EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0156

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-10 ta’ Novembru 2016.
"Private Equity Insurance Group" SIA vs "Swedbank" AS.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2002/47/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċetti ta’ ‘kollateral finanzjarju’, ta’ ‘obbligazzjonijiet finanzjarji relevanti’ u ta’ ‘provvista ta’ kollateral finanzjarju’ – Possibbiltà ta’ eżekuzzjoni ta’ kollateral finanzjarju indipendentement mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza – Kuntratt ta’ kont kurrenti li jipprevedi klawżola ta’ rahan finanzjarju.
Kawża C-156/15.

Court reports – general

Kawża C‑156/15

“Private Equity Insurance Group” SIA

vs

“Swedbank” AS

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Augstākā tiesa Civillietu departaments)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2002/47/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċetti ta’ ‘kollateral finanzjarju’, ta’ ‘obbligazzjonijiet finanzjarji relevanti’ u ta’ ‘provvista ta’ kollateral finanzjarju’ – Possibbiltà ta’ eżekuzzjoni ta’ kollateral finanzjarju indipendentement mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza – Kuntratt ta’ kont kurrenti li jipprevedi klawżola ta’ rahan finanzjarju”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) tal-10 ta’ Novembru 2016

  1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Arranġamenti finanzjarji kollaterali-Direttiva 2002/47-Kamp ta’ applikazzjoni-Obbligi finanzjarji koperti minn arranġament finanzjarju kollaterali-Kunċett

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/47, Artikolu 2(1)(f))

  2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Arranġamenti finanzjarji kollaterali-Direttiva 2002/47-Kamp ta’ applikazzjoni-Limitazzjoni biss għall-fondi ddepożitati f’kontijiet użati fil-kuntest tas-sistemi ta’ pagament u ta’ saldu tat-titoli msemmija fid-Direttiva 98/26-Esklużjoni

    (Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/26 u 2002/47,premessi 1 u 4)

  3. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Arranġamenti finanzjarji kollaterali-Direttiva 2002/47-Kamp ta’ applikazzjoni-Provvista ta’ kollateral finanzjarju-Kunċett

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/47, Artikolu 2(2))

  4. Dritt tal-Unjoni Ewropea-Interpretazzjoni-Metodi-Interpretazzjoni letterali, sistematika, storika u teleoloġika-Teħid inkunsiderazzjoni tal-iskop u tal-istruttura tal-att inkwistjoni

  5. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Arranġamenti finanzjarji kollaterali-Direttiva 2002/47-Eżekuzzjoni tal-arranġamenti finanzjarji kollaterali-Kuntratt ta’ kont kurrenti li jipprevedi klawżola ta’ rahan finanzjarju-Possibbiltà ta’ eżekuzzjoni ta’ kollateral indipendentement mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ min jipprovdi l-kollateral-Kundizzjonijiet

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/47, Artikoli 4 u 8(1) sa (3))

  6. Dritt tal-Unjoni Ewropea-Prinċipji-Ugwaljanza fit-trattament-Kunċett

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 20)

  7. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Arranġamenti finanzjarji kollaterali-Direttiva 2002/47-Eżekuzzjoni tal-arranġamenti finanzjarji kollaterali-Trattament iddifferenzjat tar-riċevituri tal-kollateral finanzjarju u ta’ dawk ta’ tipi oħra ta’ garanziji fir-rigward tal-effetti tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ min jipprovdi l-kollateral-Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament-Assenza

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/47, Artikolu 1(2)(e)u 3, 4(1) u 8(2))

  8. Domandi preliminari-Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja-Limiti-Domandi ġenerali jew ipotetiċi-Domanda li għandha natura astratta u purament ipotetika fir-rigward tas-suġġett tal-kawża prinċipali-Inammissibbiltà

    (Artikolu 267 TFUE)

  9. Domandi preliminari-Ammissibbiltà-Domanda li ma tipprovdi ebda informazzjoni fuq il-kuntest fattwali u leġiżlattiv u li ma tesponix ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja-Inammissibbiltà

    (Artikolu 267 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 94(c))

  1.  Id-definizzjoni ta’ “obbligazzjonijiet finanzjarji relevanti” li tinsab fl-Artikolu 2(1)(f) tad-Direttiva 2002/47, dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali, tkopri sitwazzjoni li fiha l-kollateral ikopri l-krediti kollha tal-bank kontra d-detentur tal-kont. Fil-fatt, minn naħa, fl-assenza ta’ limitazzjoni speċifika prevista fit-test tad-Direttiva 2002/47, it-termini “obbligi li jagħtu dritt għal ħlas ta’ flus kontanti” li jinsabu fid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(1)(f) tad-Direttiva 2002/47, għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għal kull obbligu li jagħti dritt għal ħlas ta’ flus kontanti u, għaldaqstant, ukoll djun pekunjarji ordinarji ta’ detentur ta’ kont fir-rigward tal-bank tiegħu, bħal spejjeż taż-żamma tal-kont.

    Min-naħa l-oħra, sa fejn l-obbligi finanzjarji koperti jistgħu, skont it-termini stess tad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(1)(f) tad-Direttiva 2002/47, jikkonsistu totalment jew parzjalment f’obbligi preżenti kif ukoll bħala obbligi futuri, inklużi l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim primarju jew minn dispożizzjonijiet simili, din id-definizzjoni hija intiża wkoll għal sitwazzjoni li fiha l-kollateral ikopri mhux biss obbligu individwali, iżda l-krediti kollha tal-bank kontra d-detentur tal-kont.

    (ara l-punti 30-32)

  2.  Għalkemm huwa veru, hekk kif jirriżulta mill-premessi 1 u 4 tad-Direttiva 2002/47, dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali, li din ġiet adottata f’kuntest ikkostitwit, b’mod partikolari, mid-Direttiva 98/26, dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli, u li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li kien vantaġġuż li kollateral ipprovdut fil-kuntest tas-sistemi ta’ pagament u ta’ saldu tat-titoli msemmija minn din l-aħħar direttiva jiġu suġġetti għal leġiżlazzjoni komuni, id-Direttiva 2002/47 madankollu, kif tfakkar ukoll il-premessa 4 tagħha, ikkompletat l-atti ġuridiċi fis-seħħ billi ttrattat kwistjonijiet oħra u billi daħlet f’iktar dettall minnhom. Isegwi li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2002/47 ma jistax jitqies bħala limitat għal fondi ddepożitati f’kontijiet użati fil-kuntest tas-sistemi ta’ pagament u ta’ saldu tat-titoli msemmija fid-Direttiva 98/26.

    (ara l-punti 34, 35)

  3.  Skont id-definizzjoni li tinsab fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2002/47, dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali, il-provvista ta’ kollateral finanzjarju tindika li dan jiġi kkunsinnat, ittrasferit, miżmum, irreġistrat jew ikun għadda minn kwalunkwe trattament ieħor li għandu bħala effett li r-riċevitur tal-kollateral jew il-persuna li taġixxi f’ismu jiksbu l-pussess jew il-kontroll ta’ dan il-kollateral finanzjarju. F’dan ir-rigward, ir-riċevitur ta’ kollateral li jirrigwarda fondi ddepożitati f’kont bankarju ordinarju, ma jistax jitqies bħala li kiseb il-pussess jew il-kontroll ta’ dawn il-fondi ħlief bil-kundizzjoni li min jipprovdi l-kollateral ikun prekluż li jiddisponi minnu.

    (ara l-punti 37, 44)

  4.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 39)

  5.  Id-Direttiva 2002/47, dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tagħtix lir-riċevitur ta’ kollateral finanzjarju, li skont dan il-fondi ddepożitati f’kont bankarju jingħataw bħala rahan lill-bank sabiex il-krediti tiegħu kollha kontra d-detentur tal-kont jiġu ggarantiti, id-dritt li jeżegwixxi dan il-kollateral indipendentement mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ min jipprovdi l-kollateral ħlief jekk, minn naħa, il-fondi suġġetti għal dan il-kollateral kienu tħallsu fil-kont inkwistjoni qabel il-ftuħ ta’ din il-proċedura jew jekk dawn il-fondi kienu tħallsu fih fid-data ta’ dan il-ftuħ, il-bank ikun ipproduċa l-prova li ma kienx jaf li din il-proċedura kienet infetħet jew li ma setax raġonevolment ikun jaf dan, u jekk, min-naħa l-oħra, id-detentur ta’ dan il-kont kien prekluż milli jiddisponi minn dawn il-fondi wara l-ħlas tagħhom f’dan l-istess kont.

    Fil-fatt, kollateral finanzjarju bħala prinċipju ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/47, jekk dan ikun ipprovdut wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza. L‑Artikolu 8(1) u (3) ta’ din id-direttiva essenzjalment jipprekludi li proċedura ta’ insolvenza jista’ jkollha effett retroattiv fuq il-kollateral finanzjarju pprovdut qabel il-ftuħ ta’ din il-proċedura. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, meta kollateral ikun ipprovdut wara l-ftuħ ta’ tali proċedura, l-arranġament kollaterali ma jipproduċix effetti legali u ma jistax jiġi infurzat kontra terzi ħlief eċċezzjonalment, jiġifieri unikament jekk il-kollateral ikun ġie pprovdut fid-data ta’ dan il-ftuħ u jekk ir-riċevitur jipproduċi l-prova li ma kellux għarfien li din il-proċedura kienet infetħet jew li ma setax raġonevolment ikun jaf dan. Isegwi li, bla ħsara għall-ipoteżijiet imsemmija fl-Artikolu 8(2) ta’ din l-istess direttiva, din ma tkoprix il-kollateral ipprovdut wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza.

    (ara l-punti 45, 46, 54 u d-dispożittiv)

  6.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 49)

  7.  Is-sistema stabbilita bid-Direttiva 2002/47, dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali, filwaqt li teskludi li l-provvista ta’ kollateral finanzjarju tiġi suġġetta għat-twettiq ta’ atti formali, tagħti lir-riċevituri ta’ dan il-kollateral id-dritt li jeżegwixxuh indipendentement mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ min jipprovdi l-kollateral. Din is-sistema tagħti, għalhekk, vantaġġ lill-kollateral finanzjarju fir-rigward ta’ tipi oħra ta’ garanziji li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Issa, tali differenza fit-trattament hija bbażata fuq kriterju oġġettiv li huwa relatat mal-għan leġittimu tad-Direttiva 2002/47, li huwa li tissaħħaħ iċ-ċertezza legali u l-effikaċità ta’ kollateral finanzjarju sabiex is-stabbiltà tas-sistema finanzjarja tiġi żgurata.

    Minbarra dan, l-applikabbiltà tad-Direttiva 2002/47 ratione materiae tiddependi mill-provvista tal-kollateral u teħtieġ, bla ħsara għall-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, li din il-provvista tkun seħħet qabel il-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza. Isegwi li s-somom imħallsa fil-kont ta’ min jipprovdi l-kollateral wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza bħala prinċipju ma jistgħux ikunu koperti mis-sistema stabbilita bid-Direttiva 2002/47. Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni ratione personae ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 1(3) tagħha jawtorizza lill-Istati Membri li jeskludu l-arranġamenti finanzjarji kollaterali li fihom waħda mill-partijiet hija persuna intiża fl-Artikolu 1(2)(e) ta’ din l-istess direttiva. Fl-aħħar nett, is-sistema stabbilita bid-Direttiva 2002/47 tikkonċerna biss parti mill-attiv ta’ min jipprovdi l-kollateral li fir-rigward ta’ dan tal-aħħar ikun aċċetta ċerta forma ta’ spussess. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-validità tad-Direttiva 2002/47 ma tistax tiġi kkontestata fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    (ara l-punti 50-53)

  8.  Talba għal deċiżjoni preliminari tkun iġġustifikata mhux mill-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda mill-bżonn inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, meta l-qorti tar-rinviju tammetti li ċerti domandi huma purament ipotetiċi fil-kuntest tal-kawża prinċipali, iċ-ċirkustanza li d-domandi magħmula jistgħu jirriżultaw rilevanti fil-kuntest ta’ eventwali stħarriġ ta’ kostituzzjonalità tal-liġi nazzjonali inkwistjoni mill-qorti kostituzzjonali ma tistax tneħħi n-natura ipotetika ta’ dawn id-domandi.

    (ara l-punti 56-58)

  9.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 61-63)

Top