Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0149

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Novembru 2016.
    Sabrina Wathelet vs Garage Bietheres & Fils SPRL.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 1999/44/KE – Bejgħ u garanziji ta’ oġġetti ta’ konsum – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘bejjiegħ’ – Intermedjarju – Ċirkustanzi eċċezzjonali.
    Kawża C-149/15.

    Court reports – general

    Kawża C-149/15

    Sabrina Wathelet

    vs

    Garage Bietheres & Fils SPRL

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-cour d’appel de Liège)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 1999/44/KE – Bejgħ u garanziji ta’ oġġetti ta’ konsum – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘bejjiegħ’ – Intermedjarju – Ċirkustanzi eċċezzjonali”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Novembru 2016

    1. Dritt tal-Unjoni Ewropea-Interpretazzjoni-Prinċipji-Interpretazzjoni awtonoma u uniformi

    2. Protezzjoni tal-konsumaturi-Bejgħ u garanziji ta’ oġġetti ta’ konsum-Direttiva 1999/44-Kamp ta’ applikazzjoni-Bejjiegħ-Kunċett-professjonist li jaġixxi bħala intermedjarju f’isem individwu li ma jkunx debitament informa lill-konsumatur xerrej bdan il-fatt-Inklużjoni

      (Direttiva 1999/44 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikolu 1(2)(ċ))

    1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 28)

    2.  Il-kunċett ta’ “bejjiegħ” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandha tiġi interpretata fis-sens li tirrigwarda bl-istess mod professjonist li jaġixxi bħala intermedjarju f’isem individwu li ma jkunx debitament informa lill-konsumatur bil-fatt li l-proprjetarju tal-oġġett mibjugħ huwa individwu, dan il-fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. L-interpretazzjoni preċedenti ma tiddependix fuq il-punt ta’ jekk l-intermedjarju huwa rremunerat jew ma huwiex irremunerat għall-intervent tiegħu.

      Fil-fatt, l-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44, jillimita ċ-ċirku ta’ persuni li kontra tagħhom il-konsumatur jista’ jaġixxi sabiex isostni d-drittijiet tiegħu li jirriżultaw minn din direttiva. Konsegwentement, l-għarfien mill-konsumatur tal-identità tal-bejjiegħ u b’mod partikolari tal-kwalità tiegħu ta’ individwu jew ta’ professjonist, huwa imperattiv sabiex jippermetti lil dan tal-aħħar li jibbenefika mill-protezzjoni li tagħti l-imsemmija direttiva.

      Għalhekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li fihom il-konsumatur jista’ jitwassal faċilment għal żball inkunsiderazzjoni tal-modalitajiet li fihom ikun seħħ il-bejgħ, hemm lok li tingħata protezzjoni msaħħa lil dan tal-aħħar. Għalhekk, ir-responsabbiltà tal-bejjiegħ, skont id-Direttiva 1999/44, għandha tkun tista’ tiġi imposta fuq l-intermedjarju li, billi jippreżenta lilu nnifsu lill-konsumatur, joħloq riskju ta’ konfużjoni f’moħħu, billi jwasslu li jemmen fil-kwalità tiegħu ta’ proprjetarju tal-oġġett mibjugħ.

      Barra minn hekk, hija l-qorti nazzjonali li hija kompetenti li tivverifika jekk, il-professjonist jista’ jitqies bħala l-“bejjiegħ” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44, meta ma jkunx debitament informa lill-konsumatur ma huwiex il-proprjetarju tal-oġġett inkwistjoni Jistgħu jkunu rilevanti f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, il-grad ta’ parteċipazzjoni u l-intensità tal-isforzi mill-intermedjarju fil-bejgħ, iċ-ċirkustanzi li fihom l-oġġett ikun ġie ppreżentat lill-konsumatur konsumatur kif ukoll l-aġir ta’ dan tal-aħħar, sabiex jiġi ddeterminat jekk dan setax jifhem li l-intermedjarju kienx qed jaġixxi f’isem l-individwu.

      (ara l-punti 37, 41, 44, 45 u dispożittiv)

    Top