EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0126

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-29 ta’ Ġunju 2017.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Dazji tas-sisa fuq is-sigaretti – Direttiva 2008/118/KE – Eżiġibbiltà – Post u ħin tal-eżiġibbiltà – Marki fiskali – Moviment liberu tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa – Limitazzjoni ratione temporis tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-bejgħ ta’ pakketti tas-sigaretti – Prinċipju ta’ proporzjonalità.
Kawża C-126/15.

Court reports – general

Kawża C‑126/15

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Portugiża

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Dazji tas-sisa fuq is-sigaretti – Direttiva 2008/118/KE – Eżiġibbiltà – Post u ħin tal-eżiġibbiltà – Marki fiskali – Moviment liberu tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa – Limitazzjoni ratione temporis tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-bejgħ ta’ pakketti tas-sigaretti – Prinċipju ta’ proporzjonalità”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-29 ta’ Ġunju 2017

Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonjiet – Dazji tas-sisa – Direttiva 2008/118 – Eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa – Kundizzjonijiet għall-eżiġibbiltà – Miżura nazzjonali li għandha bħala għan li tipprevjeni rrilaxx għall-konsum ta’ kwantitajiet eċċessivi ta’ pakketti tas-sigaretti fl-aħħar tas-sena, b’antiċipazzjoni ta’ żieda fid-dazju tas-sisa – Limitazzjoni ratione temporis tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-bejgħ ta’ pakketti tas-sigaretti – Ammissibbiltà – Miżura li tapplika fl-assenza ta’ żieda fir-rata tad-dazju tas-sisa – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

(Direttiva tal-Kunsill 2008/118, il-premessa 31 u l-ewwel pararagrafu tal-Artikolu 9, l-Artikolu 11 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 38(3))

Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/118, dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12, u l-prinċipju ta’ proporzjonalità billi jistabbilixxi li s-sigaretti rilaxxati għall-konsum f’sena partikolari ma jkunux għadhom jistgħu jiġu kkummerċjalizzati jew mibjugħa lill-pubbliku wara tmiem it-tielet xahar tas-sena ta’ wara, meta ma jkunx hemm żieda fir-rata tad-dazju tas-sisa fuq dawn il-prodotti li jkollha effett għall-imsemmija sena segwenti.

Fil-fatt, il-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, u l-abbużi eventwali hija għan segwit mid-Direttiva 2008/118, kif jirriżulta mill-premessa 31 kif ukoll mill-Artikolu 11 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 39(3) tiegħu. Issa, ir-rilaxxi għall-konsum fi kwantitajiet eċċessivi ta’ pakketti tas-sigaretti fl-aħħar tas-sena, b’antiċipazzjoni ta’ żieda fir-rata tas-sisa, jikkostitwixxu forma ta’ abbuż li l-Istati Membri għandhom id-dritt li jipprevjeni b’miżuri xierqa. Sa fejn l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/118 jirreferi għad-dritt nazzjonali fis-seħħ fid-data tal-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa għad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eżiġibbiltà u tar-rati tas-sisa, tali dritt irrikonoxxut lill-Istati Membri jimplika neċessarjament il-possibbiltà għal dawn tal-aħħar li jadottaw tali miżuri.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom josservaw, fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni, il-prinċipji ġenerali tal-liġi li fosthom jinsab, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan il-prinċipju jirrikjedi li l-Istati Membri jirrikorru għal mezzi li, filwaqt li jippermettu li effettivament jintlaħaq l-għan imfittex mil-liġi nazzjonali, ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ u jkollhom l-inqas preġudizzju fuq l-objettivi u l-prinċipji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni. Miżura li għandha l-għan li tipprevjeni r-rilaxxi għall-konsum fi kwantitajiet eċċessivi ta’ pakketti tas-sigaretti fl-aħħar tas-sena, b’antiċipazzjoni ta’ żieda fid-dazju tas-sisa hija xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi li huma l-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Hija tikkontribwixxi wkoll sabiex tiżgura kompetizzjoni b’saħħitha. Issa, sa fejn tali miżura tapplika fil-każijiet kollha, inkluż f’dak fejn ir-rata tas-sisa tonqos jew ma tinbidilx, hija ma tidhirx meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti. Fil-fatt dawn l-għanijiet jistgħu jintlaħqu b’mod inqas restrittiv u ugwalment xierqa jekk il-miżura tapplika biss fil-każ ta’ żieda fir-rata tas-sisa fuq is-sigaretti.

(ara l-punti 59-62, 64, 67, 68, 78, 79, 99 u d-dispożittiv)

Top