Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0148

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Ottubru 2016.
    Deutsche Parkinson Vereinigung eV vs Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 34 u 36 TFUE - Moviment liberu tal-merkanzija - Leġiżlazzjoni nazzjonali - Prodotti mediċinali għall-użu tal-bniedem suġġetti għall-preskrizzjoni medika - Bejgħ mill-ispiżeriji - Iffissar ta’ prezzijiet uniformi - Restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni - Miżura li għandha effett ekwivalenti - Ġustifikazzjoni - Protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem.
    Kawża C-148/15.

    Court reports – general

    Kawża C-148/15

    Deutsche Parkinson Vereinigung eV

    vs

    Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikoli 34 u 36 TFUE — Moviment liberu tal-merkanzija — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Prodotti mediċinali għall-użu tal-bniedem suġġetti għall-preskrizzjoni medika — Bejgħ mill-ispiżeriji — Iffissar ta’ prezzijiet uniformi — Restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni — Miżura li għandha effett ekwivalenti — Ġustifikazzjoni — Protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Ottubru 2016

    1. Moviment liberu tal-merkanzija – Restrizzjonijiet kwantitattivi – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Kunċett – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-iffissar ta’ prezzijiet uniformi għall-bejgħ mill-ispiżeriji ta’ prodotti mediċinali għall-użu tal-bniedem suġġetti għall-preskrizzjoni medika – Inklużjoni

      (Artikolu 34 TFUE)

    2. Moviment liberu tal-merkanzija – Derogi – Protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-iffissar ta’ prezzijiet uniformi għall-bejgħ mill-ispiżeriji ta’ prodotti mediċinali għall-użu tal-bniedem suġġetti għall-preskrizzjoni medika – Miżura intiża sabiex tiġi żgurata provvista ċerta u ta’ kwalità ta’ prodotti mediċinali – Ġustifikazzjoni – Assenza

      (Artikolu 36 TFUE)

    1.  L-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprevedi l-iffissar ta’ prezzijiet uniformi għall-bejgħ mill-ispiżeriji ta’ prodotti mediċinali għall-użu tal-bniedem suġġetti għall-preskrizzjoni medika, tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni fis-sens ta’ dan l-artikolu u għaldaqstant li din il-leġiżlazzjoni taffettwa l-iktar il-bejgħ ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika minn spiżeriji stabbiliti fi Stati Membri oħra milli l-bejgħ ta’ dawn il-prodotti mediċinali minn spiżeriji stabbiliti fit-territorju nazzjonali.

      Fil-fatt, l-ispiżeriji tradizzjonali huma, bħala prinċipju, iktar kapaċi mill-ispiżeriji tal-bejgħ bil-korrispondenza biex jagħtu lill-pazjenti parir individwali permezz tal-persunal fl-ispiżerija u sabiex tiġi żgurata provvista ta’ prodotti mediċinali f’każ ta’ emerġenza. L-ispiżeriji tal-bejgħ bil-korrispondenza ma jistgħux, minħabba l-fatt li joffru servizzi ristretti, jissostitwixxu b’mod xieraq dawn is-servizzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-kompetizzjoni mill-prezzijiet tista’ tirrappreżenta parametru kompetittiv usa’ għal dawn tal-aħħar milli għall-ispiżeriji tradizzjonali, dan il-parametru jikkundizzjona l-possibbiltà tagħhom li jaċċedu direttament għas-suq nazzjonali u li jibqgħu kompetittivi fih.

      Konsegwentement, u peress li l-bejgħ bil-korrispondenza jikkostitwixxi mezz iktar importanti, jekk hux saħansitra, eventwalment, l-uniku mezz, inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi partikolari tas-suq nazzjonali, għall-ispiżeriji stabbiliti fi Stati Membri oħra milli għall-ispiżeriji stabbiliti fit-territorju nazzjonali sabiex jaċċedu direttament għas-suq, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taffettwax bl-istess mod il-bejgħ tal-prodotti mediċinali nazzjonali u dak tal-prodotti mediċinali ġejjin minn Stati Membri oħrajn.

      (ara l-punti 24, 25, 27, dispożittiv 1)

    2.  L-Artikolu 36 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprevedi l-iffissar ta’ prezzijiet uniformi għall-bejgħ mill-ispiżeriji ta’ prodotti mediċinali għall-użu tal-bniedem suġġetti għall-preskrizzjoni medika, ma tistax tiġi ġġustifikata għall-finijiet tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem fis-sens ta’ dan l-artikolu, sa fejn din il-leġiżlazzjoni ma hijiex adegwata sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa.

      Fil-fatt, jekk l-għan li tiġi żgurata provvista ċerta u ta’ kwalità ta’ prodotti mediċinali fit-territorju nazzjonali kollu jaqa’, bħala prinċipju, taħt l-Artikolu 36 TFUE, xorta jibqa’ l-fatt li leġiżlazzjoni li tirrestrinġi libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat, bħalma hija l-libertà tal-moviment liberu tal-merkanzija, tista’ tiġi validament iġġustifikata biss sakemm hija adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan leġittimu mixtieq u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq.

      F’dan ir-rigward, kompetizzjoni fil-prezzijiet bejn l-ispiżeriji tista’ tibbenefika l-provvista uniformi tal-prodotti mediċinali, billi tistimula l-istabbiliment ta’ spiżeriji fir-reġjunijiet li fihom numru żgħir ta’ spiżeriji tippermetti fatturazzjoni ta’ prezzijiet iktar għoljin.

      Bl-istess mod, kompetizzjoni fil-prezzijiet għall-prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika għandha effett negattiv fuq il-kisba mill-ispiżeriji tradizzjonali ta’ ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali, bħalma hija l-manifattura ta’ prodotti mediċinali bi preskrizzjoni jew iż-żamma ta’ ċerta ħażna u assortiment ta’ prodotti mediċinali. Għall-kuntrarju, jista’ jiġri, li meta ffaċċjati minn kompetizzjoni fil-prezzijiet mill-ispiżeriji tal-bejgħ bil-korrispondenza, l-ispiżeriji tradizzjonali jiġu inkoraġġiti li jiżviluppaw dawn l-attivitajiet.

      Fl-aħħar nett, il-kompetizzjoni fil-prezzijiet tista’ tibbenefika lill-pazjent, sa fejn din tippermetti, jekk ikun il-każ, li jiġu offerti, il-prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika bi prezzijiet iktar favorevoli għal dawk attwalment imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ċċitata iktar ’il fuq.

      (ara l-punti 34, 38, 40, 43, 46, dispożittiv 2)

    Top