tal-ispiża netta tal-provvista ta’ dawn is-servizzi fil-każ biss li din l-ispiża tikkostitwixxi piż mhux iġġustifikat għal din l-impriża.

      Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni nazzjonali ma teskludix li l-impriża kkonċernata jkollha tbati hija stess l-ispiża kollha, jew parti minnha, tal-imsemmija servizzi. Għaldaqstant, il-fatt li l-ħlas ta’ kumpens mill-Istat Membru jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-ispiża netta tal-provvista tas-servizzi obbligatorji addizzjonali tikkostitwixxi piż mhux iġġustifikat għall-impriża maħtura jmur kontra l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2002/22.

      (ara l-punti 62, 63, 65, u d-dispożittiv 2)

    3.  Id-Direttiva 2002/22, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-ispiża netta sostnuta minn impriża maħtura sabiex tissodisfa obbligu ta’ servizz universali tirriżulta mid-differenza bejn id-dħul kollu u l-ispejjeż kollha marbuta mal-provvista tas-servizz inkwistjoni, inklużi d-dħul u l-ispejjeż li l-impriża kienet xorta waħda tirreġistra li kieku ma kinitx operatur ta’ servizz universali.

      Fil-fatt, mill-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) u mit-tieni paragrafu tat-Taqsima A tal-Anness IV tad-Direttiva 2002/22 jirriżulta li l-ispiża netta tal-provvista tas-servizz universali tikkorrispondi għad-differenza bejn l-ispiża netta sostnuta minn impriża maħtura meta tipprovdi servizz universali u meta ma tipprovdix tali servizz. Għaldaqstant, l-ispiża netta tal-provvista ta’ servizz universali ma tistax tirriżulta mid-differenza bejn id-dħul kollu u l-ispejjeż kollha marbuta mal-imsemmija provvista.

      (ara l-punti 71, 72, u d-dispożittiv 3)

    4.  Il-fatt li l-impriża inkarigata b’servizz obbligatorju addizzjonali fis-sens tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2002/22, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, ma tipprovdix dan is-servizz fit-territorju tad-Danimarka biss, iżda wkoll f’dak ta’ Greenland, ma għandux effett fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

      Fil-fatt, Greenland tinsab fil-lista tal-pajjiżi u tat-territorji extra- Ewropej prevista fl-Anness II tat-Trattat FUE u, għalhekk, skont l-Artikolu 204 TFUE, hija s-suġġett tal-arranġamenti speċjali ta’ assoċjazzjoni ddefiniti fid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 198 sa 203 TFUE, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċifiċi għal Greenland li jinsabu fil-Protokoll (Nru 34) dwar arranġamenti speċjali għall-Groenlandja, anness mat-Trattati. L-eżistenza tal-arranġamenti speċjali ta’ assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-imsemmija pajjiżi u territorji extra-Ewropej għandha bħala konsegwenza li d-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat FUE, jiġifieri dawk li ma jinstabux fir-Raba’ Parti tal-imsemmi Trattat, ma humiex applikabbli għall-imsemmija pajjiżi u territorji extra-Ewropej fl-assenza ta’ riferiment espliċitu. F’dan ir-rigward, filwaqt li l-bażi legali tad-Direttiva 2002/22 tinsab fl-Artikolu 114 TFUE, la r-Raba’ Parti tat-Trattat FUE u lanqas id-Deċiżjoni 2001/822, dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea, adottata bis-saħħa ta’ din il-parti tat-Trattat, ma jagħmlu riferiment għall-Artikolu 114 TFUE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/22 ma humiex applikabbli għal Greenland.

      (ara l-punti 75-80, 82, u d-dispożittiv 4)

    5.  L-Artikolu 32 tad-Direttiva 2002/22, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu effett dirett sa fejn jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jġiegħlu lill-impriża inkarigata bil-provvista ta’ servizz obbligatorju addizzjonali ssostni l-ispejjeż kollha, jew parti minnhom, marbuta ma’ din il-provvista.

    6.  Il-prinċipji ta’ lealtà, ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni li tissuġġetta t-tressiq, mill-operatur inkarigat b’servizz universali, ta’ talbiet għall-kumpens għall-bilanċ negattiv tas-sena finanzjarja preċedenti għal terminu ta’ tliet xhur li jiddekorri mill-iskadenza tat-terminu impost fuq dan l-operatur sabiex jikkomunika rapport annwali lill-awtorità nazzjonali kompetenti, bil-kundizzjoni li dan it-terminu ma jkunx inqas favorevoli minn dak previst fid-dritt nazzjonali għal talba analoga u li ma jkunx ta’ natura li jagħmel prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-impriżi mid-Direttiva 2002/22, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, kwistjoni din li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju

      (ara l-punt 87, u d-dispożittiv 5)

      F’dan ir-rigward, kull każ fejn tqum il-kwistjoni ta’ jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura globali, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. F’dan id-dawl, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, jekk ikun il-każ, il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura. L-iffissar ta’ termini ta’ dekadenza jissodisfa, bħala prinċipju, ir-rekwiżit ta’ effettività sa fejn jikkostitwixxi applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali li jipproteġi kemm lill-persuna kkonċernata u kemm lill-amministrazzjoni kkonċernata. Fil-fatt, bħala prinċipju, tali termini ma humiex ta’ natura li jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Madankollu, huma l-Istati Membri li għandhom, fir-rigward tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jiddeterminaw it-termini filwaqt li jqisu, b’mod partikolari, l-importanza għall-persuni kkonċernati tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu, il-kumplessità tal-proċeduri u tal-leġiżlazzjoni li għandha tiġi applikata, in-numru ta’ persuni li jistgħu jkunu kkonċernati u l-interessi pubbliċi jew privati l-oħra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Bla ħsara għal din il-kundizzjoni, l-Istati Membri huma ħielsa li jipprevedu termini itwal jew iqsar.

      (ara l-punti 97, 98, 107, u d-dispożittiv 6)

    7.  Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li awtorità nazzjonali teċċepixxi l-iskadenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni raġonevoli, applikabbli għal azzjoni ġudizzjarja mressqa kontriha minn individwu sabiex jipproteġi d-drittijiet irrikonoxxuti lilu mid-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li ma tkunx ġiet trasposta b’mod korrett, ħlief fil-każ li l-aġir tal-awtoritajiet nazzjonali kkunsidrat flimkien mal-eżistenza ta’ terminu ta’ dekadenza jwasslu sabiex persuna tiġi mċaħħda kompletament mill-possibbiltà li tinvoka d-drittijiet tagħha quddiem il-qrati nazzjonali.

      (ara l-punti 102, 104)

    Top