Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0323

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Marzu 2017.
    Polynt SpA vs L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi.
    Appell – Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Regolament REACH) – Artikolu 57(f) – Awtorizzazzjoni – Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Identifikazzjoni – Livell ta’ tħassib ekwivalenti – Cyclohexane-1.2-dicarboxylique, l-anhydride cis cyclohexane-1.2-dicarboxylique anhydride u trans-cyclohexane- 1.2-dicarboxylique anhydride.
    Kawża C-323/15 P.

    Court reports – general

    Kawża C‑323/15 P

    Polynt SpA

    vs

    L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

    “Appell – Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Regolament REACH) – Artikolu 57(f) – Awtorizzazzjoni – Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Identifikazzjoni – Livell ta’ tħassib ekwivalenti – Cyclohexane-1.2-dicarboxylique, l-anhydride cis cyclohexane-1.2-dicarboxylique anhydride u trans-cyclohexane- 1.2-dicarboxylique anhydride”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Marzu 2017

    Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, evalwazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Proċedura ta’ identifikazzjoni – Determinazzjoni tal-livell ta’ tħassib ta’ sustanza – Teħid inkunsiderazzjoni tad-data relatata mal-espożizzjoni tal-bniedem li tirrifletti l-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji fis-seħħ – Ammissibbiltà

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikoli 57(f) u Annessi I u XV, u Nru 1272/2008, Anness I)

    L-Artikolu 57(f) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), jeħtieġ, għall-identifikazzjoni tas-sustanzi barra minn dawk li jissodisfaw il-kriterji ta’ klassifikazzjoni bħala sustanzi karċinoġeniċi, mutaġeniċi u tossiċi għar-riproduzzjoni (CMR), bħala sustanzi persisteni, bijoakkumulattivi jew tossiċi (PBT) jew bħala sustanzi persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna (vPvB), li jkun stabbilit, każ b’każ, fuq il-bażi ta’ elementi xjentifiċi, minn naħa, li huwa probabbli li s-sustanzi kkonċernati kellhom effetti serji fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent u, min-naħa l-oħra, li dawn l-effetti li jagħtu lok għal livell ta’ tħassib ekwivalenti għal dak relatat ma’ sustanzi CMR, PBT jew vPvB. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod li l-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna għandu jiġi miċħud peress li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija nieqsa.

    Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, L-eżaminazzjoni ta’ din il-kundizzjoni tibbaża fuq evalwazzjoni tal-perikoli għas-saħħa jew għall-ambjent, fuq il-bażi tal-elementi li jaqgħu taħt il-partijiet rilevanti tat-taqsimiet 1 sa 4 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1907/2006, kif inhu stabbilit fit-Taqsima 2 tal-Anness XV ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, huwa ċar li din l-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 57(f) tal-imsemmi regolament jeħtieġ analiżi tal-perikoli li joħorġu mill-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanza kkunsidrata. F’dan ir-rigward, il-klassifikazzjoni ta’ sustanza fl-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, jikkostitwixxi element rilevanti, iżda mhux determinanti. Meta sustanza taqa’ taħt waħda mill-klassijiet ta’ perikolu għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent previsti minn dan ir-regolament, din iċ-ċirkustanza tista’ tkun biżżejjed biex tintwera l-probabbiltà ta’ effetti serji fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent. L-appartenenza għal klassi ta’ perikolu huwa madankollu la kundizzjoni neċessarja u lanqas kundizzjoni suffiċjenti għal dan ir-rigward.

    Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 57(f) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-imsemmija dispożizzjoni ma tiffissa ebda kriterju u ma tagħmel ebda preċiżjoni fir-rigward tan-natura tat-tħassib li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ sustanza minbarra CMR, PBT jew vPvB. F’dan ir-rigward, billi jiġi previst li xi sustanzi jistgħu jiġu identifikati, każ b’każ, jekk l-effetti serji tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem jagħtu lok għal livell ta’ tħassib ekwivalenti għal dak tas-sustanzi CMR, l-Artikolu 57(f) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ data minbarra dawk relatati mal-perikoli maħruġa mill-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi kkonċernati. B’hekk, fil-kuntest tal-eżaminazzjoni tat-tieni kundizzjoni mfassla fl-imsemmija dispożizzjoni, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-data relatata mal-espożizzjoni tal-bniedem li jirriftetti miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji fis-seħħ, meta huma jeżistu, jippermetti li jirfina, għas-sustanzi barra mill-CMR, PBT jew vPvB, l-elementi li fuq il-bażi tagħhom ir-rikors għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni jidher, fid-dawl tad-data kollha disponibbli, l-iktar adattat fid-dawl tat-tħassib li ngħata lok mill-effetti serji tagħhom fuq is-saħħa jew fuq l-ambjent.

    (ara l-punti 26-28, 31, 32, 40, 41)

    Top