Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0230

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-14 ta’ Lulju 2016.
    Brite Strike Technologies Inc. vs Brite Strike Technologies SA.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikolu 22(4) – Ġurisdizzjoni għat-tilwim fil-qasam ta’ proprjetà intellettwali – Artikolu 71 – Konvenzjonijiet konklużi mill-Istati Membri f’oqsma partikolari – Konvenzjoni Benelux dwar il-proprjetà intellettwali – Ġurisdizzjoni għat-tilwim dwar it-trade marks u disinni Benelux – Artikolu 350 TFUE.
    Kawża C-230/15.

    Court reports – general

    Kawża C‑230/15

    Brite Strike Technologies Inc.

    vs

    Brite Strike Technologies SA

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 22(4) — Ġurisdizzjoni għat-tilwim fil-qasam ta’ proprjetà intellettwali — Artikolu 71 — Konvenzjonijiet konklużi mill-Istati Membri f’oqsma partikolari — Konvenzjoni Benelux dwar il-proprjetà intellettwali — Ġurisdizzjoni għat-tilwim dwar it-trade marks u disinni Benelux — Artikolu 350 TFUE”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tieni Awla) tal-14 ta’ Lulju 2016

    1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Artikolu 71 – Kamp ta’ applikazzjoni – Relazzjonijiet mal-konvenzjonijiet dwar qasam partikolari – Konvenzjonijiet konklużi minn ċerti Stati Membri – Inklużjoni – Obbligu ta’ parteċipazzjoni ta’ Stati terzi – Assenza

      (Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikoli 69 u 71(2)(a))

    2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Relazzjonijiet mal-konvenzjonijiet dwar qasam partikolari – Konklużjoni, mill-Istati Membri, ta’ konvenzjonijiet ġodda jew emenda ta’ konvenzjonijiet fis-seħħ li jintroduċu regoli li jkollhom supremazija fuq dawk ta’ dan ir-regolament – Inammissibbiltà

      (Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikolu 71; Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, Artikolu 57)

    3. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Relazzjonijiet mal-konvenzjonijiet dwar qasam partikolari – Konvenzjoni Benelux dwar il-proprjetà intellettwali – Nuqqas ta’ applikabbiltà tar-regolament – Kundizzjonijiet – Unjoni reġjonali li tinsab lil hinn mill-implementazzjoni tas-suq intern u natura indispensabbli tad-deroga għall-funzjonament tajjeb tas-sistema Benelux – Osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja

      (Artikolu 350 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1215/2012, Artikolu 24(4); Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, premessi 11 u 12 u Artikoli 22(4) u 71)

    1.  Minkejja l-użu tat-termini “konvenzjoni[jiet] li [għalihom] l-Istati Membri jkunu parti”, li jissuġġerixxu li huma biss konvenzjonijiet konklużi mill-Istati Membri kollha li jaqgħu taħt l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, jirriżulta mill-formulazzjoni tal-paragrafu 2(a) tiegħu li l-konvenzjonijiet imsemmija jinkludu wkoll dawk li ma kinux ġew konklużi minn ċerti Stati Membri. Barra minn hekk, jirriżulta minn qari konġunt tal-Artikoli 69 u 71 tar-Regolament Nru 44/2001 li din l-aħħar dispożizzjoni ma għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din tapplika biss fir-rigward ta’ konvenzjonijiet li jorbtu diversi Stati Membri bil-kundizzjoni li pajjiż terz jew iktar ikunu wkoll partijiet għal tali konvenzjonijiet.

      (ara l-punti 49, 50)

    2.  Għalkemm ir-relazzjoni bejn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fir-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, u dawk li jinsabu f’ċerti konvenzjonijiet konklużi bejn Stati Membri kienet irregolata, favur dawn il-konvenzjonijiet, mill-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, min-naħa l-oħra din id-dispożizzjoni ma tatx il-possibbiltà għall-Istati Membri li jintroduċu, permezz tal-konklużjoni ta’ konvenzjonijiet ġodda jew l-emenda ta’ konvenzjonijiet li huma diġà fis-seħħ, regoli li jkollhom supremazija fuq dawk ta’ dan ir-regolament.

      Il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, meta pparagunat mal-Artikolu 57 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, li jissostitwixxi lil dan tal-aħħar, fil-fatt tirrifletti l-ġurisprudenza stabbilita li, bl-istabbiliment ta’ regoli komuni, l-Istati Membri ma għandhomx iżjed id-dritt li jikkonkludu ftehimiet internazzjonali li jaffettwaw dawn ir-regoli. Din il-limitazzjoni tapplika wkoll f’dak li jikkonċerna l-konklużjoni, mill-Istati Membri, ta’ ftehimiet bejniethom stess.

      (ara l-punti 51-54)

    3.  L‑Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, moqri fid-dawl tal-Artikolu 350 TFUE, ma jipprekludix li r-regola ta’ ġurisdizzjoni għat-tilwim dwar it-trade marks u disinni Benelux, stabbilita fl-Artikolu 4.6 tal-Konvenzjoni Benelux dwar il-proprjetà intellettwali (trade marks u disinni) (KBPI), tiġi applikata għal dan it-tilwim.

      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 350 TFUE jippermetti lir-Renju tal-Belġju, lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li jħallu fis-seħħ, permezz ta’ deroga għar-regoli tal-Unjoni, ir-regoli li japplikaw fil-kuntest tal-unjoni reġjonali tagħhom, bil-kundizzjoni, minn naħa, li din l-unjoni reġjonali tinsab lil hinn mill-implementazzjoni tas-suq intern u, min-naħa l-oħra, li tali deroga tkun iġġustifikata min-natura indispensabbli tagħha għall-funzjonament tajjeb tas-sistema Benelux.

      Fir-rigward tal-ewwel minn dawn ir-rekwiżiti, fil-kuntest tal-Benelux, it-trade marks u d-disinni tat-tliet Stati Membri kkonċernati ġew issostitwiti b’titoli b’effett unitarju. Din is-sistema, li teżisti f’parallel ma’ dik relatata mat-titoli b’effett unitarju tal-Unjoni, tinsab, filwaqt li tintegra l-armonizzazzjoni parzjali mwettqa mid-Direttiva 2008/95, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, u mid-Direttiva 98/71, dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji, lil hinn minnha. Fil-fatt, it-trade marks u d-disinni Benelux huma suġġetti għal leġiżlazzjoni għalkollox uniformi, li tinkludi regoli istituzzjonali u proċedurali komuni. Fost dawn tal-aħħar hemm l-Artikolu 4.6 tal-KBPI.

      Fir-rigward tat-tieni rekwiżit, fid-dawl tal-fatt li t-trade marks u disinni Benelux jaqgħu taħt sistema li tinsab lil hinn fit-tliet Stati Membri kkonċernati, mill-istruttura ġudizzjarja stabbilita mill-Benelux, ibbażata fuq sistema deċentralizzata li tinkludi mekkaniżmu ta’ rinviji preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja Benelux, u min-natura multilingwi ta’ din l-unjoni reġjonali, ir-regola kkodifikata fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI, li hija b’mod partikolari bbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u għalhekk tiżgura li t-tilwimiet dwar dawn l-oqsma jistgħu jiġu ttrattati, minn qorti ta’ waħda minn dawn it-tliet Stati Membri, minflok ma jkunu kkonċentrati, skont l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001, sussegwentement tal-Artikolu 24(4) tar-Regolament Nru 1215/2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, quddiem il-qrati Olandiżi tal-post fejn il-preżentazzjonijiet u r-reġistrazzjonijiet huma ċċentralizzati u jseħħ ir-reġistru, tista’ tiġi kklassifikata bħala indispensabbli għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ trade marks u disinni Benelux.

      Fl-aħħar nett, dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 4.6 tal-KBPI, li hija artikolata madwar il-ġurisdizzjoni tal-qorti tad-domiċilju tal-konvenut, ikkompletata minn ġurisdizzjonijiet oħra li jippreżentaw rabta stretta mas-suġġett tat-tilwima, hija konformi mal-prinċipji li fuqhom tkun ibbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali fi ħdan l-Unjoni, bħall-prinċipji evokati f’dak li jikkonċerna l-ġurisdizzjoni fil-premessi 11 u 12 tar-Regolament Nru 44/2001, ta’ ċertezza legali għall-partijiet fil-kawża u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

      (ara l-punti 57, 59, 60, 63-66 u d-dispożittiv)

    Top