Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0244

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tas-26 ta’ Mejju 2016.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Tassazzjoni – Moviment liberu tal-kapital – Artikolu 63 TFUE – Artikolu 40 tal-Ftehim taż-ŻEE – Taxxa tas-suċċessjonijiet – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi għal eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni relattivi għar-residenza prinċipali bil-kundizzjoni li l-werriet ikun jirresjedi b’mod permanenti f’dan l-Istat Membru – Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni.
    Kawża C-244/15.

    Court reports – general

    Kawża C‑244/15

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Ir-Repubblika Ellenika

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Tassazzjoni — Moviment liberu tal-kapital — Artikolu 63 TFUE — Artikolu 40 tal-Ftehim taż-ŻEE — Taxxa tas-suċċessjonijiet — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi għal eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni relattivi għar-residenza prinċipali bil-kundizzjoni li l-werriet ikun jirresjedi b’mod permanenti f’dan l-Istat Membru — Restrizzjoni — Ġustifikazzjoni”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tas-26 ta’ Mejju 2016

    1. Moviment liberu tal-kapital u libertà tal-pagamenti – Restrizzjonijiet – Taxxa fuq is-suċċessjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni relattiva għar-residenza prinċipali, li tapplika biss għaċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni li jirresjedu b’mod permanenti fl-Istat Membru kkonċernat – Inammissibbiltà – Ġustifikazzjoni – Assenza

      (Artikolu 63 TFUE ; Ftehim taż-ŻEE, Artikolu 40)

    2. Moviment liberu tal-kapital u libertà tal-pagamenti – Restrizzjonijiet – Taxxa fuq is-suċċessjoni – Ġustifikazzjoni – Oneru tal-prova li jaqa’ fuq l-Istat membru

      (Artikolu 63 TFUE)

    3. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Eżami tal-fondatezza mill-Qorti tal-Ġustizzja – Sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni – Sitwazzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata

      (Artikolu 258 TFUE)

    1.  Billi adottat u żammet fis-seħħ leġiżlazzjoni li tipprovdi għal eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni relattiva għar-residenza prinċipali, li tapplika biss għaċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni li jirresjedu fl-Istat Membru kkonċernat, dan tal-aħħar jonqos mill-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 63 TFUE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

      Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni fiskali għandha l-effett li tnaqqas il-valur tas-suċċessjoni għall-werriet li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha rikjesti ħlief dawk marbuta mal-obbligu ta’ residenza permanenti fl-imsemmi Stat Membru, billi ċċaħħad lill-persuna kkonċernata mill-eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni u billi twassal b’hekk sabiex din tal-aħħar tkun suġġetta għal oneru fiskali ikbar minn dak impost fuq werriet residenti fih b’mod permanenti.

      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet tal-kategoriji ta’ persuni kkonċernati, ġaladarba li tali leġiżlazzjoni nazzjonali tpoġġi fuq l-istess pjan, għall-finijiet tat-tassazzjoni ta’ proprjetà immobbli akkwistata minn suċċessjoni u li tinsab fl-Istat Membru kkonċernat, il-werrieta mhux residenti u l-werrieta residenti, hija ma tistax, mingħajr ma tikser ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, tittratta lil dawk il-werrieta b’mod differenti, fil-kuntest ta’ din l-istess tassazzjoni, fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni marbuta ma’ din il-proprjetà immobbli. Din hija s-sitwazzjoni fil-kawża odjerna.

      Barra minn hekk, l-ebda raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali invokata mill-Istat Membru kkonċernat ma tista’ tiġġustifika restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE. Fil-fatt, l-imsemmija leġiżlazzjoni ma hijiex adatta sabiex tippermetti li jintlaħaq, b’mod koerenti u sistematiku, l-għan ta’ interess ġenerali ta’ ordni soċjali, li jikkonsisti fis-sodisfazzjoni tal-bżonnijiet fil-qasam tal-alloġġ, peress li l-eżenzjoni prevista ma hijiex suġġetta għall-obbligu, tal-werriet, li jistabbilixxi r-residenza prinċipali tiegħu fil-proprjetà immobbli li hija suġġetta għas-suċċessjoni, u lanqas għal dak li jokkupa l-imsemmija proprjetà immobbli. Barra minn hekk, in-neċessità li jiġi evitat tnaqqis tad-dħul fiskali ma tidher la fost l-għanijiet stabbiliti fl-Artikoli 65(1) TFUE u lanqas fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għal libertà stabbilita mit-Trattat FUE.

      (ara l-punti 31, 36-38, 40, 43, 45, 50 u d-dispożittiv.)

    2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 42)

    3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 47)

    Top