Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0048

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-26 ta’ Mejju 2016.
    État belge, SOF Finances vs NN (L) International SA.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni diretta – Moviment liberu tal-kapital – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Direttiva 69/335/KEE – Direttiva 5/611/KEE – Artikoli 10 u 293 KE – Taxxa annwali fuq impriżi ta’ investiment kollettiv – Taxxa doppja – Sanzjoni applikabbli għall-impriżi ta’ investiment kollettiv irregolati taħt id-dritt barrani.
    Kawża C-48/15.

    Court reports – general

    Kawża C‑48/15

    État belge, SPF Finances

    vs

    NN (L) International SA

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Bruxelles)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tassazzjoni diretta — Moviment liberu tal-kapital — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Direttiva 69/335/KEE — Direttiva 5/611/KEE — Artikoli 10 u 293 KE — Taxxa annwali fuq impriżi ta’ investiment kollettiv — Taxxa doppja — Sanzjoni applikabbli għall-impriżi ta’ investiment kollettiv irregolati taħt id-dritt barrani”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-26 ta’ Mejju 2016

    1. Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali – Neċessità ta’ domanda preliminari u rilevanza tal-kwistjonijiet imqajma

      (Artikolu 267 TFUE)

    2. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonjiet – Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital – Direttiva 69/335 – Kamp ta’ applikazzjoni – Taxxa annwali miġbura mingħand impriżi ta’ investiment kollettiv fuq unitajiet imqiegħda fi Stat Membru – Esklużjoni

      (Direttiva tal-Kunsill 69/335, Artikoli 2, 4, 10 u 11)

    3. Libertà ta’ stabbiliment – Kumpanniji – Impriżi ta’ investiment kollettiv fuq titoli transferibbli – Direttiva 85/611 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi taxxa annwali fuq l-impriżi ta’ investiment kollettiv irregolati taħt id-dritt barrani – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Assenza ta’ diskriminazzjoni

      (Artikolu 10 CE u t-tieni inċiż tal-Artikolu 293 KE ; Direttiva tal-Kunsill 85/611, Artikolu 44(3)

    4. Trattat KE – It-tieni inċiż tal-Artikolu 293 KE – Effett dirett – Assenza

      (Artikoli 10 KE, 49 KE, 56 KE u 293 KE)

    5. Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Moviment liberu tal-kapital – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Eżami ta’ miżura nazzjonali marbut ma’ dawn iż-żewġ libertajiet fundamentali – Kriterji ta’ determinazzjoni tar-regoli applikabbli

      (Artikolu 49 KE ui 56 KE)

    6. Libertà ta’ stabbiliment – Moviment liberu tal-kapital – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni fiskali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi taxxa annwali fuq l-impriżi ta’ investiment kollettiv – Applikazzjoni tat-taxxa kemm għall-impriżi ta’ dritt nazzjonali kif ukoll għal dawk ta’ dritt barrani – Ammissibbiltà

      (Artikolu 56 KE)

    7. Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni fiskali – 87849 / Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi taxxa annwali fuq l-impriżi ta’ investiment kollettiv – Possibbiltà li jiġu ssanzjonati l-impriżi rregolati taħt id-dritt barrani li wettqu n-nuqqas b’interdizzjoni li jqegħdu unitajiet fl-Istat Membru kkonċernat fil-futur – Assenza ta’ tali sanzjoni għall-impriżi ta’ investiment kollettiv – Inammissibbiltà

      (Artikolu 49 CE)

    1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 21)

    2.  L-Artikoli 2, 4, 10 u 11 tad-Direttiva 69/335, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, kif emendata bid-Direttiva 85/303, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi taxxa annwali fuq l-impriżi ta’ investiment kollettiv, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta għal din it-taxxa l-impriżi ta’ investiment kollettiv irregolati taħt id-dritt barrani li jqiegħdu unitajiet f’dan l-Istat Membru.

      Fil-fatt, tali taxxa annwali ma tikkorrispondi għal ebda waħda mit-tranżazzjonijiet suġġetti għad-dazju kapitali skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 69/335, li, huma kkaratterizzati minn żieda effettiva tal-kapital jew tal-assi lil kumpannija b’kapital azzjonarju, jew jieħdu l-forma ta’ żieda effettiva tal-kapital jew tal-assi tal-kumpanniji, li ma huwiex manifestament il-każ ta’ taxxa dwar l-ammonti netti investiti fi Stat Membru. Tali taxxa lanqas ma taqa’ f’dawk ipprojbiti mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 69/335, sa fejn, minn naħa, hija ma tikkorrispondi għal ebda mit-tranżazzjonijiet taxxabbli elenkati fl-Arttikolu 4 ta’ din id-direttiva li l-Artikolu 10(a) u (b) tagħha jirreferu għalihom, u, min-naħa l-oħra, hija ma għandha ebda rabta mar-reġistrazzjoni jew ma’ kull formalità oħra rikjesta qabel il-bidu ta’ negozju, fis-sens tal-Artikolu 10(c) tal-imsemmija direttiva. Bl-istess mod, din it-taxxa bl-ebda mod ma tikkorrispondi għat-tranżazzjonijiet suġġetti għall-Artikolu 11 tal-istess direttiva. Konsegwentement, din it-taxxa annwali fuq l-impriżi ta’ investiment kollettiv ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 69/335. Din tal-aħħar ma tipprekludix għaldaqstant li l-imsemmija impriżi ta’ investiment kollettiv irregolati taħt id-dritt barrani jkunu suġġetti għal tali taxxa.

      (ara l-punti 25-27 u d-dispożittiv 1)

    3.  Id-Direttiva tal-Kunsill 85/661, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) [IIKTT], jekk ikun il-każ moqri flimkien mal-Artikolu 10 KE u mat-tieni inċiż tal-Artikolu 293 KE, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi taxxa annwali fuq l-impriżi ta’ investiment kollettiv, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta għal din it-taxxa l-impriżi ta’ investiment kollettiv irregolati taħt id-dritt barrani li jqiegħdu unitajiet f’dan l-Istat Membru, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni tiġi applikata mingħajr diskriminazzjoni.

      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li t-tassazzjoni tal-IIKTT ma taqax fil-qasam regolat bid-Direttiva 85/611, li ma fiha ebda dispożizzjoni dwar dan il-qasam. Madankollu, l-Artikolu 44(3) ta’ din id-direttiva irrikjeda li l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli fi Stat Membru għall-IIKTT u li ma jaqgħux fil-qasam regolat minnu kellhom jiġu applikati mingħajr diskriminazzjoni.

      (ara l-punti 32, 34 u dispożittiv 2)

    4.  L-Artikolu 293 KE ma huwiex maħsub li jistabbilixxi regola legali applikabbli bħala tali, iżda sempliċement ifassal il-qafas ta’ negozjati li l-Istati Membri għandhom jidħlu fihom ma’ xulxin sakemm ikun meħtieġ. Għalkemm l-eliminazzjoni tat-taxxa doppja ġewwa l-Unjoni tinsab b’hekk fost l-għanijiet tat-Trattat, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li hija ma tistax fiha nfisha tagħti lill-individwi drittijiet li huma kapaċi jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali Bl-istess mod, l-Artikolu 10 KE, li jistabbilixxi obbligu ġenerali tal-Istati Membri, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li joħloq obbligu indipendenti min-naħa ta’ dawn l-Istati, li jmur lil hinn mill-obbligi li jistgħu jkunu imposti fuqhom skont l-Artikoli 49KE, 56KE u 293 KE.

      (ara l-punt 38)

    5.  Meta, fil-kuntest tal-eżami tal-validità ta’ miżura nazzjnali mad-dritt tal-Unjoni, din il-miżura tkun relatata kemm mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u mal-moviment liberu tal-kapital, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-miżura inkwistjoni, bħala prinċipju, fir-rigward ta’ waħda biss minn dawn iż-żewġ libertajiet jekk jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, waħda minnhom hija kompletament sekondarja meta mqabbla mal-oħra u tista’ tingħaqad magħha.

      (ara l-puunt 39)

    6.  L-Artikolu 56 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi taxxa annwali fuq l-impriżi ta’ investiment kollettiv, li tissuġġetta għal din it-taxxa l-impriżi ta’ investiment kollettiv irregolati taħt id-dritt barrani li jqiegħdu unitajiet f’dan l-Istat Membru.

      Fil-fatt, il-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 56(1) KE, bħala restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddisswadu lil dawk li ma humiex residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu lir-residenti fl-imsemmi Stat Membru milli jinvestu fi Stati Membri oħra . Issa dan ma huwiex il-każ ta’ taxxa annwali fuq l-impriżi ta’ investiment kollettiv li tapplika mingħajr distinzjoni għall-imsemmija impriżi kollha, irregolati taħt id-dritt nazzjonali kif ukoll taħt id-dritt barrani, l-unika differenza oġġettiva fis-sitwazzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ impriżi ta’investiment kollettiv, relattiv għall-issuġġettar tagħhom għal din it-taxxa, hija fil-fatt li, għall-imsemmija impriżi irregolati taħt id-dritt barrani, din it-taxxa annwali tiżdied mat-taxxa li jistgħu jkunu suġġetti għaliha fl-Istat Membru fejn huma stabbiliti.

      F’dan ir-rigward, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, l-iżvantaġġi li jistgħu jirriżultaw mill-eżerċizzju parallel tal-kompetenzi fiskali ta’ Stati Membri differenti, sa fejn tali eżerċizzju ma jkunx diskriminatorju, ma jikkostitwixxux restrizzjonijiet għal-libertajiet ta’ moviment, Barra minn hekk, l-Istati Membri ma humiex obbligati li jadattaw is-sistema fiskali tagħhom stess għas-sistemi ta’ taxxa differenti tal-Istati Membri l-oħra, b’mod partikolari sabiex jeliminaw it-taxxa doppja.

      (ara l-punti 44, 46, 47, 49 u d-dispożittiv 3)

    7.  L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru jipprovdi għal sanzjoni speċifika, jiġifieri l-projbizzjoni imposta minn qorti sabiex tqiegħed fil-futur unitajiet, fil-konfront ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza minnhom tal-obbligu li jagħmlu d-dikjarazzjoni annwali meħtieġa sabiex jirkupraw taxxa fuq l-impriżi ta’ investiment kollettiv jew in-nuqqas ta’ ħlas tagħha.

      B’hekk, peress li l-iskema ta’ sanzjonijiet kienet iktar severa fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv irregolati taħt id-dritt barrani milli fir-rigward ta’ tali impriżi taħt id-dritt Belġjan li jonqsu fl-istess obbligi legali, tali differenza fit-trattament, ibbażata fuq il-post ta’ stabbiliment, hija tali li tiddiswadi lill-impriżi ta’ investiment kollettiv irregolati taħt id-dritt barrani milli jinnegozjaw unitajiet fl-Istat Membru kkonċernat. Għaldaqstant, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. F’dan ir-rigward, l-impożizzjoni ta’ sanzjoni fuq l-impriżi għal investiment kollettiv irregolati taħt id-dritt barrani li jevadu l-obbigu ta’ dikjarazzjoni u ta’ ħlas tat-taxxa annwali dehret iġġustifikata mill-ħtieġa li jiġi żgurat l-irkupru ta’ din it-taxxa fuq l-impriżi ta’ investiment kollettiv u adattat sabiex tippermetti t-twettiq ta’ dan l-għan, li jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika restrizzjoni għal-libertà li jiġu provvduti servizzi.

      Madankollu, għalkemm hija suġġetta għall-evalwazzjoni ta’ qorti, sanzjoni li tikkonsisti f’li tipprojbixxi lill-impriżi għal investiment kollettiv irregolati taħt id-dritt barrani milli jqiegħdu unitajiet fi Stat Membru fil-futur tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan, sa fejn din id-dispożizzjoni ma tillimitax it-tul ta’ tali projbizzjoni u ma tipprevedix il-possibbiltà li taġġusta jew li timponi sanzjonijiet oħra inqas restrittivi skont il-gravità tal-ksur imwettaq.

      (ara l-punti 56, 59-62 u d-dispożittiv 4)

    Top