Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0297

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-10 ta’ Novembru 2016.
Ferring Lægemidler A/S vs Orifarm A/S.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade marks – Direttiva 2008/95/KE – Artikolu 7(2) – Prodotti farmaċewtiċi – Importazzjoni parallela – Kompartimentalizzazzjoni tas-swieq – Neċessità tal-ippakkjar mill-ġdid tal-prodott li għandu t-trade mark – Prodott farmaċewtiku mqiegħed fis-suq ta’ esportazzjoni u fis-suq ta’ importazzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark bl-istess tipi ta’ ppakkjar.
Kawża C-297/15.

Court reports – general

Kawża C‑297/15

Ferring Lægemidler A/S

vs

Orifarm A/S

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sø- og Handelsretten)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade marks – Direttiva 2008/95/KE – Artikolu 7(2) – Prodotti farmaċewtiċi – Importazzjoni parallela – Kompartimentalizzazzjoni tas-swieq – Neċessità tal-ippakkjar mill-ġdid tal-prodott li għandu t-trade mark – Prodott farmaċewtiku mqiegħed fis-suq ta’ esportazzjoni u fis-suq ta’ importazzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark bl-istess tipi ta’ ppakkjar”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal‑10 ta’ Novembru 2016

  1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Trade marks-Direttiva 2008/95-Importazzjoni parallela, wara l-ippakkjar mill-ġdid u t-twaħħil tat-trade mark, ta’ prodotti mediċinali-Oppożizzjoni mill-proprjetarju-Inammissibbiltà-Kundizzjonijiet-Kompartimentalizzazzjoni artifiċjali tas-swieq bejn l-Istati Membri-Neċessità ta’ ppakkjar mill-ġdid tal-prodott mediċinali-Kriterji ta’ evalwazzjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/95, Artikolu 7(2))

  2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Trade marks-Direttiva 2008/95-Importazzjoni parallela, wara l-ippakkjar mill-ġdid u t-twaħħil tat-trade mark, ta’ prodotti mediċinali-Oppożizzjoni mill-proprjetarju-Ammissibbiltà-Kundizzjonijiet-Possibbiltà li l-prodotti mediċinali jiġu kkummerċjalizzati fis-suq ta’ esportazzjoni u fis-suq ta’ importazzjoni fl-istess ippakkjar-Kummerċjalizzazzjoni mhux limitata għal parti mis-suq tal-Istat ta’ importazzjoni-Verifika li taqa’ fuq il-qorti nazzjonali

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/95, Artikolu 7(2))

  1.  Skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2008/95, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, l-oppożizzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark għall-ippakkjar mill-ġdid, inkwantu hija tikkostitwixxi deroga mill-moviment liberu tal-merkanzija, ma tistax tiġi ammesa jekk l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt mill-proprjetarju jikkostitwixxi restrizzjoni moħbija fil-kummerċ bejn l-Istati parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 13 ta’ dan il-ftehim. Tali restrizzjoni moħbija fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar teżisti meta jkun hemm l-eżerċizzju, mill-proprjetarju ta’ trade mark, tad-dritt tiegħu li jopponi l-ippakkjar mill-ġdid jekk dan l-eżerċizzju jikkontribwixxi għall-kompartimentalizzazzjoni artifiċjali tas-swieq bejn l-Istati parti għall-Ftehim ŻEE meta l-ippakkjar mill-ġdid iseħħ b’mod li l-interessi leġittimi tal-proprjetarju jiġu osservati.

    L-oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark għall-ippakkjar mill-ġdid tikkontribwixxi għall-kompartimentalizzazzjoni artifiċjali tas-swieq bejn l-Istati parti għall-Ftehim ŻEE meta dan l-ippakkjar mill-ġdid huwa neċessarju sabiex il-prodott importat b’mod parallel ikun jista’ jiġi kkummerċjalizzat fl-Istat ta’ importazzjoni. Fil-fatt, is-setgħa tal-proprjetarju ta’ dritt ta’ trade mark protetta fi Stat Membru li jopponi għall-kummerċjalizzazzjoni taħt it-trade mark tal-prodotti ppakkjati mill-ġdid għandha tiġi limitata biss sa fejn l-ippakkjar mill-ġdid li għamel l-importatur huwa neċessarju sabiex il-prodott jiġi kkummerċjalizzat fl-Istat Membru ta’ importazzjoni. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-bidla li jimplika kwalunkwe ppakkjar mill-ġdid ta’ prodott mediċinali li għandu trade mark, li toħloq minnha nfisha r-riskju ta’ kambjament għall-istat oriġinali tal-prodott mediċinali, tista’ tiġi pprojbita mill-proprjetarju tat-trade mark, sakemm l-ippakkjar mill-ġdid ma jkunx neċessarju għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti importati b’mod parallel u sakemm, barra minn hekk, l-interessi leġittimi tal-proprjetarju jiġu mħarsa.

    Fir-rigward b’mod partikolari tar-rekwiżit ta’ neċessità tal-ippakkjar mill-ġdid, dan għandu jiġi eżaminat fid-dawl taċ-ċirkustanzi prevalenti meta ssir il-kummerċjalizzazzjoni fl-Istat ta’ importazzjoni li jagħmlu l-ippakkjar mill-ġdid oġġettivament neċessarju sabiex il-prodott mediċinali jkun jista’ jiġi kkummerċjalizzat f’dan l-Istat mill-importatur parallel. L-oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark għall-ippakkjar mill-ġdid ma hijiex iġġustifikata jekk din tostakola l-aċċess effettiv tal-prodott importat għas-suq ta’ importazzjoni. B’mod partikolari, l-ewwel nett, il-proprjetarju ta’ trade mark ma jistax jopponi l-ippakkjar mill-ġdid tal-prodott meta l-imballaġġ, fid-daqs użat minn dan il-proprjetarju fl-Istat parti għall-Ftehim ŻEE li fih l-importatur xtara l-prodott, ma jistax jiġi kkummerċjalizzat fl-Istat ta’ importazzjoni minħabba, b’mod partikolari, leġiżlazzjoni li tawtorizza biss imballaġġi ta’ ċertu daqs jew prattika nazzjonali f’dan is-sens, regoli fil-qasam ta’ assigurazzjoni għall-mard li jagħmlu r-rimbors tal-ispejjeż mediċi dipendenti fuq id-daqs tal-imballaġġ, jew prattiki ta’ preskrizzjoni medika stabbiliti sew li huma bbażati, fost l-oħrajn, fuq regoli ta’ dimensjonijiet irrakkommandati minn gruppi professjonali u mill-istituzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard.

    Sussegwentement, meta, konformement mar-regoli u mal-prattiki fis-seħħ fl-Istat ta’ importazzjoni, il-proprjetarju juża f’dan l-Istat diversi daqsijiet ta’ imballaġġ differenti, ma huwiex biżżejjed li jiġi kkonstatat li wieħed minn dawn id-daqsijiet huwa kkummerċjalizzat ukoll fl-Istat parti għall-Ftehim ŻEE ta’ esportazzjoni sabiex jiġi konkluż li ma hemmx neċessità ta’ ppakkjar mill-ġdid. Fil-fatt, ikun hemm kompartimentalizzazzjoni tas-swieq jekk l-importatur seta’ jikkummerċjalizza l-prodott biss f’parti limitata tas-suq tiegħu.

    (ara l-punti 15‑22)

  2.  L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2008/95, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark jista’ jopponi t-tkomplija tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott mediċinali minn importatur parallel meta dan tal-aħħar ikun ippakkja mill-ġdid dan il-prodott mediċinali f’imballaġġ ġdid u fuqu waħħal it-trade mark, peress li, minn naħa, il-prodott mediċinali inkwistjoni jista’ jiġi kkummerċjalizzat fl-Istat parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) ta’ importazzjoni fl-istess ippakkjar bħal dak li dan il-prodott huwa kkummerċjalizzat fih fl-Istat parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea ta’ esportazzjoni u, min-naħa l-oħra, l-importatur ma weriex li l-prodott importat jista’ jiġi kkummerċjalizzat biss f’parti limitata tas-suq tal-Istat ta’ importazzjoni, konstatazzjoni li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

    (ara l-punt 29 u d-dispożittiv)

Top